MediaToday

Editorjal | 27 ta’ Settembru 2009 Nr 153

Bookmark and Share

Riċetta mħawra

Ponn traskuraġni
Waqgħet parti mis-sur fil-Furjana. Kien ilu jitmermer. L-eluf kbar li kienu jgħaddu minn hemm kuljum setgħu jaraw b’għajnejhom kif il-ġebel kien ittiekel. Mal-ewwel xita ċeda b’kollox.
Mir-ritratti fil-gazzetta stajna naraw li wara dak il-ħajt kien hemm mina bis-saqaf forma ta’ ħnejja li ftit minna stajna nobsru li kien jeżisti. L-istess ritratti wrewna l-ġebel kbir li kien intuża għal din il-binja.
L-intervent ta’ malajr tal-armata flimkien mal-Protezzjoni Ċivili ħelsuna mill-ingombru tat-terrapien iżda għandna għax nitħassbu dwar ir-restawr ta’ dan il-post. Issa li waqa’ qatt jerġa’ jinbena? Se jinħażen il-materjal li tneħħa mill-post? Se jerġa’ jinbena kif kien? Se jsofri d-destin tat-Teatru Rjal? Min jaf?

Nitfa żbalji suspettużi
Il-Ministeru ta’ Austin Gatt ippubblika dokument li kien tħejja mill-Enemalta qabel l-elezzjoni biex jingħata lil min jidħol għal dik ir-responsabbiltà politika wara li jingħaddu l-voti. Dan id-dokument kien beda jiġi ppubblikat mill-Oppożizzjoni biċċa biċċa. Għalkemm il-Ministeru ppubblika d-dokument mill-bidu sal-aħħar ħa ħsieb li jingassa xi partijiet minnu bħallikieku ma riedx li joħroġ xi tagħrif sensittiv. Fil-fatt kull min ġie f’idejh dan id-dokument seta’ faċilment isir jaf x’kien inħeba billi jikkupjah għal ġo applikazzjoni elettronika oħra.
Din il-logħba noli bl-informazzjoni toħloq kurżità jekk seħħitx bi żball jew le. Il-Ministeru l-iżjed kapaċi fl-IT jista’ jieħu falza stikka hekk kbira? Hu veru li dan hu l-istess Ministeru li kellu jieħu responsabbiltà tal-fatt li s-sistema tal-e-mails tal-Gvern kien ġie ħħakkjat. Nafu li mhux infallibbli. Iżda jibqa’ d-dubju meta jsir żball tant banali bħal dak tal-partijiet ingassati jekk ikunx sar apposta.

Mossa kuraġġuża
Il-Kaptan Mario Grech tal-Gozo Channel Company xela lill-kumpanija li timpjegah b’nuqqasijiet serji u serjissimi fi protest ġudizzjarju. Billi kull responsabbiltà abbord bastiment hu u jbaħħar taqa’ fuq il-kaptan u ma jistax ifarfarha fuq is-sidien, il-Kaptan Grech ma tħallietlu ebda triq oħra ħlief dik li jħares lilu n-niffsu billi jxandar il-fatti u jżomm lill-Gozo Channel responsabbli għal li jista jinqala’.
Fost id-difetti jissemmew li kien instab il-mikrobu perikoluż tal-Leġjonella fl-ilma tax-xorb ta’ xi vapur minnhom; li xi baħrin ingħataw ċertifikati ta’ ħila meta qatt ma kienu għamlulhom eżami u nstab li ma kinux kapaċi jgħabbu l-vapur skont is-sengħa. Grech sab ruħu sospiż sakemm issir l-inkjesta.
Għalina li bħala passiġġieri stajna għaddejna minn xi periklu bla ma nafu, l-Kaptan Grech ħaqqu r-rispett tagħna. Issa jonqos li ssir inkjesta serja u fil-każ li l-allegazzjonijiet tiegħu ikunu kkonfermati, jitneħħa min kien responsabbli għalihom flimkien ma’ min għatta dawn in-nuqqasijiet jew injorahom.

Raxxa ipokrisija
Id-dibattitu li seħħ din il-Ġimgħa dwar il-famuża Morning After Pill tqajjem ħafna kwistjonijiet etiċi iżda mhux kollha skont kif jifhmuha l-politiċi tagħna. Iż-Żgħażagħ Laburisti approvaw mozzjoni li fiha juru tolleranza għall-użu ta’ dan il-kontraċettiv qawwi f’każi ta’ stupru. Kienu pronti l-politiċi, inklużi dawk tal-PL, li jżommu ’l bogħod minn kull periklu li jidhru li qed jiftħu d-diskors dwar l-abort.
Fil-fatt l-eċċezzjoni proposta fil-każ ta’ stupru fiha ħafna difetti fiha nfisha. Xi ħadd jobsor li din il-pillola tkun tinstab fl-ispiżeriji biex tingħata biss lil nisa li jistgħu jagħtu prova lil-ispiżjar li ġew stuprati? Qed ngħaddu lil xulxin biż-żmien?
L-eċċezzjoni fil-każ tal-istupru bilfors tagħti wieħed x’jifhem li min jipproponiha jgħodd li qiegħed joqtol xi ħajja. Għaliex qed jagħmel din l-eċċèzzjoni għaliex it-tqala seħħet kontra r-rieda tal-mara? U meta sseħħ tqala, minkejja l-miżuri li tkun ħadet mara biex ma tinqabadx? Mhux ukoll kontra r-rieda tagħha? U jekk ma tkunx ħadet prekawzjonijiet u ma tridx twelled?
Min hu kontra l-abort jaf li l-eċċezzjoni meta ssir tiftaħ it-triq għal oħrajn. Hu għalhekk li smajna ħafna argumenti kontra f’dan il-każ.
Fil-fatt din il-pillola żżomm milli sseħħ il-fertilizzazzjoni jew li bajda fertilizzata tiġi mpjantata fil-ġuf. Iżżid il-probabbiltà li jiġri, bħal ma jiġri spiss b’mod naturali, li t-tqala ma tibdiex.
Aspett etiku li ma ssemmiex hu li l-projbizzjoni uffiċjali ta’ din il-pillola taħdem biss biex tinqabad tqila xi tfajla fidila. Min hu nfurmat tajjeb jista’ dejjem jilħaq l-istess skop bl-istess mezz farmaċewtiku li konfezzjonat mod ieħor jinbiegħ legalment mill-ispiżeriji kollha.
Fil-fatt il-projbizzjoni lanqas ma teżisti fil-prattika għal min jilħaqlu jew li għandu daqsxejn edukazzjoni medika. Torbot biss u għalhekk tikkastiga biss, lil min hu injorant biex issabbar il-kuxjenza populista u ipokrita ta’ min imexxi.

 

 

Intervista
Id-dawl ta’ Pawlu fi żmien kruċjali għall-PN


Charlot Zahra jintervista lil Paul Borg Olivier, Segretarju Ġenerali tal-PN


Editorijal

Riċetta mħawra



Wenzu Mintoff
Ix-xita fejn in-nida



Carmelo M. Bonnici
X’mar ħażin fl-ekonomija



Joe Ellis
Il-ġid komuni



Toni Abela
Jelly beans


Il-Punt - Victor Axiak
Proposti ltiema dwar l-ambjent

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan