Intervista | 27 ta’ Settembru 2009 Nr 153
Charlot Zahra jintervista lil Paul Borg Olivier, Segretarju Ġenerali tal-PN
Meta l-Ġimgħa mort fid-Dar Ċentrali tal-PN fuq il-pajjiż kienet għadha kemm għamlet maltempata qawwija. Ftit kont naf li l-intervista tiegħi ma’ Pawlu Borg Olivier, is-Segretarju Ġenerali tal-PN, kienet ukoll se tkun fl-istess vena. Laqgħuni Roderick Agius u Frank Psaila, assistent personali ta’ Borg Olivier u Direttur tal-Uffiċċju Informazzjoni tal-PN.
Minnufih kont mgħarraf li l-intervista kienet se ssir fl-istudjos ta’ Radio 101 u qaluli li riedu jirrekordjawha “għal raġuni ta’ arkivju”. Kemm ili fil-ġurnaliżmu ftit kienu ċ-ċirkostanzi li affrontajt episodji bħal dawn.
Ħriġt l-MP3 player tiegħi, kif soltu nagħmel, u bdejt nirrekordja jien ukoll. B’hekk nassigura li l-kwotazzjonijiet ikunu preċiżi.
Ma stajtx ma nibdiex billi nistaqsih dwar l-eżitu tar-riżultat ħażin tal-PN fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fis-6 ta’ Ġunju. Fl-2004, il-PN kien ħatar kummissjoni biex tanalizza r-riżultat ħażin tal-Partit fl-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u kien tħejja rapport dwar it-telfa elettorali minn din il-Kummissjoni.
Staqsejtu jekk din id-darba l-partit kienx ħatar kummissjoni simili biex tanalizza t-telfa elettorali tal-PN fil-elezzjonijet tal-PE tas-6 ta’ Ġunju, iżda din id-darba ma sarx rapport simili.
“Il-PN iħares lejn ir-riżultat elettorali tal-PN fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2009 b’mod differenti. Aħna nifhmu u qrajna r-riżultat elettorali,” stqarr Borg Olivier.
Fisser kif il-Partit fl-analiżi tiegħu interna “niżel b’mod dirett biex jara u jifhem aktar ir-raġunijiet ta’ dak ir-riżultat. Matul is-sajf komplejna naħdmu f’din id-direzzjoni, kemm jien bħala Segretarju Ġenerali tal-Parit kif ukoll l-amministrazzjoni, bl-impenn tal-Prim Ministru.”
Il-PN għamel sensiela ta’ laqgħat biex il-partit “mhux biss ikompli jara r-raġunijiet ta’ dak ir-riżultat iżda biex jibni fuq dak ir-riżultat. Naħseb li d-deċiżjonijjiet li rridu nieħdu u li qegħdin jittieħdu f’dan l-istadju huma li rridu li l-PN jibqa’ fil-momentum tiegħu ta’ kuntatt u fi djalogu. Għaldaqstant il-metodu li qed jaħdem bih il-PN dwar ir-riżultat hu lil hinn mir-rapporti u effettivament jidħol biex ikun dejjem iktar viċin in-nies,” sostna.
Is-Segretarju Ġenerali qal li saret analiżi teknika u oħra politika tar-riżultat elettorali.
“Dawn saru sew fuq livell ta’ kumitati sezzjonali u fuq id-diversi livelli tal-Partit. Saret diskussjoni interna, imma iktar minn diskussjoni, issa wieħed irid iħares lejn it-tip ta’ azzjonijiet. Bħalissa l-partit qiegħed fi stadju li jħejji numru ta’ azzjonijiet konkreti biex jibqa’ hu l-partit tad-djalogu.
Mistoqsi x’tip ta’ azzjonijiet se jittieħdu stqarr li huma “azzjonijiet li jkomplu jħarsu biex inpoġġu l-bniedem fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet politiċi tagħna. Anki internament u amministrattivament, irridu naraw li l-kuntatt mal-bażi elettorali, mhux biss dik li kienet tradizzjonalment Nazzjonalista – li nżommu l-kuntatt tagħna magħha bis-sħiħ – imma nwessgħu l-livell ta’ komunikazzjoni tagħna ma’ nies li huma ’l barra mill-qalba immedjata tal-PN,” sostna.
