MediaToday

Aħbarijiet | 27 ta’ Settembru 2009 Nr 153

Bookmark and Share

L-istoriċi jiddwellaw dwar il-Jum Nazzjonali

CHARLOT ZAHRA tkellem ma’ Prof. Godfrey Pirotta, Prof. Henry Frendo u Prof. Joe Pirotta dwar il-proposta tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi li Jum l-Indipendenza għandu jkun il-Jum Nazzjonali ta’ Malta

In-nuqqas ta’ qbil ġenerat fl-isfera politika dwar liema għandu jkun il-Jum Nazzjonali ta’ Malta kien rifless fit-tweġibiet li taw id-diversi storiċi ikkuntattjati minn Illum.
Prof. Godfey Pirotta, il-Kap tad-Dipartiment tal-Public Policy fl-Univeristà ta’ Malta u awtur ta’ tliet kotba fuq l-Istorja ta’ Malta, kien xettiku ħafna fuq din il-proposta.
“L-ewwel reazzjoni tiegħi għal din il-proposta hi li mhi proposta xejn. Biex ikollok Jum Nazzjonali wieħed l-ewwel irid ikollok nazzjon wieħed. F’nazzjon wieħed il-minoranza ma tridx titħabat biex tieħu id-drittijiet tagħha. Jiġu b’mod naturali.
“Biex dan iseħħ l-istituzzjonijiet tal-pajjiż jridu jitilgħu ’l fuq mill-partit u mhux jintużaw mill-partit fil-Gvern qishom tiegħu,” sostna l-Kap tad-Dipartiment tal-Public Policy fl-Università.
“Trid tispiċċa d-diskriminazzjoni politika u kull individwu jiġi ttrattat u jibbenefika minn dak li joffri l-pajjiż fuq il-meritu tiegħu u mhux x’politika jħaddan. Ma jistax ikun li wara elezzjoni nofs il-poplu jieħu li jrid, anki meta ma jistħoqqlux, waqt li n-nofs l-ieħor qishom priġunieri tal-gwerra,” saħaq Pirotta.
Tenna: “Għalhekk naħseb li l-proposta tal-Prim Ministru mhi proposta xejn. Il-proposta kellha tkun waħda li tiftaħ it-triq għad-diskussjoni li tressaq iż-żewġ naħat lejn xulxin,” sostna Pirotta.
Mistoqsi dwar taħt liema ċirkostanzi kien lest li jaqbel li Jum l-Indipendenza jsir il-jum Nazzjonali ta’ Malta, Pirotta sostna li ma setax jaqbel ma’ din il-proposta “meta l-argumenti li qed jinġiebu għaliex huma ibbażati fuq storja partiġġana. L-ewwel irid ikollna storja li tirrikonoxxi il-ħidma tal-partijiet kollha.
“Kulħadd għandu raġun dwar il-pożizzjoni tiegħu għaliex il-ġrajjiet politiċi ta’ Malta huma marbuta ma’ xulxin. Li tqum u tgħid nipproponi Jum l-Indipendenza jkun il-Jum Nazzjonali mingħajr ma turi kif ħa tintegra il-ħidma kbira ta’ ħaddieħor fil-proġett hi proposta intenzjonata minn qabel biex tfalli,” żied jgħid Pirotta.
Hu fisser kif Jum il-Ħelsien “li għandu importanza storika kbira, għaliex mingħajru l-iżvilupp ekonomiku u politiku ta’ pajjiżna kien jibqa’ batut, jiġi iċċelebrat bħala Jum l-Armata.
“Kont naħseb li s-serjetà titlob li t-8 ta’ Settembru jkun Jum l-Armata għax hu marbut ma’ żewġ assedji kbar fejn suldati Maltin tqabdu u mietu jiddefendu din il-blata,” sostna Pirotta.
Mistoqsi dwar x’kienet il-proposta tiegħu dwar il-jum Nazzjonali ta’ Malta, il-Professur Godfrey Pirotta qal: “Il-proposta tiegħi hi li l-ewwel niddiskutu jekk is-Sebgħa ta’ Ġunju, Jum il-Vitorja u Jum ir-Repubblika għandhomx ikunu Jiem Nazzjonali. M’hemm xejn li dawn ma jibqgħux jiem ta’ vaganza pubblika. Imbagħad nimxu biex naraw dwar il-jiem l-oħra. Jien lest nikkontribwixxi materjal storiku u ħsibijiet għal din id-diskussjoni,” temm jgħid Prof. Godfrey Pirotta.
Min-naħa tiegħu, Prof. Henry Frendo, storiku veteran u lekċerer fid-Dipartiment tal-Istorja fl-Università ta’ Malta, fisser lil Illum kif mir-riċerki tiegħu, jirriżulta li “l-maġġoranza ta’ eks kolonji jiċċelebraw bħala l-Jum Nazzjonali tagħhom dik il-ġurnata li fiha jkunu kisbu l-Indipendenza mill-imperu li kien jokkupahom.
“Dan ġara wkoll f’Malta li saret pajjiż indipendenti fil-21 ta’ Settembru 1964. Malta ġiet rikonoxxuta bħala stat ġdid indipendenti u ssieħbet bħala membru sħiħ tal-komunità internazzjonali f’bosta istituzzjonijiet, fosthom il-Ġnus Magħquda u ftit wara l-Kunsill tal-Ewropa.
“Għall-ewwel darba bħala stat indipendenti Malta kellha l-jum nazzjonali tagħha, li allura kien il-21 ta’ Settembru, liema jum beda u baqa’ jiġi mfakkar kull sena mingħajr inkwiet ta’ xejn,” fisser l-istoriku veteran.
F’Ġunju 1971 seħħ “paċifikament u fil-libertà” l-ewwel trasferiment tal-poter minn mindu Malta kellha rajha f’idejha.
“Il-Malta Labour Party immexxi mill-Perit Dominic Mintoff rebaħ l-elezzjoni b’siġġu. Minn hawn ’il quddiem Jum l-Indipendenza tneħħa u prattikament ġie interdettjat,” żied Frendo.
Minflok, f’temp ta’ inqas minn disa’ snin, “l-amministrazzjoni Mintoff daħħlet xejn inqas minn tlett ijiem nazzjonali ta’ Malta oħrajn minfloku, tneħħi wieħed u ddaħħal l-ieħor qisha qiegħda ddoqq iċ-ċimblu,” ilmenta Frendo. Dawn kienu it-8 ta’ Settembru, it-13 ta’ Diċembru u l-31 ta’ Marzu.
L-Oppożizzjoni u dawk li ma qablux ma’ dan l-aġir baqgħu jfakkru mill-aħjar li setgħu Jum l-Indipendenza tal-pajjiż, “li fih iżda bdew iseħħu inċidenti ta’ vjolenza tal-mistħija u li bħalhom ftit li xejn qatt konna rajna.”
Frendo sostna li filwaqt li fil-ħajja ta’ kull nazzjon-stat ikun hemm tappi u żviluppi ta’ ċertu sinjifikat, “madankollu l-punt tat-tluq li mingħajru ma setgħux iseħħu dawn l-avvenimenti storikament jibqa’ bilfors dak ta’ meta Malta kisbet l-Indipendenza u ma baqgħetx kolonja titlob il-permess tas-sid biex tagħmel jew ma tagħmilx xi ħaġa, pereżempju biex Borg Olivier jitħalla jiltaqa’ ma’ Kennedy fl-1963.
“L-Indipendenza ppermettiet diversi tranżisizzjonijiet u bidliet skont il-prijorità ta’ min kien imexxi.
“Xi ħaġa li ma tingħadx hi li Mintoff u l-Partit Laburista kellhom sehem kbir fil-kisba tal-Indipendenza fl-1964: kieku mhux għax Mintoff u Borg Olivier it-tnejn riduha lanqas kienet tiġi. Bażikament il-partiti l-oħrajn kienu kontra,” żied jgħid.
“Inutli jibqa’ jintuża llum l-argument Mintoffjan ta’ laqgħiżmu, serviliżmu, tradiment u diskors ieħor dispreġġattiv bħal dan fir-rigward tal-Indipendenza ‘ta’ Borg Olivier’ li dejjem saħaq li l-Indipendenza kienet ta’ kulħadd. Dak ix-xorta ta’ atteġġament negattiv ta’ bravura personalizzata f’għemil is-‘salvatur’ seta’ kellu appell ma’ ċorma fost l-elettorat ta’ dak iż-żmien, iżda llum jinħass sorpassat, tellief u perikoluż,” saħaq Frendo.
Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil dwar Jum l-Indipendenza, Frendo stqarr ma’ din il-gazzeta li “x’aktarx li l-ġurnata possibbli bħala ‘fall back position’ tkun it-8 ta’ Settembru, li però, fil-fehma tiegħi, għandha dimensjoni inqas sekulari u seminali, u inqas Maltija, għal żminijietna,” temm Prof. Frendo.
Prof. Joseph M. Pirotta, li kien Kap tad-Dipartiment tal-Relazzjonijiet Internazzjonali fl-Università ta’ Malta, qabel mal-proposta ta’ Gonzi li Jum l-Indipendenza għandu jkun il-Jum Nazzjonali ta’ Malta. Hu jaħseb li “għandu jkollna festa nazzjonali waħda u li din għandha tkun il-21 ta’ Settembru, Jum l-Indipendenza. Ir-raġuni prinċipali hi storika u fattwali.
“Fil-21 ta’ Settembru 1964, Malta saret Stat Sovran u kull Gvern Malti minn dakinhar ’l quddiem seta’ jibda jieħu deċiżjonijiet purament fl-interess nazzjonali. Dakinhar twieldet Malta nazzjon,” sostna Pirotta.
Joe Pirotta stqarr li “l-festi Nazzjonali l-oħra kollha għandhom is-sinifikat tagħhom storiku u jirrappreżentaw ġrajjiet importanti fl-istorja tal-poplu Malti.
Iżda fil-fehma tiegħu, “l-ewwel tnejn: it-8 ta’ Settembru u s-7 ta’ Ġunju, ifakkru ġrajjiet li seħħew qabel ma Malta saret nazzjon, waqt li l-aħħar tnejn, it-13 ta’ Diċembru u l-31 ta’ Marzu, ma kinux isiru possibbli kieku Malta ma kinitx kisbet is-sovranità tagħha fl-1964.
“Għalhekk, jekk kif naħseb jien għandu jkollna festa nazzjonali waħda, din għandha tkun Jum l-Indipendenza,” temm Prof. Joe Pirotta.

 

Intervista
Id-dawl ta’ Pawlu fi żmien kruċjali għall-PN


Charlot Zahra jintervista lil Paul Borg Olivier, Segretarju Ġenerali tal-PN


Editorijal

Riċetta mħawra



Wenzu Mintoff
Ix-xita fejn in-nida



Carmelo M. Bonnici
X’mar ħażin fl-ekonomija



Joe Ellis
Il-ġid komuni



Toni Abela
Jelly beans


Il-Punt - Victor Axiak
Proposti ltiema dwar l-ambjent

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan