MediaToday

Intervista | 11 ta’ Ottubru 2009 Nr 155

Bookmark and Share

Extra-time: l-isbaħ mumenti tal-partita

Harry Vassallo jintervista lill-President Emeritus Guido De Marco Guido llum
X’jagħmel President meta jispiċċa mill-ħatra? Wara ħajja ta’ protagonist fil-kamp politiku, wara li wassal fl-ogħla livelli li seta’ l-ħidma tiegħu bħala Ministru tal-Affarijiet Barranin meta warrab mill-kariga ta’ Kap tal-Istat, fiex seta’ jinfexx Guido De Marco?
Kif jirrakkontaha hu, għamel ġimgħa xi ftit diżorjentat iżda għal ġimgħa biss. Ir-ritmu ta’ ġurnata xogħol ta’ 12 il-siegħa li kien dara ma setax jerħieh.
Illum ta’ 78 sena għadu jmur l-uffiċċju tiegħu kuljum, jiltaqa’ man-nies u jagħti l-pariri li jitolbuh, illum mingħajr ma jitlobhom il-ħlas. Għadu jgħallem l-Università. B’sodisfazzjoni jgħidli li għallem lil kull maġistrat u mħallef li għandna llum. Ilu jgħallem il-Kriminal mill-1967. Jgħallem ukoll fl-Akkademja Mediterranja ta’ Studji Diplomatiċi. Hu lecturer tal-professorat Jean Monnet fid-diplomazija. Jagħti lectures lill-International Maritime Law Institute (IMLI). Sfrutta l-ħin li kiseb, l-iżjed meta operazzjoni f’irkopptu waqqfitu għal xi żmien minn attivitajiet oħra, biex kiteb ktieb, Politics of Persuasion, dwar il-ħidma u l-esperjenzi tiegħu. Ħa ħsieb isemmi li dan wasal biex jiġi ppubblikat bil-Malti bi traduzzjoni ta’ Charles Abela Mizzi.
Li ma semmiex, u jien ma sibtx ħin nistaqsieh fl-intervista, kien il-fatt li dawn l-attivitajiet kollha jlaħħaq magħhom minkejja li jbati mill-mard tal-kliewi u jkollu jagħmel dijaliżi tad-demm regolarment.
Kont tlabtu permess li nsemmi din il-marda fl-intervista u kien pront jgħid, “Iva, kulħadd jaf. Għala le?”
Jista’ jkun li m’għandekx grazzja miegħu, jista’ jkun li bqajt tgħoddu mar-rivali politiċi tiegħek, jista’ jkun li ma taqbilx mal-fehmiet tiegħu, iżda fuq il-livell uman ma tistax ma tammirax fih ir-rieda soda li jkompli attiv minkejja kull ostakolu. Qalli li kieku kellu jieqaf jaħdem imut. Ma ħadthiex b’ċajta.

Il-President De Marco
Għal ħafna nies il-kariga ta’ President hi waħda simbolika mingħajr seta’ effettiva. Kif għexha Guido De Marco?
“Jekk trid taħdem ta’ President għandek x’tagħmel il-ġurnata kollha. Jekk ma tridx, hija kariga simbolika. Jien ma ridthiex tkun kariga simbolika. Ridtha tkun kariga li jien ħallejt l-appartenza tiegħi kollha lill-Partit Nazzjonalista li lilu tajt tant snin ta’ ħajti u ddeċidejt li l-President ta’ Malta għandu jkun il-President tal-Maltin kollha. Mhux President tal-Maltin Nazzjonalisti biss.”
Irnexxielu?
“Naħseb li fil-każ tiegħi, minn dak li nisma’, minn dak li jgħiduli u minn dak li nsegwi attentament, naħseb li rnexxieli. Ma tistax, int u titkellem, anke fuq il-passat, tgħid: “Meta rbaħna l-elezzjoni fl-1987 ... Meta tlifna l-elezzjoni fl-1996.” Malli tagħmel hekk m’għadekx President. Meta int President trid tinsa l-elezzjonijiet li stajt irbaħt jew tlift. Int f’dak il-ħin li int President, int President tal-Maltin kollha u trid isservi lill-Maltin kollha. U jien qgħadt attent ħafna anke għal dawn id-dettalji għax id-dettalji huma parti mis-sustanza. Jien kelli l-vantaġġ ukoll li billi kont imdaħħal ħafna biex Malta saret Repubblika, u kemm meta fl-1986 meta Malta kienet f’xifer gwerra ċivili, jien mal-Perit Mintoff sibna s-soluzzjoni li wasslet għall-emenda kostituzzjonali tal-1987 u b’hekk konna affermajna li min għandu l-maġġoranza assoluta tal-voti għandu jkollu l-maġġoranza assoluta tas-siġġijiet. U ftehimna wkoll, billi dehrli li fic-cirkostanzi aħjar tiftiehem, li Malta għandha tkun newtrali u non-allineata, għalkemm jien għandi l-fehma tiegħi ta’ x’inhi l-portata tagħhom dawn l-affarijiet. U b’hekk il-pajjiż għall-grazzja t’Alla rritorna lejn sens ta’ paċi, lejn sens ta’ serenità. Però dawn l-esperjenzi għallmuni wkoll li għandek taħdem bil-politika tal-perswazjoni.

George Abela
Il-President attwali,George Abela ma kellux id-dell tqil ta’ tmexxija ta’ kampanji politiċi f’perjodu ta’ konfront qawwi. Ma’ dan għandna nżidu li ġej mill-kamp Laburista u nħatar taħt Gvern Nazzjonalista …
“Għandu vantaġġi li ma kellix jien. Però hu m’għandux l-esperjenzi li għaddejt minnhom jien. Allura għandu vantaġġi li jien ma kellix iżda tonqoslu l-esperjenza li għaddejt minnha jien. Però George Abela għandu l-merti tiegħu, naturalment. Predispost għall-Presidenza. Jiġifieri bniedem simpatiku di natura. U ċert li se jagħmel mill-Presidenza suċċess politiku fl-interess ta’ Malta: għandu vantaġġi kbar fil-karattru tiegħu.”

Ministru tal-Affarijiet Barranin
L-esperjenza bħala Ministru tal-Affarijiet Barranin kemm għenitu meta laħaq President?
“Ħafna għenitni wkoll għaliex int meta tkun Ministru tal-Affarijiet Barranin int għandek x’taqsam primarjament, mhux mal-politika interna ta’ pajjizek. Int għandek x’taqsam primarjament mal-politika barranija ta’ pajjiżek u dik lili għallmitni. Għallmitni li int meta tirrappreżenta lil pajjiżek trid tkun taf x’inhi l-politika ta’ pajjiżek.
“Naturalment kien hemm żmien meta f’Malta konna maqsumin rigward l-UE però jien ħassejtni qed nitkellem verament għall-maġġoranza tal-Maltin u l-provi tawni raġun li verament qed nitkellem għall-maġġoranza tal-Maltin.
“Naħseb li l-fatt li llum Malta qegħda fl-UE u f’Malta llum mhemmx partit li ma jaqbilx li Malta ma tkun fl-UE, naħseb dan kollu wera, u wera fis-sustanza, kemm kienet politika serja li Malta riedet tkun fl-UE.”

Peres u Arafat
Staqsejtu dwar il-ħbieb li kien għamel ma’ mexxejja politiċi barranin.
“Naqbel miegħek assolutament. Jien għalija ż-żewġt iħbieb verament intimi tiegħi huma Yasser Arafat, Alla jaħfirlu, u Simon Peres. Fuq talba ta’ Simon Peres indħalt biex nintervjeni bejn Iżrael u l-Palestinjani meta kien hemm dak l-Iżaeljan li fettillu mar fil-qabar ta’ Abram fejn kien hemm xi 50 Palestinjan qed jitolbu u dan qatilhom. Qatilhom kiesaħ u biered u Simon Peres żmien qabel kien qalli:
“Guido, inti ħabib ħafna ma’ Yasser Ararfat, ħabib tiegħi wkoll. Jista’ jiġi mument meta jkolli bżonn l-intervent tiegħek. Int tidħol għaliha caso mai?”
Għedtlu “dover tiegħi nidħol għaliha. Jien nixtieq il-paċi bejn Iżrael u l-Palestina. Jien nemmen li ma jistax ikun hemm paċi fil-Mediterran jekk ma jkunx hemm paċi bejnietkom. Jista’ jkun ukoll li bil-paċi kollha li jkun hemm bejnietkom ikollna l-inkwiet fil-Mediterran imma ċertament mhux se jkollna paċi fil-Mediterran jekk tibqgħu kif qegħdin.”
Niftakar kien qalli b’Oslo u li kienu qed jippruvaw jaslu x’imkien. U jien weġibtu li jista’ jkun jaslu x’imkien iżda t-triq hi twila. Effettivament wara dan il-qtil infami ta’ nies li ma kienu qed jagħmlu xejn żgur lil ħadd, jitolbu biss, Simon Peres waqqaf kwalunkwe diskussjonijiet ta’ Oslo. U bħala fatt kien inkwetat.
Simon Peres bagħat jgħidli, qalli: “Guido, allaħares terrorist wieħed min-naħa tagħna jista’ jwaqqaf il-proċess kollu tal-paċi. U jekk jiġi Palestinjan inwaqqaf il-proċess tal-paċi?”
Jien niftakar li kelli nsiefer dakinhar għal għand Alain Juppé f’Pariġi li kien Ministru tal-Affarijiet Barranin. Kont sejjer għand Alain Juppé prinċipalment għall-każ ta’ Malta biex tidħol fl-UE. Qabel ma tlaqt (il-Franċiżi kienu daqsxejn xettiċi biex Malta tidħol fl-UE) għidtlu:
“Taf fejn sejjer minn hawn? Sejjer għand Yasser Arafat”.
“X’sejjer tagħmel għand Yasser Arafat?” staqsieni.
Għedtlu: “Sejjer għand Arafat għax talabni Simon Peres fuq dal-qtil li sar.”
Għidtlu: “Se nipprova nintervjeni biex id-diskussjonijiet ta’ Oslo jitkomplew.”
Hemmhekk Juppé għaraf l-utilità ta’ Malta fl-UE. Hi utli ħafna għall-UE biex tassigura l-paċi fil-Mediterran. U nispera li l-Ministri kollha li ġew warajja fehmu x’inhi l-funzjoni ta’ Malta fl-UE.”
Nistgħu nagħmlu iżjed biex niżviluppaw din il-vokazzjoni internazzjonali ta’ Malta?
“Ċertament nistgħu nagħmlu iżjed. Jien għamiltha kemm stajt meta kont Ministru tal-Affarijiet Barranin anke meta kien difficli għalija li nagħmilha u kien hemm min jgħidli: “Int titħabat biex taqbeż għall-Palestinjani jew biex taqbeż għall-Iżrael u meta int għandek bżonna biex tidħol fl-UE?”. Jien kont ngħidilhom li jien qed nagħmel ġid lill-UE meta naqbeż għal dawn it-tnejn għax hu fl-interess tagħkom li jkun hemm paċi fil-Mediterran.”
Ix-xahar id-dieħel se jinfetaħ f’Malta l-Uffiċċju Ewro Għarbi:
“Skont ma smajt jien, se jiġi Amr Moussa, is-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija, ħabib kbir tiegħi miż-żmien meta kont President tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Eġizzjan avantgarde ħafna bħala bniedem u ġejja wkoll Benita Ferrero Waldner, il-Kummissarju Awstrijaka nkarigata mill-Affarijiet Barranin, li kont nafha meta kienet fil-protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti u mbagħad naturalment saret Viċi-President tal-Esteri fl-Awstrija u Ministru tal-Affarijiet Barranin. Anke meta jien kont Ministru tal-Affarijiet Barranin hi kienet Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Awstrija. Konna nafu lil xulxin sew. Nispera li l-fatt li se jinfetaħ tal-Uffiċċju Ewro-Għarbi se jkun ta’ ġid għar-relazzjonijiet bejn l-Ewropa u d-dinja Għarbija.”

L-avukat De Marco
Staqsejtu dwar il-professjoni tiegħu
“Billi jien kont fil-kriminal segwejt ħafna l-passi ta’ Ġużè Flores li fil-fehma tiegħi kien wieħed mill-aqwa avukati fil-kriminal li kellna u tgħallimt ħafna mingħandu.
“Flores kien ix-xhud tat-tieġ tiegħi flimkien mal-Imħallef Xuereb. Ġużè Flores kien bniedem li għandu ħafna talenti. Tgħallimt l-iżjed l-umanità. Kien bniedem uman ħafna u għallimni li meta tara bniedem li jaħsbu li hu kriminali għandek toħroġ l-umanità tiegħu fi kwalunkwe ġuri u fi kwalunkwe relazzjoni.
“Darba kelli klijent li kien akkużat ta’ qtil diversi drabi. Kont ngħid: ‘dal-bniedem kif tajjar nies b’karozza? Dal-bniedem kif qatel in-nies b’sikkina?’ Imbagħad kellu mara miegħu, waħda Ingliza niftakar, ma kinitx xi bellezza għax kienet pjuttost qawwija. U kieku taf it-tenerezza li kellu lejha, b’liema tenerezza kien ikellimha, b’liema stil ta’ mħabba kien iħobbha.
“Tibda tgħid li bilfors aħna ma rnexxilniex noħorġu l-aħjar fil-karattru tiegħu. U dan għandu aspett fil-karattru tiegħu li s’issa ma nafuhx. U tgħallimt li fil-ħajja kull bniedem għandu l-aspetti negattivi tiegħu imma jkun hemm l-aspett pozittiv li jekk int tagħraf toħorġu toħloq minnu l-bniedem li ċertament jista’ ikun fis-soċjetà.”

