MediaToday

Sport | 13 ta’ Settembru 2009 Nr 151

Bookmark and Share

Il-qlub muġugħa ta’ 33 sena stennija

Mark Attard

“Is-sentenza ġabuhieli by hand id-dar. Kelli niġbor xi karti tax-xhieda u ħsibt li kienu ġabuli lilhom. Iżda mbagħad kif rajt l-ewwel strofa mill-folder tal-plastik kulur isfar taqra, ‘Rapport tal-Bord ta’ Kontra l-Korruzzjoni’ anqas komplejt naqra. Ħarist mill-ewwel lejn il-konklużjoni u kif rajt is-sentenza taqra ‘l-Ewwel Diviżoni u multa ta’ €4,000’ poġġejt bilqiegħda. Kont se nibda niekol u marli l-aptit kollu. Ksaħt.
“Dak il-ħin ħassejt ħafna mixed feelings. Il-futbol għadni nitwieled fih imma meta tkun għamilt dak ix-xogħol kollu s-sena ta’ qabel u jiġi xi ħadd jiddeċiedi għalik staġun li fih tkun qlajt bejn għajnejk tħossha, tħossha ħafna aktar.”
Hekk jirrakkuntali dak il-mument Gerald Ellul, Segretarju Ġenerali ta’ Vittoriosa Stars. Kien hu li ngħata l-aħbar tal-piena fuq l-allegat każ ta’ korruzzjoni li kellu l-klabb tagħhom li kien involut fih l-istaġun l-ieħor fil-partita mill-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni kontra St. George’s. Għalihom kienet l-iktar sena importanti fl-istorja tal-klabb għax fiha ddebuttaw fil-Premier wara 33 sena.
Viċin Ellul kien hemm wiċċ iddispjaċut ieħor: dak ta’ Erskine Vella, President żagħżugħ tal-istess klabb li kellu l-kuraġġ jidħol għal din il-kariga minn dan l-istaġun meta kien jaf li l-borma kienet waħda mħawra sew u ħadd ma jaf x’fiha eżattament.
Vella jirrakkuntali kif kienu għalih dawk l-ewwel 90 minuta fl-istorja tal-klabb tagħhom fil-kampjonat Premier fl-uniku partita li laħqu lagħbu kontra Sliema Wanderers li huma tilfu 3-0 minkejja wirja pożittiva ħafna.
“Kienu 90 minuta emozzjonanti ħafna. Jien inħobb l-Inter u wieħed minn dawk li ma nitlifx logħba. Imma l-emozzjonijiet li tawni l-Birgu f’dawk id-90 minuta li lagħbu Premier kienu ħafna aktar milli qatt tawni l-Inter. Ħadt pjaċir ħafna.”
Nipprova niċċajta. Ngħidlu li l-emozzjonijiet li tawh f’ħajtu l-Inter ma kinux wisq iktar minn tal-Birgu. Għal mument nidħku t-tlieta. Iżda mbagħad nerġgħu lura koppi. Il-weġgħa profonda wisq. It-tnejn jidhru mħassba sew u ddispjaċuti għal dak li ġie fuq il-klabb tagħhom ftit tas-sigħat qabel. Bħal donnhom ma jafux x’laqathom. Il-moħħ tat-tnejn jhewden il-ħin kollu. Bla waqfien. Il-mistoqsija li għaliha ħadd m’għandu tweġiba hi: Imma għala ħadd ma tana tal-inqas indikazzjoni żgħira jew tingiża x’kien se jkun id-destin tagħna biex tal-inqas ma nidħlux fi problema finanzjarja kbira ta’ kuntratti kif dħalna? Ellul jgħidli…
“Jien l-ewwel wieħed li nemmen li l-MFA għandha say fuq il-klabbs li jiffurmawha. Però l-iktar li ħadtha bi kbira kien minħabba t-timing ta’ kif ġraw l-affarijiet. Jien il-Membru tal-Kunsill tal-klabb u f’ħafna drabi ltqajt kemm mal-Viċi Presidenti Peter Fenech u Carmelo Bartolo.
“Dejjem iltqajt biex nipprova nagħmel dik id-daqsxejn ta’ pressjoni. Iż-żmien beda dieħel. Konna nafu li hemm xi ħaġa pendenti u ma nistgħu nagħmlu xejn fuqha. Anki biex insibu n-nies għall-Kumitat din is-sena kienet diffiċli ħafna minħabba s-sitwazzjoni tagħna. Ħadd ma ried jidħol għal dak ir-riskju li ‘jista’ jkun jiġri xi ħaġa’ għalkemm ix-xi ħaġa, kbira kemm hi kbira, ħadd ma kien jaf x’inhi. Personalment ma pretendejtx li se tkun kbira daqshekk.
“Inħossni mweġġa’ ħafna. F’dawn l-aħħar ġranet ħsibt bis-serjetà kemm-il darba jekk għandix inwarrab darba għal dejjem mill-futbol Malti. Jien kontra bil-kbir fuq it-timing ta’ kif ġraw l-affarijiet. Kont nippretendi li l-Ħamis meta jien u l-President għamilna erba’ sigħat fl-MFA xi ħadd minn tant ħbieb li suppost għandi hemm ġew kien jitfgħali kelma.
“Ma ridt lil ħadd jiġi jgħidli biex ma ninvestix għax se naqgħu. Kulma xtaqt li xi ħadd jagħtini mqar tingiża biex inżommu saqajna mal-art. U jien ta’ bniedem li għandi moħħi floku kont nifhmu. Dik biss li ridt.
“Illum il-ġurnata ngħid li fl-MFA hemm nies li kont naħseb li huma ħbieb imma mhumiex. Forsi kultant inħossni daqsxejn naive u kull min itaptapli fuq dahri nagħmlu ħabib tiegħi. Kif jgħidu ż-żmien isajjar il-bajtar u meta tibda tiltaqa’ ma’ ċerti sitwazzjonijiet fil-ħajja tibda tinduna min huma l-ħbieb ta’ vera u min huma dawk il-ħbieb li jtaptpulek fuq dahrek biss.”
Hu mifhum li Vittoriosa Stars iddepożitaw mal-14-il kuntratt, fosthom tlieta professjonali tat-tliet barranin, ftit sigħat biss qabel ma għalaq is-suq tat-trasferimenti ta’ Awwissu li b’kollox swewhom aktar minn €100,000. Baqgħu jittratenu sal-aħħar għax kienu jafu li għandhom każ pendenti li jista’ jirriżulta f’relegazzjoni kif fil-fatt ġara.
Lejn l-aħħar sigħat, meta kien għad m’hemm xejn uffiċjali fuq id-destin tagħhom, ma kellhomx triq oħra għajr li jirreġistraw plejers li bihom kienu jikkompetu sew fil-kampjonat Premier.
Il-President jgħidli li spiċċaw isofru l-konsegwenzi tad-dewmien inspjegabbli tal-Bord ta’ Kontra l-Korruzzjoni tal-MFA.
“Spiċċajna qed insolvu l-problema tan-nuqqas tat-tmexxija tal-MFA fir-rigward tal-każ tagħna. Spiċċajna b’commitments ma’ plejers li kellna bżonn għall-kampjonat Premier. Spiċċajna bi tliet barranin ta’ livell li kienu magħżula apposta għall-kampjonat Premier li l-ebda wieħed minnhom m’għandna għalfejn inżommu għall-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni.
“Ħafna xogħol u ġiri biex nippruvaw inġibu lura l-flus li tlifna mentri b’xi mod qed nippruvaw intaffu l-problema finanzjarja li tefgħuna fiha. Irridu nerġgħu nibdew naħdmu u naħsbu fuq il-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni bl-ispejjeż kollha li diġà għamilna meta nafu li ma kienx hemm bżonn dan kollu għall-Ewwel Diviżjoni. Il-plejers li ġibna għall-Premier, u li issa se jibqgħu magħna fl-Ewwel Diviżjoni, irridu nħallsuhom daqslikieku Premier għax huma tal-livell li huma.
“Jiddispjaċini ħafna għal kif ġraw l-affarijiet għax ġiet qisha tpattija. Konna morna l-uffiċini tal-MFA ftit sigħat qabel ma għalaq il-ħin li klabb kellu biex jirreġistra l-plejers tiegħu għal dan l-istaġun.
“Ippruvajna nsaqsu x’inhu d-destin tagħna biex talinqas, jekk żbaljajna, nieħdu li ħaqqna, iżda ma ridnix nidħlu fi problema finanzjarja kbira. Bkejnilhom fuq li bkejnilhom biex tal-inqas jagħtuna indikazzjoni. Qalulna li ħadd m’għandu idea ta’ x’deċiżjoni kienet ittieħdet. Il-minuti tad-deċiżjoni jkunu handwritten. Sal-Ħamis qalulna m’hemm xejn. Il-Ġimgħa morna bir-reġistrazzjoni u ma qalulna xejn. Imbagħad it-Tnejn irċivejna s-sentenza. Żgur li s-Sibt u l-Ħadd ma qagħdux jidħlu jaħdmu fuq dawn l-affarijiet. Il-mistoqsija tagħna se tibqa’ jekk kinux jafu u ma qalulnix jew jekk vera nzertaw ma jafux. M’għandhiex idea l-għala sar hekk. Forsi kellhom bżonn xi guinea pig biex jagħtu eżempju. Anqas jista’ jkun hemm idea għax kieku nemmen li veru kienu jafu d-destin qabel ma daħħalna r-reġistrazzjonijiet nibda ngħid li saret l-iktar ħaġa inġusta fid-dinja kontra l-Birgu.”
Nistaqsih x’inhi s-sitwazzjoni tiegħu bħala l-President ta’ Vittoriosa Stars u tal-kumplament tal-kollegi tiegħu mal-MFA wara din il-maltempata kollha li ġiet fuqhom.
“Minn naħa tiegħi personali, biex ma niġbidx lil sħabi kollha, ngħidlek li m’hemmx rispett aktar lejn l-MFA la lejna ħadd ma wrieh.
“L-affarijiet ma jsirux hekk. Meta tkun destinat li se tilgħab fil-Premier imbagħad jiġrilna dak li ġralna tibqa’ xxukkjat. L-ewwel esperjenza tagħna, minkejja t-telfa kontra Sliema Wanderers, ħadna pjaċir ħafna biha. Ħriġna sodisfatti bil-prestazzjoni tal-plejers u konna fiduċjużi li bit-tim li kellna konna se nieħdu u nagħtu pjaċir lil kulħadd. Kont nemmen li nsalvaw postna mal-kbar.
“Aħna meta bagħtulna s-sentenza, waħda mir-raġunijiet biex ifarfru qalulna li kellhom 33 każ x’jindagaw u kollha għandhom bżonn l-attenzjoni tagħhom. Jaħasra tagħna tawh attenzjoni aktar mill-kumplament tal-każi minkejja li l-persuna tagħna nvoluta għad għandha l-każ pendenti quddiem il-Qorti ta’ Malta.
“Aħna ridna d-deċiżjoni toħroġ ħafna aktar qabel milli ħarġet u jekk ħaqqna niġu relegati kienu jagħmlulna li għamlulna qabel. Ħadna skoss kbir ħafna. Mil-lum ’il quddiem il-pjani tagħna se jkunu li naħsbu biex nilagħbu fl-Ewwel Diviżjoni iżda determinati li nerġgħu nitilgħu Premier.”
Vittoriosa Stars appellaw mis-sentenza li ngħatatilhom. L-affari tidher rassenjanti għal kulħadd tant li d-deċiżjoni li fadal tittieħed hi biss dik ta’ min se jieħu posthom u post Marsaxlokk, li issa ġew relegati wkoll fuq każ simili.
Minkejja l-appell, Vella m’għandu fiduċja ta’ xejn li l-affarijiet jistgħu xi darba jiċċaqalqu minn kif inhuma.
“Minn kif ġew l-affarijiet ma naħsibx li nistgħu xi darba nieħdu xi ħaġa lura minn dak li ħadulna. Anqas mill-MFA stess ma tawna indikazzjoni x’se jiġri minna aħseb u ara. M’hemmx x’tagħmel. Issa ġara li ġara. Appellajna b’saħħa u issa nistennew x’se jiġri. Jekk l-affarijiet jibqgħu hekk se naħdmu biex is-sena d-dieħla nerġgħu nkunu Premier u ħadd ma jkeċċina kif keċcewna.”
Taħsbu li l-Bord seta’ kellu xi tip ta’ ndħil minn ħaddieħor. Jirrispondi Ellul.
“Le, ma nemminx. U allaħares. Għax inkella l-Bord mhux awtonomu. Allaħares inkun naf li l-MFA indaħħlet lill-Bord għax kieku l-futbol għalija jkun spiċċa darba għal dejjem.
“Lill-Bord nagħtih 90 fil-mija tat-tort fuq dan kollu. L-10 fil-mija l-oħra nqassamhom forsi daqsxejn fuq it-tkaxkir u d-dewmien tal-bidu meta ħareġ il-każ u l-parti l-oħra fuq fejn jidħlu n-nies li jridu jidhru quddiem il-Bord li baqgħu qatt ma tfaċċaw.
“Jien imweġġa’ għall-mewt. Jien bilfors inkun imweġġa’ għax għal dan it-tim tajt ħajti. Qed inkellmek ukoll inħoss il-balla fl-istonku tiela’. Għal din it-tim tajt kollox sa anki t-tifel u l-kumplament tal-familja ġieli ħallejt fit-tieni post wara Vittoriosa Stars.”
Immur lura għal dik il-partita misħuta tas-sena l-oħra kontra St. George’s li fiha nqala’ dan kollu. Wara li llum għadda tant żmien, nistaqsi lill-President jekk sinċerament jaħsibx li Vittoriosa Stars huma ħatja ta’ dak li nqala’.
“Jien ma kontx President ta’ Vittoriosa Stars dakinhar u allura ma tantx nista’ nitkellem. Ma nista’ qatt ngħid li l-klabb tiegħi kien ħati. Fil-każ tagħna l-Bord għajjat xi seba’ jew tmien darbiet lil dan il-bniedem li qal ressqu fuqu. Il-bniedem ma tela’ qatt quddiem il-Bord. Aħna tellgħajna x-xhieda kollha u xorta ġie emmnut dan il-bniedem. Saru affarijiet is-sena l-oħra biex l-affarijiet ma jkomplux jikbru u sfortunatament dawruhom kollha kontrina.
“Xi ħaġa li ħadt pjaċir biha li ntqalet fl-MFA stess kienet li ħadu pjaċir kif Vittoriosa Stars ġabu rwieħhom f’din il-biċċa xogħol. Jekk trid turi li int serju ma tistax toqgħod tiġġieled, tkisser u tinsulenta u aħna m’għamilna xejn minn dan. Nippreferi nitkellem u niddiskuti kemm hemm bżonn madwar mejda immaterjali min miż-żewġ naħat ikollu raġun.
“Jien l-uniku ħaġa li nista’ ngħid fuq l-MFA hi li nixtieq nara tip ta’ amministrazzjoni aħjar għax kieku dawn il-problemi ma nqalgħux. Dan li għaddejna minnu aħna seta’ ġie evitat ħafna minnu. Jekk aħna ħatja u ħaqqna naqgħu, ħa naqgħu, imma li se nbatu finanzjarjament ukoll mhux sew.”
Nistaqsih jekk bħal Ellul qattx ħaseb li għandu jwarrab minn President u mill-futbol Malti darba għal dejjem.
“Le, qatt ma ħsibt fuq xi ħaġa hekk. Allaħares għax ġietna din is-siegħa ħażina fuqna taqbad u twarrab. Mhux l-istil tiegħi.
“Jien inħobb lil pajjiżi. Jien mill-Birgu. Ġie ż-żmien opportun fuqi li jien kelli bżonn nagħmel xi ħaġa biex nehda biha. Kont naf bl-affarijiet li għaddejjin. Kont qed insegwi dak li qiegħed jiġri minn barra. Illum ma jiddispjaċini lanqas xejn li nzertajt il-President tal-klabb f’mument imdallam.”
Inħares lejn Ellul. Ninnutah wiċċu ’l isfel mal-mejda jifli l-pala ta’ jdejh u ċ-ċurkett fir-raba’ subgħa. F’daqqa waħda bħal donnu qisu jiġi f’tiegħu u jgħidli, “Ma kinitx ġusta li wara 33 sena nistennew biex inkunu Premier nieħdu dehxa hekk. Din dehxa li minna ma tirkupra qatt. Se tibqa’ miktuba fl-Istorja li meta kont hemm jien u sħabi tlajna Premier Division u fuq stqarrija ta’ bniedem li għamel il-Qorti ġejna relegati.
“U hemm xi ħaġa oħra agħar minn hekk. Kif jinqata’ u jgħaddi kollox se ssir taf il-Uefa u aħna għandna ħames snin ma nistgħux nikkompetu fl-Ewropa għalkemm vera konna għadna ħafna ’l bogħod minn dawk il-livelli.”
Nikkonkludi billi ngħidilhom li l-fatt li l-Bord raqad fuq il-każ tagħhom setgħet ġiethom tajjeb. Ir-raġunament ta’ kulħadd jgħid li kieku l-Bord ta’ Kontra l-Korruzzjoni tal-MFA ħa deċiżjoni bla dewmien tal-inqas sa qabel ma beda l-kampjonat Premier, id-destin tagħhom seta’ anki kien fit-Tieni Diviżjoni ladarba l-allegat att sar fl-Ewwel Diviżjoni.
Jikkonkludi bl-aħħar kliem il-President.
“Jekk id-deċiżjoni ttieħdet meta aħna konna fil-Premier u ħarġet id-deċiżjoni li naqgħu diviżjoni bilfors li kellhom jerġgħu jitfgħuna fl-Ewwel Diviżjoni għalkemm kieku ħasbuha bir-raġunament tiegħek kellhom id-dritt ukoll li jitfgħuna fit-Tieni Diviżjoni. Dawk affarijiet li kienu f’idejn il-Bord. Jien anqas kif ħarġet id-deċiżjoni ma naqbel aħseb u ara li jitfgħuna fit-Tieni Diviżjoni.”

 

Intervista
Ksir is-seħer tat-Teatru Rjal

Harry Vassallo jintervista lill-Perit Giovanni Trevisan




Wenzu Mintoff
Riħ fil-bażwa



Carmelo M. Bonnici
Il-każ għat-8 ta’ Settembru



Joe Ellis
Iċ-ċittadin l-ewwel



Toni Abela
Il-Ġżira tat-Teżor li dalwaqt se ssir fantażma


Il-Punt - Charles Aquilina
Meta t-tfal isiru piż għas-sajf

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan