Intervista | 10 ta’ Ottubru 2009 Nr 154
Harry Vassallo jintervista lil Dr Victor Ragonesi
Min illum jgħodd il-85 sena ma jistax ma jkollux perspettiva tal-ħajja li saret ħaġa rari. Victor Ragonesi jaf seba’ Papiet, tliet Rejiet, Reġina u kull President li qatt kellna. Kieku kienet biss l-età tiegħu li tinteressana kien ikun diġà biżżejjed. Ma’ dan iżid il-ħidma tiegħu fi ħdan il-Partit Nazzjonalista għal dawk il-25 sena li raw lil dan il-partit jinqala’ mill-agħar mument fl-istorja tiegħu u jasal għall-kisba tal-Indipendenza.
Victor Ragonesi hu Nazzjonalist minn dawk li għadhom jgħożżu l-Italjanità fil-kultura tagħna: “Missieri kien Taljan u Nerik Mizzi kien midħla tiegħu. Meta reġa’ lura Malta mill-eżilju fl-1945 Mizzi kien ħajjarni nagħti sehmi biex nibnu l-Partit Nazzjonalista mill-ġdid. Għalhekk kont bdejt ngħinu billi naħdem miegħu tliet darbiet fil-ġimgħa nagħmel ir-riċerka u nieħu ħsieb il-korrispondenza.”
Ragonesi beda l-ħidma tiegħu fi ħdan il-PN meta dan diġà kien werriet ta’ 65 sena storja iżda kien qed jiffaċċa l-agħar mument f’ħajtu. Ma jiħux għalih meta nirreferi għall-partit tiegħu ta’ dak iż-żmien bħala erbat iqtates billi minn dak ix-xejn Ragonesi rah jasal biex l-ewwel jiggverna u mbagħad jinnegozja mal-Ingliżi għall-indipendenza f’temp ta’ ftit iżjed minn 20 sena.
Council of Government
Staqsejtu dwar iż-żmien meta kien isegwi lil George Borg Olivier fil-Council of Government fi żmien il-gwerra: “Kien dejjem jitkellem favur il-pajjiż u mhux favur l-Ingliżi. Ma kien jappoġġa qatt xi mozzjoni li tkun favur l-Ingliżi u dejjem anki kien jastjeni jew jivvota kontra. U qatt ma kien beża’ li jivvota kontra. Kienu jgħidulu: ‘Imma int dejjem tivvota kontra’ (u hu kien iwieġeb) ‘Jien nivvota kif irrid jien, skont il-kuxjenza tiegħi.’”
Ma segwejniex l-istorja tal-PL ta’ dak iż-żmien iżda kienet il-ġlieda bejn Mintoff u Boffa li pprovdiet l-okkażjoni biex il-PN jieħu l-Gvern fl-1947 f’alleanza mat-Tabib Boffa. Il-15-il deputat li kien kiseb il-PN fl-elezzjoni ta’ dakinhar kisbu saħħa barranija f’għaqda mat-11 ta’ Boffa kontra t-11 ta’ Mintoff.
Minn partit li ma felaħx jikkontesta elezzjoni, f’qasir żmien sab ruħu jinnegozja mal-Ingliżi l-ewwel dwar it-talba ta’ Dominion Status li kien talab Borg Olivier u wara għall-Integration meta talabha l-Perit Mintoff meta reġa’ ħa l-Gvern. Kien taqlib kbir għal partit li kellu bħala Kap f’Nerik Mizzi lil wieħed li kien stqarr li ried lil Malta ssir parti mill-Italja.
Italjanità
“Din nista’ ngħidha milli naf personalment… il-partit qatt ma ried li jingħaqad mal-Italja. Aħna ridna biss li jkollna kultura Taljana għax konna ngħidu li jekk m’għandniex kultura Taljana allura jikkonsidrawna Għarab. M’hemmx alternattiva oħra. U aħna Għarab ma ridniex inkunu.”
Jgħid dan id-diskors mingħajr lemħa ta’ imbarazzament jew suspett li mhux iħares l-etikett diplomatika modern. Aktarx li ma jistax jifhem kif għalija u għal eluf kbar oħra, l-element Għarbi fina, fil-kultura tagħna, l-iżjed bis-saħħa ta’ ilsien pajjiżna, hu parti mill-identità tagħna.
Victor Ragonesi: “Aħna ridna nkunu dominji… nibqgħu taħt il-kunċett Ingliż għal dik li hi difiża però b’dominion status u nkunu membru bħalma huma oħrajn li huma fl-Imperu Ingliż imma huma indipendenti.”
Il-flus
Harry Vassallo: Il-problema l-kbira kienet dejjem li l-Maltin jaqilgħu x’jieklu, u dakinhar kien hemm il-problema tar-rundown tas-Servizzi Ingliżi f’Malta?
VR: “Jekk niftakar sew kien hemm xi 39,000 Maltin impjegati mas-Servizzi Ingliżi. Kważi kulħadd. Meta ħadna l-Indipendenza kienu tawna 50 miljun lira biex nonfquhom f’10 snin. U għamilna minn kollox. Tant hu hekk li jien ngħid kien irnexxielna. Għax fl-aħħar b’dik l-għajnuna kollha sirna ekonomikament indipendenti bl-inizjattivi tal-poplu Malti u bis-sagrifiċċji li konna nagħmlu.”
Id-difiża
Is-suldati Ingliżi baqgħu f’Malta wara l-Indipendenza u dan il-fatt intuża biex jingħad li l-Indipendenza ma kinitx sħiħa sakemm kien telaq l-aħħar suldat Ingliż minn Malta. Iwieġeb mill-ewwel: “Aħna ridniehom hawn biex jiddefenduna għaliex fil-Mediterran kienet daħlet anke l-flotta Russa.”
Infakkru f’intervista li kien ta lill-MaltaToday fejn kien stqarr li l-preżenza tal-forzi armati Ingliżi kienet titqies li kienet tajba biex Malta tiġbed l-investiment.
VR: “Iva, jekk ma jkollniex min jiddefendina, jekk jiġi xi ħadd jattakkana, ħadd ma kien se jinvesti f’Malta. Għalhekk ridna li jkollna dik il-protezzjoni...”
Ir-Reġina u r-Repubblika
Biex ninbex lil wieħed tant simpatizzant tal-kultura Taljana, staqsejtu ddispjaċihx meta Malta ma baqgħetx taħt ir-Reġina. It-tweġiba kienet sorpriża.
VR:“Iva, u se ngħidlek għaliex, (u anke Borg Olivier) għax aħna konna ħadna ġurament ta’ fedeltà, tajjeb jew ħażin, għaliex ir-Reġina saret ir-Reġina ta’ Malta u kienet aċċettat li tkun Reġina ta’ Malta u aħna ma ridniex niksru dak il-ġurament.”
HV: Apparti l-kwistjoni ta’ ġurament... bħalissa hemm dibattitu dwar il-monarkija fl-Awstralja, kieku kellu jittieħed referendum?
VR: Iva, il-maġġoranza għandu jkollha d-dritt li tiddeċiedi hi..
HV: Nerik Mizzi kien jiddispajċih li r-Reġina ma baqgħetx ir-Reġina ta’ Malta?
VR: “Ma nistax ngħid. ma nafx. Ma nafx kif kien jikkonċepiha hu.”
Stat u Knisja
Staqsejtu dwar id-distinzjoni li trid issir bejn l-Istat u l-Knisja. Fi żmienu l-adulterju u l-omossesswalità kienu reati.
HV: Mhix ħaġa naturali li l-moralità religjuża tkun differenti mill-moralità pubblika?
VR: Le. It-tieni artiklu tal-Kostitutzzjoni jgħid li aħna Kattoliċi.
HV: Imma allaħares jekk min ma jmurx il-Knisja nhar ta’ Ħadd jagħtuh multa…
VR: Dik kwistjoni oħra. Imma dawk li huma affarijiet reliġuża wieħed għandu jsegwihom. Jekk ma jridx isegwihom affarih!
HV: L-adulterju għadu dnub mejjet sal-lum iżda mhux ikkastigat mil-Liġi tal-Istat?
VR: Le, kollox sew. L-Istat hu ħaġa u r-reliġjon hi oħra.
HV: Prosit.
VR: Għal min hu reliġjuż għandna t-tieni artikolu tal-Kostituzzjoni. Issa jekk ma tridx tibqa’ Kattoliku, trid issir ateu, ħadd mhu se jżommok.
HV: Fl-1974 daħlet il-Liġi taż-Żwieġ li rregolat sitwazzjoni konfuża ħafna. Għall-ewwel darba bdejna nirrikonoxxu d-divorzju li jsir barra. Iżda lanqas dakinhar ma l-Perit Mintoff kellu l-kuraġġ jerġa’ jħaqqaqha mal-Knisja u jdaħħal id-divorzju f’Malta. Għadha wirt tal-intervent tal-Knisja li l-politiċi għadhom jibżgħu jieħdu dan il-pass?
VR: Naħseb li… jekk jieħdu dan il-pass u l-maġġoranza ma taċċettax …
HV: Meta l-adulterju ma baqax reat, kien hawn dibattitu kbir fil-pajjiż?
VR: Le, dibattitu kbir ma kienx hawn. Imma din kienet deċiżjoni tal-volontarjetà ta’ min irid jagħmel dak li jrid hu. Min ma jridx jibqa’ Kattoliku affarih.
HV: Kieku dakinhar sar referendum kien jintrebaħ jew jintilef minn dawk li kienu qegħdin jagħmlu l-bidla?
VR: Naħseb li l-maġġoranza ma kinitx tapprova li jidħol l-adulterju
Il-PN illum u lbieraħ
HV: Kif tqabbel il-Partit Nazzjonalista li taf int ta’ żmienek ma’ dak tal-lum, dawk l-erbat iqtates ma’ partit li ilu 20 sena fil-Gvern, b’organizzazzjoni kbira, territorjali, b’każini f’kull raħal… Tara li jixxiebhu? Tara differenzi?
VR: Ħalli ngħidlek... Ara jien għandi kunċett li kulħadd irid jinħabb ma’ kulħadd u ħadd ma jrid jintbagħad ma’ ħadd.
HV: Jiġifieri li tagħmel xi ħaġa diffiċli jibżgħu minnha l-politiċi?
VR: Iva.
HV: M’aħniex ngħidu għall-Partit Nazzjonalista biss.
VR: Għal kulħadd.
Illum u għada
HV: Il-PN ġieli jikkuntattjak għal xi parir?
VR:Iva, gieli, anke Ministri. U jien, fejn nista’ ngħin, ngħin. Fejn ma nkunx ċert ngħid li m’iniex ċert għax fil-politika l-iżjed ħaġa importanti hi l-onestà. L-onestà m’għandha tonqos qatt.
HV: Naħseb li ġieli jkun hemm xi mument meta jiddiżappuntawk …
VR: U u…u …. U …. mela le!
Malta fl-UE
HV: Is-sħubija ta’ Malta fl-UE. X’dehrlek minnha?
VR: Ħaġa tajba għax illum nappartjenu lil dik l-organizzazzjoni li tgħaqqad l-isbaħ popli liberi tal-Ewropa.
Il-Jum Nazzjonali
HV: Liema għandu jkun il-Jum Nazzjonali?
VR: Jien m’għandi l-ebda diffikultà. Għalija l-Indipendenza għandha tkun. Malta fl-Istorja tagħha ta’ 4,500 sena ma kellha qatt data meta setgħet tikkmanda lilha nnifisha u dik hi d-data tal-Indipendenza.
HV: Kienet b’ċikka li mmirajna għall-industrija tat-turiżmu f’mument meta kien beda t-turiżmu tal-massa?
VR: Kienet xorti tajba tagħna li d-dinja marret f’dik id-direzzjoni u li aħna segwejna dik id-direzzjoni.
Tarzna
HV: Il-kontroversja tal-Fairmount ta’ dan l-aħħar hi parti minn storja twila ta’ tarzna li minn waħda militari, navali saret waħda ċivili, tal-Gvern mbagħad tal-privat u reġgħet saret parastatali u issa reġgħet se ssir privata… Kif qatt ma rnexxielna nsibu tarf tagħha?
VR: Għax hawn tarznari oħra: Bari, Brindisi u Taranto, li jikkompetu magħha. Hemm dik
il-kompetizzjoni.
HV: Imma aħna writna tarzna mgħammra sew. Hemm ukoll tarznari privati f’Malta li mingħajr dan il-vantaġġ ikampaw kummerċjalment. Qatt investejna bis-serjetà fit-Tarzna jew ħallejnieha titmermer waħedha?
VR: Le, le… meta l-poplu kellu l-flus biex jinvesti, investejna iżda l-investiment mhux biżżejjed. Ikollna nħaqquha max-shipyards l-oħra li hawn fil-Mediterran.
HV: U min jeħodha privatament se jkollu jiffaċċja l-istess sfida?
VR: U żgur.
HV: Fejn tara li miexja Malta? X’tawguralha?
VR: Jien nawgura li aħna nibqgħu nimxu fl-Ewropa libera u nagħmlu dak li nistgħu. Nieħdu wkoll l-għajnuna li jridu jagħtuna, għax iridu jagħtuna ħafna għajnuna, però, imbagħad, il-partiti indipendentement minn dak li jaħsbu, dik l-għajnuna għandna nużawha sew mingħajr ma nabbużaw. Mingħajr ma jkun hawn abbużi personali ta’ dik l-għajnuna… ħadd.
L-intervista se tixxandar sħiħa fuq ONE TV nhar l-Erbgħa 7 ta’ Ottubru fl-10.30pm