Il-finanzjament tal-partiti
Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej jiffinanzjaw lill-partiti bi flus tat-taxxi, pereżempju l-Ġermanja. Jaqbel li jista’ jkollna Gvern aħjar jekk il-partit li jmexxih ma jkunx mgħobbi b’obbligazzjonijiet lejn id-donaturi?
“Fil-fehma personali tiegħi dik hi s-sistema Tedeska. Imma dik il-ħaġa li kull partit politiku hawn Malta jiddependi minn nies li għada pitgħada jista’ jkunu jridu xi ħaġa mingħandek; li jħossu li għandek obbligazzjoni magħhom (ma nafx il-partiti mxewx hekk, biex inkun gust) imma s-suspett leġittimu hemm jibqa’, u għalhekk jien nippreferi s-sistema Tedeska, li veru l-Istat iħallas għall-partiti, imma dak hu prezz li ċittadin għandu jħallas.”
Jaqbel miegħi li b’hekk kull partit ikollu jagħti kont tan-nefqa tiegħu u jkun hemm trasparenza akbar. Insemmilu d-diskussjoni li kien hemm dwar dan u l-oġġezjoni ta’ min ma jridx li jintefqu flus mit-taxxi fuq il-partiti.
“Id-dibattitu kien nibet f’ċertu żmien u mbagħad waqaf għal kollox.”
U n-nies jarawha kerha li l-partiti jmissu l-flus tat-taxxi?
“M’għandhomx għax jarawha kerha fil-fehma tiegħi. Jien m’għadnix fil-politka aktar. Ċertament la se ngawdi u lanqas se nbati però nemmen li jekk il-partiti politiċi jaslu għal sistema bi ftehim iħossni aktar konvint bħala ċittadin li l-politiċi tiegħi huma liberi.”

L-Italjanità x’sar minnha?
“Allaħares ma jibqax xi ħaġa minnha għax inkunu qed inħassru l-Istorja: mill-1200 u anke qabel il-kultura tagħna kienet Taljana. Aħna konna nikkomunikaw ma’ barra minn Malta u anke ħafna drabi ġo Malta bil-lingwa Taljana u dan tarah preżenti fil-lingwa Maltija.
“Il-lingwa Maltija, li jiena ngħożż, hija ffurmata minn żewġ elementi lingwistiċi. L-element lingwistiku semitiku, il-qofol tal-kliem, il-kliem bażiku li aħna nużaw, ġej mill-Għarbi. Il-vokabularju tagħna ta’ kultura, ta’ ċiviltà, ġej mit-Taljan. Dawn iż-żewġ nixxigħat tal-lingwa Maltija huma essenzjali biex inżommu l-lingwa Maltija tagħna u jkollna rabta mal-pajjiż l-aktar qrib tagħna li influwenza mhux biss il-lingwa tagħna iżda l-kultura tagħna, id-drawwiet tagħna.”
Semmejtlu l-influwenza Ingliża fina, it-taħlita li tagħmilna uniċi
“Mhux biss tagħmilna uniċi iżda tagħtina s-superjorità.”
Semmieli d-diffikultajiet li għandhom pajjiżi oħra li jitgħallmu l-lingwi u l-vantaġġ li għandna li mal-lingwa tagħna nitgħallmu lingwi oħra.
“Però rridu nistudjaw aktar lingwi. Jien dejjem ngħid li għenitni ħafna l-konoxxenza tiegħi tat-Taljan fir-relazzjoniiet tiegħi mal-Gvernijiet Taljani. Jekk ġibt tant miljuni, jgħidu li jien dak li ġab l-izjed mill-Italja, hu grazzi wkoll għall-konoxxenza tiegħi tal-lingwa Taljana. Fl-Italja jien nista’ nitkellem daqs Taljan. U ngħid mank kont naf l-Għarbi!”
Kważi kważi beda jidħolli suspett li ta’ 78 sena Guido de Marco jista’ jitħajjar jibda jistudja l-Għarbi. Meta l-Pajk kien fuq is-sodda tal-mewt jgħidu li staqsa lit-tabib jekk ir-referee kienx saffar il-half-time jew tad-disgħin minuta. Guido de Marco qed jilgħab l-extra-time u jista’ jkun li qed jagħtina l-aħjar mumenti tal-partita.

Din hi t-tieni mis-serje tal-intervisti ta’ din il-gazzetta li se jixxandru fil-programm Intervista Illum mill-istazzjoni One TV kull nhar ta’ Erbgħa fl-10.30 pm. L-ewwel intervista se tixxandar
nhar l-Erbgħa li ġej.

 

 



Carmelo M. Bonnici
L-informazzjoni u l-Wikipedia



Joe Ellis
Il-problema tal-Parlament: il-Gvern ħallieh bla flus



Toni Abela
Evviva l-valuri!


Il-Punt - Sina Bugeja
L-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabbiltà

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan