Aħbarijiet | 10 ta’ Ottubru 2009 Nr 154
Franica Pulis
fpulis@mediatoday.com.mt
Din is-sena l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) ħabbar żewġ regoli ġodda importanti fil-Konkors Premju Nazzjonali tal-Ktieb. L-iktar waħda li tispikka kienet li “l-ġurati kollha f’din l-edizzjoni qed ikunu mitluba li jiffirmaw dikjarazzjoni li m’għandhom l-ebda interess fil-kotba li qed jiġġudikaw jew xi rabta bl-ebda mod mal-awturi li jkunu ħa jiġġudikaw”.
Din ir-regola nħarġet wara l-kwistjoni li nqalgħet is-sena li għaddiet meta l-awtur Frans Sammut ma għarrafx lil KNK li fost il-kotba li kellu jiġġudika kien hemm ktieb li fih ibnu kien editur kif ukoll ktieb tiegħu stess, ‘Il-Ħolma Maltija’, li nqaleb għall-Esperanto.
Is-sena li għaddiet Ġorġ Mallia, il-President tal-KNK, kien ammetta li kien żball minn tagħhom li ndunaw bih tard wisq u ppruvaw isolvu l-problema tal-kunflitt billi m’għoddewx il-marki li kien taha Sammut liż-żewġ kotba.
Regola oħra li ħareġ il-Kunsill, li bosta awturi, pubblikaturi u nies ġejjin mix-xena letterarja ilmentaw dwarha kemm-il darba kienet dwar il-kotba li jikkompetu weħidhom jew ma’ ktieb ieħor biss fil-kategorija tagħhom. Normalment dawn huma l-kotba tad-drama u tal-poeżija. Minn din l-edizzjoni l-Kunsill iddeċieda li dawn il-kotba jikkompetu fis-sena ta’ wara.
Kotba li kisru xi regola tal-Konkors tħallew barra. Fost dawn kien hemm dawk li kellhom is-sena tal-pubblikazzjoni mniżżla ħażin. Dawn ġew skwalifikati mill-ewwel. L-istess ġara għal dawk il-kotba li reġgħu ġew stampati jew saret edizzjoni oħra tagħhom u ma kienx fihom bidliet sostanzjali.
Dwar kotba li għandhom awtur barrani bħala ko-awtur, il-partijiet miktuba mill-awturi Maltin, jipparteċipaw fil-konkors. Il-Premju jagħraf il-ħiliet ta’ awturi u pubblikaturi Maltin iżda jaċċetta kotba minn awturi Maltin ippubblikati minn pubblikatur barrani.
Il-kotba tpoġġew fil-kategoriji li fihom qegħdin jikkompetu minn ġurija esperta magħmula minn Josette Attard, Joseph F. Grima u Anthony Mangion. Il-membri tal-ġurija ltaqgħu bejniethom kif ukoll kellhom ċans jiflu l-kotba għal rashom.
Żur ukoll:
http://www.illum.com.mt/2008/12/14/t9.htmlhttp://www.illum.com.mt/2007/12/09/t9.html