Dan il-livell ta’ azzjonijiet se jkollhom “diversi livell ta’ parteċipazzjoni u ta’ djalogu, ta’ kuntatt aktar mal-partit mal-poplu, kif nistgħu ninvolvu aktar lill-kumitati sezzjonali tagħna fit-tħejjija tad-diskussjoni u tal-azzjoni politika.
Hemm azzjoni li hi pubblika u hemm azzjoni li mhix pubblika biex tħejji lill-PN biex ikompli jipprepara ruħu għall-ħidma politika”.
Jidher li s’issa, ħafna mill-azzjoni se tinżamm mhux pubblika mill-PN.
Għalkemm fil-bidu tal-intervista Borg Olivier qal li r-riżultat tal-elezzjonijet tal-PE kien differenti minn dak ta’ ħames snin ilu, issa xebbahhom hu stess peress li t-tnejn ġew sena wara elezzjoni ġenerali u fi żmien ta’ problemi ekonomiċi kbar għal Malta fejn kellhom jittieħdu miżuri ekonomiċi ibsin biex il-pajjiż jerġa’ jirkupra.
“Meta tqabbel ir-riżultat elettorali tal-2004 ma’ tal-2009 tara li ż-żmien meta ġew l-elezzjonijiet, hemm xebh kważi totali. Jekk tara l-miżuri li kienu ttieħdu fl-2004 imbagħad taw riżultat pożittiv fl-2005, fl-2006, fl-2007, u fl-2008 – meta aħna konna qed nippreparaw lill-pajjiż għaż-żona ewro,” żied jgħid.
“Naħseb li l-fatt li pajjiżna għaddej minn kriżi ekonomika intenazzjonali, li żgur qed ikollha impatt fuq pajjiżna, kif ukoll il-miżuri li qed jittieħdu bħalissa, qegħdin jittieħdu biex ipoġġu lil pajjiżna on the edge f’dak li hi kompetittività fl-opportunitajiet li jistgħu jiġu wara l-kriżi,” fisser Borg Olivier .
“Imma minkejja dan il-partit irid jara li fid-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu nibqgħu dejjem sensittivi lejn in-nies li jista’ jkun qed jintlaqtu.”
Isemmi liema jaħseb kienu dawk id-deċiżjonijiet mhux popolari fl-aħħar sena u nofs ta’ Gvern Nazzjonalista. Hu identifika r-riformi fit-Tarzna, fit-trasport pubbliku, fil-MEPA; il-kaċċa, il-kriżi ekonomika globali u l-immigrazzjoni.
“Ir-riforma fit-Tarzna kienet riforma li tħares lejn il-Gvern li jwaqqaf is-sussidji li kienu deħlin f’Tarzna li mhix vijabbli u mhix qed trendi biex il-finanzjament tiegħu ikun jista’ jidderiġih lejn ħaġa iktar produttiva lejn il-pajjiż. Imma huma miżuri li bihom intlaqtu n-nies, fosthom l-1,500 ruħ li ntlaqtu b’mod dirett.
Dwar ir-riforma fit-trasport pubbliku qal, “Li tħares lejn li t-trasport pubbliku li jkun aktar effiċenti u aċċessibbli għal min jużah, kif ukoll aktar favur l-ambjent. Iżda m’hemmx dubju li r-riforma kienet qed toħloq inċertezza lil min jaħdem fis-settur tat-trasport pubbliku, fosthom sidien ta’ xarabanks u coaches.
“Anki l-fatt li r-riforma tal-MEPA ġiet wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ukoll kienet miżura li qed taffettwa politikament l-aspirazzjonijet tan-nies fid-deċiżjoniet tagħhom.”
Kien hemm ukoll il-kwistjoni tal-kaċċa “fejn anki sfortunatament il-Partit Laburista użaha bħala ballun politiku. Naħseb li s-sentenza tal-Qorti tat raġun lill-PN fil-politika tiegħu li wriet li mhux veru li l-PN daħaq bin-nies u li ħares lejn l-interess ta’ pajjiżna.”
“Iżda kienet l-ewwel darba fl-2009 meta morna għall-elezzjoni fejn morna mingħajr l-istaġun miftuħ tal-kaċċa fir-rebbiegħa, u allura m’hemmx dubju li dan kellu effett kbir fuqha.” Iżda l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa kien ingħalaq sena qabel, fl-2008.
Mistoqsi dwar kemm il-PN se jisma’ l-fehmiet tal-Grupp Parlamentari tiegħu wara dan ir-riżultat elettorali, Borg Olivier stqarr li l-PN kien sinjur li kellu dan id-djalogu intern fi ħdan il-Grupp Parlamentari tal-PN.
“Jien naħseb li hu biss fil-PN li hemm dan il-lussu li int tista’ titkellem b’mod ħaj u tesprimi l-opinjoni tiegħek. Il-PN dejjem hekk kien. Meta ngħidu djalogu ma jfissirx biss il-PN fi djalogu ma’ stakeholders ’il barra mill-partit, imma anki djalogu intern.”
Sejjaħ il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista bħala “grupp dinamiku ta’ nies dinamiċi li jridu jħarsu l-interess tal-pajjiż, li jridu jħarsu wkoll l-interess tal-partit u li għandhom mandat minn min eleġġihom biex iħarsu l-interess tad-Distrett tagħhom.
“U allura hemm valur sħiħ fil-membri kollha tal-Grupp Parlamentari, kemm il-frontbench li qegħdin fil-Kabinett, kif ukoll il-backbench li jagħmlu parti mill-Parlament,” tenna Borg Olivier.
U nies bħal Robert Arrigo u Franco Debono, li ġieli kkritikaw lill-PN fil-miftuħ?
“Il-PN m’għandux jibża’ mill-kritika interna! Naħseb li l-kritika interna hi dik li ssaħħaħna. Jien dejjem nuża metafora li l-aħjar ħut issibu f’Ġibiltà, meta l-kurrent kiesaħ tal-Atlantiku jiltaqa’ mal-kurrent sħun tal-Mediterran. It is the best breeding ground għall-ħut.
“Naħseb li l-PN dejjem kien kapaċi li jlaqqa’ diversi kurrenti interni f’daru. In-nies għandhom valur għall-ideali tagħhom, għall-ħsibijiet tagħhom, għal dak li jemmnu fih u għar-rappreżentazzjonijet li qed iressqu f’isem min eleġġihom.”
Stqarr li l-backbench Nazzjonalista “hu ferm aktar pro-attiv mill-Grupp Parlamentari kollu tal-Oppożizzjoni. Jekk wieħed jara tul iż-żmien, rajna lill-PL kien reattiv għar-reazzjonijiet tal-backbench Nazzjonalista.” Bħala eżempju jagħti l-każ ta’ Jeffrey Pullicino Orlando fil-każ tas-simenterija fl-aħħar leġiżlatura u lil Franco Debono meta tkellem dwar favur in-nies ta’ Birżebbuġa fil-każ tal-Qajjenza.
“Naħseb li l-pro-attività fuq livell ta’ distrett m’għandhiex titħares bħala dgħufija fuq livell ta’ partit, imma bħala saħħa.”
Dan l-aħħar il-PN fis-Siġġiewi ivvota biex il-Gvern jerġa’ jieħu l-każin tal-PL fis-Siġġiewi. Iżda l-każin tal-PN f’Ta’ Xbiex hu mikri mill-Gvern lill-PN.
Mistoqsi dwar kemm qed iħallas il-PN għal dan il-każin, Borg Olivier bidel it-ton u sar aktar nervuż.
“Naħseb li tkun inġustizzja kbira li tqabbel il-każin Laburista tas-Siġġiewi mal-każin Nazzjonalista f’Ta’Xbiex u dan hu l-qerq li għamel Joseph Muscat meta aħna sfidajna diversi drabi biex jitlaq il-każini tiegħu.”
Isemmi li l-każin Nazzjonalista f’Ta’Xbiex jinsab fil-pussess tal-PN “wara li kienet ħarġet offerta pubblika u wara li l-PN kien tefa’ l-offerta tiegħu. Kien hemm il-PL ukoll imma l-offerta tagħna kienet iktar għolja.”
Stedinni biex nara “kif il-PL qed jokkupa proprjetajiet oħra f’Ta’ Xbiex. Skont hu d-differenza hi li “l-każin tas-Siġġiewi kien ingħata b’mod dirett lill-PL meta kien jalloka proprjetajiet tal-Gvern b’mod dirett. Il-PL irid jagħmel ġustizzja mal-passat kontra l-għoti ta’ din il-proprjetà u s-serq ta’ din il-proprjetà pubblika minn partit politku.”
Żied li l-PL “irid jagħmel ukoll ġustizzja mas-sidien ta’ din il-proprjetà taħt il-Liġi dwar ir-Rekwiżizzjonijiet, u tah lil partit politiku. Pereżempju, il-każin tal-PL ta’ Sta Venera hu misruq minn anzjani li llum għadhom il-Qorti jippruvaw jieħdu lura proprjetà li kien serqilhom il-PL b’mod oxxen taħt il-Liġi tar-Rekwiżizzjonjiet u tah lilu stess.”
Mistoqsi jekk jaqbilx mar-regolamenti dwar il-finanzjament tal-Partiti, hu stqarr li l-PN “jaqbel li għandu jkun hemn aktar trasparenza fuq dan. Fil-fatt il-PM kien diġà stqarr minn quddiem li fir-rigward ta’ dak li kien qed jipproponi r-Rapport Galdes fl-1995, hi li l-livell ta’ dikjarazzjonijiet pubbliċi għandhom ikunu iktar għoljin minn dak li kien stabbilixxa l-Rapport Galdes.
“Nifhmu li din il-kwistjoni qiegħda quddiem il-Kumitat Magħżul tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Wieħed jistenna wkoll lill-PL jersaq ’il quddiem anki fil-ħsibijiet tiegħu f’dan ir-rigward.”
Mistoqsi fiex waslu d-diskussjonijet bejn iż-żewġ partiti fil-Kumitat Magħżul qal: “Naħseb li d-diskussjoni bejn iż-żewġ partiti hi pjuttost wiesa’, jiġfieri wieħed ma’ jistax jgħid ‘Wasalna s’hawn, solvejna biċċa u mxejna ’l quddiem’. Hemm diversi kwistjonijiet fuq l-aġenda. Imma bejn iż-żewġ partiti u l-Ispeaker, kien hemm qbil li dak li jiġi diskuss bejn iż-żewġ naħat ma jkunx ippubblikat qabel ma jkun hemm qbil f’dan is-sens. Mhux ġust li jien nikseb il-ftehim bejn iż-żewġ naħat.”
Meta se naslu għal liġi dwar il-finanzjament tal-partiti? Borg Olivier qabbel il-mixja għal qbil dwar il-finanzjament tal-partiti mal-mixja ta’ 14-il sena li damet Malta biex tissieħeb fl-UE.
“Illum diġà morna pass oltre. Wara l-elezzjoni tas-6 ta’ Ġunju l-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni qablu li anki fil-mod kif jintefqu l-flus mill-kandidati, dan għandu jiġi mistħarreġ. Allura ma rridux inħarsu biss lejn dati: l-evoluzzjoni tal-politika u tad-deċiżjonijiet għandhom jitħarsu fis-sens li int trid tara r-riżultat finali li jkun fl-aħjar interess aktar milli mira speċifika sakemm wieħed jasal.
“Meta pajjiżna tefa’ l-applikazzjoni tiegħu biex jissieħeb fl-UE fl-1990 kien jixtieq jidħol fl-Unjoni qabel l-2004. Sfortunatement domna 14-il sena bl-applikazzjoni tagħna għas-sħubija. Ma naħsibx li se ndumu 14-il sena, imma l-Kumitat Magħżul qed jaħdem. Fl-aħħarnett, materji bħal dawn għandhom isibu l-qbil u l-kunsens bejn il-partiti politiċi kollha.”
Kuntratturi bħal Charles Polidano, Carmelo Penza u Anġlu Xuereb iddikjaraw li huma fil-fatt taw donazzjonijiet lill-PN. Kemm taħseb li dan fil-fatt ixekkel lill-PN meta jiġi biex jaffronta kwistjonijiet bħall-ambjent u l-iżvilupp?
“Naħseb li d-dikjarazzjonjiet ta’ dawn in-nies iridu jiġu verifikati. Jien safejn naf jien rajt lil Charles Polidano jiddikjara li ta donazzjoni lil Sharon Ellul Bonici fl-aħħar elezzjoni. X’għamel Charles Penza ma nistax nifhem.
“M’hemmx dubju li kif għidt qabel, il-PN jemmen f’aktar trasparenza u l-commitment tal-PN hu li c-ceiling li kien anki suġġerit mir-Rapport Galdes għandu jitla’ iktar. Fl-istess ħin, id-diskussjonijiet li saru fil-Kumitat Magħżul ma jistgħux jiġu ppubblikati jekk mhux bil-kunsens taż-żewġ naħat.”
Bħala PN lest li tippubblika l-lista tad-donaturi bħala ġest ta’ trasparenza?
“Il-PN jiddependi fuq donazzjonijiet, fuq maratoni li aħna nagħmlu kif ukoll fuq donazzjonijet oħra. Il-qafas li nixtiequ naħdmu fih u li ddikjarajnieh hu li rridu ceiling aktar għoli għal dik li hi trasparenza u dikjarazzjonijiet ta’ donazzjonijiet li jsiru lill-Partiti.
“Però wieħed irid japprezza li qegħdin naħdmu fix-xenarju li qegħdin naħdmu fih illum.”
Il-PN qatt aċċetta donazzjonijiet finanzjarji mingħand Charles Azzopardi jew xi waħda mill-kumpaniji sussidjarji tiegħu, bħal AJD Tuna, Hannibal Fishing, eċċ?
“Kif għidtlek, ħafna mid-donazzjonijiet li nirċievu huma bbażati fuq maratoni ta’ ġbir ta’ fondi li aħna qed nagħmlu,” stqarr Borg Olivier meta ffaċċat b’din il-mistoqsija.
“Bħalissa pereżempju għandna għaddejja l-Lotterija Indipendenza. Din hi lotterija li hi maħruġa b’mod pubbliku bid-DPL, u nagħmlu maratoni, fost affarijet oħra. Dawk huma d-dħul ewlieni li aħna nagħmlu.
“Barra minn hekk, ħafna mill-finanzjament jiġu direttament mill-kumpaniji li għandu l-PN. Għandna aġenzija tal-ivvjaġġjar, il-gazzetta li tirrendi l-flus, il-media tagħna u nikru servizzi televiżivi. Jiġifieri l-parti l-kbira tal-finanzjament tal-Partit jiġi minn hekk.”
Jigifieri l-operat tal-kumpaniji kummerċjali jkopru l-ispejjeż tal-partit?
“Naħseb li qed tagħmel żball tgħid hekk. Li qed ngħid hu li hi misnomer li wieħed jaħseb li l-PN hu xi partit li hu iffinanzjat kif qed taħseb int. Il-PN għandu l-operat tiegħu, jiffinanzja lilu nnifsu, peress li hu l-unika shareholder f’dawn il-kumpaniji.
“Naturalment dawn il-kumpaniji jimxu fuq bażi kummerċjali, u allura fir-rabtiet kummerċjali li għandhom huma marbutin fil-qasam kummerċjali.
“M’iniex qed ngħid li dak biss irendi, imma għidt ukoll li aħna niddependu ukoll fuq id-donazzjonijiet,” ammetta Borg Olivier.
Fi tmiem l-intervista kienu saru t-3.30 pm. Borg Olivier baqa’ nieżel sal-uffiċċju tiegħu fl-ewwel sular, filwaqt li jien u Psaila nżilna sal-pjan terran fejn iddiskutejna l-maltemp ta’ dawk l-aħħar ftit sigħat. Barra issa kienet xemx tiżreġ.