MediaToday

Aħbarijiet | 10 ta’ Ottubru 2009 Nr 154

Bookmark and Share


Click to download feature in PDF format

Il-pajjiż ta’ ħafna ismijiet

Xi ġimgħat ilu FRANICA PULIS żaret il-Maċedonja, eks-repubblika tal-Jugoslavja. Minkejja l-faqar li għad hemm fil-pajjiż, fin-nies tal-post tħabbat qalb patrijotta u kburija bis-sbuħija tal-pajjiż

Żort il-Maċedonja ma’ kontinġent ta’ 11-il Malti ieħor permezz tal-14-il edizzjoni tal-Festival Bjennali tal-Artisti Żgħażagħ mill-Ewropa u mill-Mediterran u l-Inizjamed. Fil-ftit jiem li qgħadna hemm għixna fi Skopje, li hi l-belt kapitali tal-Maċedonja magħrufa wkoll bħala l-Kapitali tas-Seba’ Bibien. Il-belt hi l-qiegħ tas-seba’ muntanji li jdawruha u tista’ tasal għaliha minn seba’ triqat.
Qattajna l-ewwel jumejn fi sħana tremenda b’nixfa qawwija minn dak it-tip li ġġagħlek tixrob il-ħin kollu kif ukoll tnixxiflek il-ġilda. Il-bqija tal-jiem qattajniehom fil-bard u x-xita.
L-ewwel impressjoni li ħadt tal-belt kienet bini ikrah, bini li jirrifletti l-urġenza ta’ meta nbena fis-sittinijiet wara li terremot kważi qered il-belt kollha. Iżda issa jinħass il-bżonn ta’ ‘terremot’ ieħor biex forsi partijiet mill-belt jieħdu r-ruħ.
Ma domtx wisq ma ndunajt li l-belt tbati wkoll mill-marda tal-ħmieġ fit-toroq. In-nies għadhom jarmu barra minkejja l-iskips u l-laned taż-żibel. Hi marda li tista’ tqabbilha ma’ dik li kellna f’Malta fis-sebgħinijiet li s-sintomi tagħha kultant għadhom jinħassu sal-lum.
Uħud mill-Maċedoni konxji li dan il-ħmieġ qed jaffettwa t-turiżmu. Wieħed mix-xufiera tat-taxi, meta sar jaf li aħna mill-festival, żvoga l-frustrazzjoni li għandu dwar kif mexjin l-affarijiet fil-pajjiż.
“Għandna l-pajjiż maħmuġ hawnhekk. Aħna mdorrijin bih imma intom it-turisti le. Hemm bżonn li nurukom is-sabiħ ta’ pajjiżna imma dik hi dejjem il-problema tagħna u ħafna oħrajn qaluli biha. Irridu nirreklamawh aħjar dan il-pajjiż inkella se nibqgħu fejn aħna.”
Iżda l-Maċedoni qegħdin jippruvaw ibiddlu l-affarijiet għall-aħjar. Il-pajjiż għadda minn taqlib politiku matul iż-żmien li għadu jħoss il-konsegwenzi tiegħu sal-lum. Ħadu r-riedni f’idejhom fl-1993 u iktar ma jgħaddi ż-żmien aktar iridu juru li kapaċi jmexxu weħidhom.
Għalhekk il-festival li attendejt għalih kien importanti għalihom. Fi kliem Elizabeta Kanceska-Milevska, il-Ministru tal-Kultura Maċedona: “Permezz ta’ dan l-avveniment importanti, ir-Rebubblika tal-Maċedonja se tkun fiċ-ċentru tal-attenzjoni, mhux biss fejn tidħol il-kultura imma wkoll fuq il-mappa Ewropea, bħala pajjiż mimli Storja li jista’ jitpoġġa ma’ ċiviltajiet oħra Ewropej avvanzati u żviluppati.”
Anki fiċ-ċerimonja tal-ftuħ wieħed mill-organizzaturi b’passjoni qal: “…L-arti hi libertà. L-arti hi ħelsien.”
Kien festival bi stqarrija politika qawwija mhux biss mill-Maċedoni imma anki mill-parteċipanti. Tnejn minnhom, it-tnejn ġejjin mill-Italja, għaddew kummenti dwar il-bżonn tal-ugwaljanza u t-tolleranza.
Yael Plat, artista Iżraelita li tgħix fl-Italja, kellha ‘No Entry’magħżul mill-muniċipalità ta’ Turin. Ir-ritratt jispjega ruħu waħdu. L-artist Giorgio Consili mill-grupp mużikali Taljan Leitmotiv (www.leitmotivonline.net) kien ħafna anqas sottili.
Il-kantant, wara l-ispettaklu estravaganti li ta mimli botti lejn il-kruha tax-Xellug, għalaq b’“Grazzi, Maċedonja. Intom pajjiż li taċċettaw lil kulħadd” b’kumment dirett lejn id-deċiżjoni li ħa pajjiżu li ma jibqax jaċċetta aktar immigranti.

In-nies u d-demografija tal-pajjiż
Il-Maċedoni bħala dehra qishom aħna minkejja li mhumiex Mediterranji. Huma nies minn tagħna li minkejja ma tantx jitkellmu bl-Ingliż xorta jagħmlu li jistgħu biex jaqduk. Li ċċassatni mhux ftit hi li ħafna mix-xufiera tat-taxi jdawru s-somma ’l isfel. Għall-kuntrarju tax-xufiera Bulgari (li jinsabu erba’ sigħat bogħod biss minn Skopje) li jħallu l-arloġġ għaddej waqt li jgħabbulek il-bagalja, ma jagħtukx irċevuta u wisq anqas il-bqija.
Żingari Roma fejn konna aħna ftit li xejn rajna. Dawn huma tip ta’ nomadi li ħafna jemmnu li ġejjin mill-Indja iżda wara l-Gwerer Dinji fittxew refuġju fir-Rumanija u issa qed jinfirxu mal-Ewropa kollha.
Fi Skopje kien hemm familja partikulari ta’ omm b’sitt itfal żgħar dejjem iduru fiċ-ċentru ħafjin jittalbu għall-flus u wieħed miż-żgħar kien liebes qmis biss bil-warrani barra. Tifla oħra li kellha madwar sitt snin spikkat fosthom minħabba li kienet tpejjep is-sigarretti bil-poża ta’ adult. Fil-fatt uħud minnhom jittalbu għas-sigarretti wkoll.
Il-Maċedonja, minkejja li għadha qed tipprova tirpilja ekonomikament, ma tarax tallaba ma’ kull kantuniera. Tara dawk il-ftit anzjani u nisa bit-trabi jew b’munzell ħwejjeġ taparsi trabi fin-naħa Musulmana, iżda kont tgħoddhom fuq subgħajk.
Skont iċ-ċensiment tal-Maċedonja tal-2002 il-popolazzjoni hi ta’ 2,022,547 ruħ b’65 fil-mija huma Maċedoni (1,300,000) u 25 fil-mija Albaniżi (509,000). Imbagħad hemm kważi erbgħa fil-mija li huma Torok (78,000), 2.5 fil-mija Roma (54,000), tnejn fil-mija Serbi (36,000) u kważi wieħed fil-mija ta’ Bosnijaċi (17,000).
Imbagħad jifdal ftit eluf ta’ Maċedo-Rumeni, Musulmani, Eġizzjani, Montenegri, Ungeriżi u Bulgari. Magħhom hemm ukoll komunitajiet żgħar ta’ ftit mijiet fosthom Griegi, Russi, Slavi u Pollakki.

Il-kwistjoni tal-isem
Din ilha li bdiet mindu l-Maċedonja bdiet taħdem biex issir indipendenti. Il-Griegi kienu u għadhom urtati minħabba li n-naħa ta’ fuq tal-Greċja tissejjaħ Maċedonja wkoll u ma jridux jirrikonoxxu isem il-Maċedonja għax iħossu li huma għandhom id-dritt li jżommuh. F’Diċembru tal-2008 il-Maċedonja ddeċidiet tieħu din il-kwistjoni quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja f’Hague.
Bejn il-Greċja u l-Maċedonja m’għadx hemm il-kunflitti politiċi tal-imgħoddi imma din tal-isem għadha tagħtihom ġewwa. Esperjenzajtha waqt il-logħba tal-basketball tal-EuroBasket 2009 kontra l-Griegi.
Fiċ-ċentru kien hemm palk u għall-ewwel ħsibt li kien hemm kunċert immirat lejn l-adoloxxenti. Iżda f’daqqa waħda narahom kollha jgħajtu bil-bnadar tal-pajjiż f’idejhom. Ħassejtni qiegħda fuq il-Fosos tal-Furjana għal xi meeting politiku. Mort nittawwal biex nara l-għagħa x’inhi u nirrealizza li l-palk kellu big screen li fuqu kienet qed tintwera l-logħba.
Aktar ma bdejt nitbiegħed mill-palk aktar bdejt nara gruppi kbar ta’ żgħażagħ sejrin lejn id-direzzjoni opposta. Wara sirt naf ukoll li l-organizzaturi tal-festival avżaw lill-parteċipanti Griegi biex ma joqogħdux fi gruppi kbar u jevitaw li jersqu lejn iċ-ċentru.

It-turiżmu
Kif qal xi ħadd minn sħabi: “il-post għadu ġenwin”. M’hemmx dak l-isfurzar biex l-affarijiet isiru għat-turist. Fil-fatt min ried iniżżel xi tifkira tal-post ma rnexxilux għax dawn it-tip ta’ ħwienet ma jeżistux. Spiċċajt niżżilt ftit kafè biex tgħid niżżilt xi ħaġa.
Iżda l-pajjiż għandu potenzjal qawwi biex jiġi żviluppat f’dan il-qasam mingħajr dak l-isforz imqanżaħ li jispiċċa jagħmel aktar ħsara milli ġid jew li jagħmel il-pajjiż simili għal tal-bqija fl-Ewropa.
Il-pajjiż għadu rħis. Jekk jisfrutta dan, flimkien mal-attrazzjonijiet turistiċi tiegħu, għandu biex jikkompeti anki mal-Bulgarija li l-ħajja hemmhekk saret tiswa kważi daqs tagħna. Fil-Maċedonja b’€10 tiekol platt laħam, tixrob u tieħu deżerta bil-kafè f’wieħed mill-iktar ristoranti għaljin u tat-turisti. Anki ħwejjeġ ta’ ditti magħrufin f’Malta ġieli nħallsu anki d-doppju tal-prezz li jinbiegħu hemm.
Imbagħad bħala post, minkejja li hemm ċerti postijiet li għandhom bżonn awtorità ħarxa f’sens ta’ ppjanar ta’ bini u multi kontra l-ħmieġ, għandhom il-muntanji l-ġmiel tagħhom. Minbarra li għadhom Storja twila u interessanti kif ukoll arti importanti ta’ żmien il-Biżantini. Il-lagi wkoll huma attrazzjoni turistika qawwija.
Sfortunatament meta kont hemm jien seħħ dak l-inċident meta għerqet dgħajsa bi 15-il turist Bulgaru fuqha. Dan wassal biex, minbarra li jirriżenja l-Ministru
tat-Trasport, jitħassar kull vjaġġ bid-dgħajsa sakemm l-awtoritajiet jiċċekkjaw id-dgħajjes kollha tal-pajjiż.

L-ISTORJA
L-Istorja tal-Maċedonja hi waħda pjuttost ikkumplikata u tmur lura sa Żmien il-Griegi. Tkompli għal Medju Evu, il-ħakma mill-Ottomani fis-seklu 15 imbagħad tidħol fil-kumplikazzjonijiet politiċi tas-seklu 20. Dawn fost ħafna affarijiet wasslu għal bidla spissa tal-isem tal-pajjiż.

Mill-1912 ’il quddiem
Ir-reġun waqa’ taħt is-Serbja matul l-Ewwel Gwerra tal-Balkani fl-1912. Saret parti mis-Serbja taħt it-titlu ta’ Serbja tan-Nofsinhar u ma kellha l-ebda awtonomija fit-tmexxija.
Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija r-Renju tas-Serbja ngħaqad mar-Renju tas-Serbi, Kroati u Sloveni biex fl-1929 ir-Renju ħa l-isem uffiċjali tar-Renju tal-Jugoslavja u kien maqsum fi provinċi msejħin banovini. It-territorju tal-Banovina ta’ Vardar kellu lil Skopje bħala l-belt kapitali tiegħu u hu dak li llum sar ir-Repubblika tal-Maċedonja.
Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, Vardar kienet okkupata mill-Albanija, li dak iż-żmien kienet immexxija mit-Taljani u ppersegwitat lin-nies tal-post li opponew għar-reġim. Dan wassal biex numru minnhom jingħaqad mal-moviment Komunist ta’ Josip Broz Tito.
Wara l-gwerra l-Jugoslavja saret stat federali mmexxija minn Tito u l-Partit Jugoslav Kommunist tiegħu.
Fl-1946 ir-repubblika l-ġdida ngħatat stat federali awtonomu bħala ‘Ir-Repubblika tan-Nies tal-Maċedonja’ u fl-1963 l-isem inbidel għal ‘Ir-Repubblika Soċjalista tal-Maċedonja’ biex l-isem ikun bħall-bqija tar-repubbliki Jugoslavi. Minn hawn bdew il-problemi mal-Greċja.
Il-Griegi bdew jitħassbu mill-inizjattivi tal-Gvern Jugoslav għax bdew jitqiesu bħala pretest għal talbiet territorjali fil-futur. Il-Griegi u l-Bulgari komplew jirrabjaw meta l-awtoritajiet Jugoslavi bdew jippromwovu l-iżvlupp tal-identità etnika u l-lingwa tal-Maċedonjani li saret kodifikata fl-1944 minn djalett Slav mitkellem f’Veles.

Il-Maċedonja ssir Repubblika
Fit-8 ta’ Settembru 1991 ir-Repubblika Soċjalista tal-Maċedonja żammet referendum biex tistabbilixxi l-indipendenza mill-Jugoslavja taħt l-isem ir-Repubblika tal-Maċedonja. Il-mistoqsija kienet: Tappoġġa lill-Maċedonja indipendenti bid-dritt li fil-futur tidħol f’unjoni ta’ stati sovrani tal-Jugoslavja?
Il-Bulgarija kien l-ewwel pajjiż li għaraf l-istat il-ġdid b’ismu. Iżda l-għarfien internazzjonali kien imxekkel mill-Greċja minħabba l-użu ta’ isem u simboli nazzjonali Griegi u klawsoli kontroversjali fil-kostituzzjoni. Fl-1993 intlaħaq kompromess bl-isem ikun Former Yugoslav Republic of Macedonia (FYR Macedonia ) u l-isem kien aċċettat mill-Ġnus Magħquda.
Iżda l-Greċja xorta ma kinitx kuntenta. Bejn l-1994 u l-1995 waqqfet in-negozju li kellha magħha. L-affarijiet reġgħu ġew għan-normal wara li l-Maċedonja bidlet il-bandiera kif ukoll aspetti mill-kostituzzjoni. Iżda l-kwistjoni tal-isem għadha għaddejja.
Fl-1999 aktar minn 340,000 refuġjat Albaniż ħarab lejn il-Maċedonja fi żmien il-Gwerra tal-Kosovo. Din is-sitwazzjoni ħawdet il-ħajja tal-Maċedoni kif ukoll heddet il-bilanċ bejn il-Maċedoni u l-Albaniżi u nħolqu kampijiet ta’ refuġjati.

Mill-2000 ’il quddiem
Fir-rebbiegħa tal-2001 numru ta’ Albaniżi ffurmaw gwerrilliera biex jitolbu li l-kostituzzjoni tinbidel ħalli tħares l-interessi tal-Albaniżi, fosthom il-lingwa tagħhom. Iktar tard dik is-sena d-drittijiet tagħhom ġew rikonoxxuti u fl-2004 il-Parlament approva leġislazzjoni li tathom aktar awtonomija.
F’Marzu tal-2004 il-Maċedonja applikat biex tissieħeb mal-Unjoni Ewropea. Sa sena wara l-pajjiż kien imniżżel bħala kandidat. L-UE dak iż-żmien ħeġġet lill-Maċedonja biex tipprova tkisser il-korruzzjoni li hemm qabel ma jibdew it-taħditiet għad-dħul tagħha fl-Ewropa. Fl-2007 qalet twissija minħabba t-tensjoni li kienet qed tinħema bejn il-partit konservattiv fil-Gvern u l-partit Albaniż DUI.
Il-Maċedonja għadha kandidat s’issa.

 

 

Intervista
Paladin tal-Italjanità Maltija

Harry Vassallo jintervista lil Dr Victor Ragonesi




Wenzu Mintoff
Sant’Anġlu



Carmelo M. Bonnici
Bidla fix-xenarju Ewropew



Joe Ellis
Ġustizzja għas-seklu 21



Toni Abela
Dud


Il-Punt - Ray Bondin
Problemi kbar tas-swar

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan