MediaToday

Editorjal | 11 ta’ Ottubru 2009 Nr 155

Bookmark and Share

Enerġija: għad ma qbadniex it-triq it-tajba

F’rapport li l-Awditur Ġenerali ppreżenta lill-Parlament fl-aħħar tax-xahar kixef serje ta’ nuqqasijiet fil-qasam tal-politika enerġetika li juru li għandna ħafna ’l bogħod milli nilħqu l-miri tagħna. Il-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija għadu mhux approvat, il-miżuri li ttieħdu s’issa ma kejjilniex l-effett tagħhom biex naraw aħniex fuq it-triq it-tajba, l-Awtorità tar-Riżorsi m’għandhiex ir-riżorsi biex tagħmel ix-xogħol li jmiss lilha. B’serjetà kbira fissrilna kemm aħna pajjiż tal-Mickey Mouse.
Il-problema l-kbira hi li kellu ħafna xi jgħid: 56 faċċata mingħajr kelma moħlija. Min se joqgħod iqalleb dokument ta’ dak il-kobor? Liema ġurnalist se jsib il-ħin? Il-votant mehdi bix-xogħol tiegħu?
F’kull faċċata hemm fuqiex issir inkjesta separata biex naraw għaliex bqajna tant lura milli nisfruttaw l-enerġija rinovabbli, għaliex din in-nuqqas ta’ ħeġġa kollha meta pajjiżna jikkonsma tant enerġija u jrid bilfors jixtriha minn barra. Ma nafux li hi biss il-kriżi finanzjarja li waqqgħet il-prezz taż-żejt u li malli tibda tbatti ftit il-kriżi l-prezz se jerġa’ jogħla?
U ngħiduha kif inhi, in-nuqqasijiet u t-traskuraġni f’dan il-kamp mhumiex biss dawk ta’ minn sena lil hawn. Fejn pajjiżi oħra bdew iħabblu rashom dwar l-indipendenza enerġetika mal-ewwel kriżi taż-żejt fl-1973, Malta lanqas biss ma tħajret tħabbel rasha biex tara kif se ssib tarf tal-problema. Il-fortuna/sfortuna tagħna ġejja mill-fatt li f’dik il-kriżi gawdejna mill-għajnuna mill-Libja u b’hekk kampajna sakemm kibret ftit ieħor l-ekonomija u stajna nifilħu l-prezz tas-suq. B’hekk ma ħassejniex bi sħiħ l-effett tal-għoli tal-prezz u qatt ma ġejna mġiegħla niffaċċjaw il-qagħda mwegħra tagħna.
Wara ftit żmien flaħna nagħtuha għal ħela. Min kien jitkellem fuq tniġġis jew ħsara fil-klima kien jitqies stramb, bużżieqa. Ir-risposti bla sens u ta’ tmaqdir minn Ministri ta’ kull kulur politiku lill-għaqdiet ambjentali u lill-Alternattiva Demokratika meta għamlu l-kritika tagħhom f’dan is-sens imisshom jitfakkru llum.
Mhix kwistjoni li ma kinux jafu. Ma ridux jafu. Kienu njornati u kuntenti, arroganti u mingħalihom għorrief. L-agħar aspett hu li taw eżempju ħażin lill-pajjiż kollu kemm hu. Bnew kultura ta’ ftaħir bil-ħela jew kienu parti mill-mewġa ta’ stravaganza li ħakmet is-snin disgħin u l-ewwel snin elfejn.
Id-dokument tal-Awditur Ġenerali jidher li nebbaħ lill-Prim Ministru biex jagħmel diskors jikkundanna lil min joqgħod lura jew imaqdar l-isforzi tal-Gvern biex inqaqqas it-tniġġis u jiffranka mill-ispejjeż fl-enerġija. Wasal tard, jekk mhux tard wisq, il-Prim Ministru Gonzi.
Ilna nafu għal żmien twil li jekk ma jirnexxilniex nilħqu l-miri miftehma ta’ trażżin ta’ konsum jew ta’ ħolqien CO2, se nibdew neħlu l-multi biz-zalza. Hekk kif jibda jogħla l-prezz taż-żejt, miegħu se neħlu l-multi li flimkien se jgħollulna l-prezz tad-dawl għal livelli stratosferiċi.
Jekk neħlu multa minnhom ikun imiss li jibdew jirriżenjaw in-nies responsabbli u mhux ikollhom il-wiċċ tost iwaħħlu f’min ma semax minnhom fl-aħhar minuti qabel id-deadline. Kellna żmien biżżejjed. Bħala pajjiż li jiddependi 100 fil-mija fuq iż-żejt importat kellna iżjed żmien minn ħaddieħor biex nagħrfu l-problema u nxammru għaliha. Agħar mid-dewmien u t-traskuraġni hu l-fatt li meta bdejn nagħmlu xi ħaġa bdejna bil-mod wisq.
Dan l-aħħar tqassmu l-bozoz li jiffrankawlna d-dawl, forsi l-aħjar miżura li ħa s’issa l-Gvern billi bihom niffrankaw żgur għalkemm ikun hemm min jaħli iżjed għax mingħalih qed jiffranka iżjed minn qabel.
Fil-miżuri l-oħra bejn biodiesel, pannelli fotovoltaiċi u oħrajn instab li l-għajnuna li ngħatat ma kinitx biżżejjed, forsi ma ngħatax biżżejjed pubbliċità jew ma tqiesx li biex wieħed ibiddel drawwietu jkun jeħtieġ inkoraġġiment qawwi.
Id-dokument tal-Awditur Ġenerali jitkellem dwar l-effett marġinali li kellhom xi miżuri dwar oħrajn li ma tawx inċentiv effettiv u dwar proġetti bħal dik tal-Green Leaders fid-Dipartimenti tal-Gvern li tilfet ir-rankatura li kienet ħadet.
L-impressjoni ġenerali hi li l-Gvern ħa ċerti passi għax ħass ruħu taħt pressjoni biex jidher li qed jagħmel xi ħaġa, ried isodd ħalq il-kritiċi iżjed milli ried jakkwista xi vantaġġ. Ma jidhirx li kien hemm viżjoni ċara jew entużjażmu sinċier li jservu ta’ mutur biex jintlaħqu l-għanijiet li jħeġġu lill-popolazzjoni u jżommu r-ritmu għaddej.

 



Carmelo M. Bonnici
L-informazzjoni u l-Wikipedia



Joe Ellis
Il-problema tal-Parlament: il-Gvern ħallieh bla flus



Toni Abela
Evviva l-valuri!


Il-Punt - Sina Bugeja
L-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabbiltà

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan