MediaToday

Intervista | 13 ta’ Settembru 2009 Nr 151

Bookmark and Share

Ksir is-seħer tat-Teatru Rjal

Harry Vassallo jintervista lill-Perit Giovanni Trevisan

Ta’ 79 sena Giovanni Trevisan għadu żagħżugħ ikkargat. Meta l-ewwel ġie Malta fl-2004 u għadda minn Bieb il-Belt laqgħetu u laqtitu x-xena tat-Teatru Mwaqqa’. Aktarx li kull turist jinħasad xi ftit billi dawn il-fdalijiet mhumiex irreklamati bħala xi wirt arkeoloġiku.
Għal Trevisan dik ix-xena tfissret fi sfida qawwija, tant qawwija li minn dakinhar baqa’ jipproduċi pjanta wara l-oħra biex fisser fl-iċken dettall kif it-teatru jista’ jerġa’ jieħu l-ħajja u jservi lill-Beltin u lill-Maltin kollha bħala fus kulturali.
B’kuntrast mat-turist aljenat li jieħu sorpriża u jibqa’ għaddej, Giovanni Trevisan hu perit b’50 sena esperjenza. Ħa ħsieb jisħaq: “Fix-xogħol tiegħi m’iniex kuntent li nfassal pjanta u nħalli lil ħaddieħor jibni biha. Nibqa’ mal-proġett sal-aħħar biex nieħu ħsieb li dawk kollha li nkun qabbadt biex jieħdu sehem fih ikunu taw sehimhom sħiħ.”
Fil-fatt mal-pjanti li wrieni tat-teatru, urieni ukoll xogħlijiet tiegħu u dawk tad-ditti li mdorri jaħdem magħhom. Fost ix-xogħlijiet ta’ waħda minnhom hemm it-teatru tal-opra ta’ Sydney u l-bini mill-ġdid tal-World Trade Center fi New York.
Meta jitqabbel max-xogħol tal-bini li mdorrijin naraw f’Malta, il-binjiet ta’ Trevisan huma differenti billi ħafna mix-xogħol li jsir fihom jitlesta qabel ma jasal fuq il-post. Il-“bennejja” l-iżjed importanti ta’ Trevisan huma d-ditti ta’ fama mondjali li jipprovduh bil-materjal u li fil-fatt jaħdmuhulu skont id-disinn tiegħu.
Ukoll meta l-partijiet kollha jinġabu fil-post u l-binja tintrama u titlesta, Trevisan ma jerħihiex: “Inħobb inżur il-binjiet tiegħi snin wara li jitlestew u li jkunu ilhom jitħaddmu. Ma niddejjaq xejn meta jinstab użu ġdid għall-bini li nkun tellajt jew li jsir xi tibdil fih biex jakkomoda l-ħtiġiet ta’ sid ġdid. Dan ikun sinjal li l-proġett irnexxa għaliex kien kapaċi jilqa’ fih attivitajiet ġodda jew jaqdi lil sidien ġodda. Il-binja dejjem hi kontenitur tal-ħajja li dejjem tinbidel u trid tkun kapaċi tlaħħaq mat-tibdil.
“Il-proġett li ħejjejt għat-Teatru Rjal tal-Belt Valletta tfassal fl-iċken dettall bl-istimi tal-ispejjeż kollha. Jista’ jinbena f’sentejn u jiġi jiswa €15 miljun,” stqarr Trevisan u mal-ewwel qabditni kurżità kif s’issa għadu ma ngħatax wiċċ minn min jista’ jwassal lil dan il-proġett biex isir realtà.
“Ftit iżjed minn sena ilu ltqajt mal-Prim Ministru iżda m’għaddejniex ħafna ħin flimkien. Int stajt tidħol iżjed fil-fond biex tifhem il-proġett,” qalli hu u jifrex pjanta oħra. Bil-mod il-mod beda jiżvela ruħu l-proġett li bħal kull proġett ieħor imur ħafna ’l hemm mill-binja stess.
Staqsejtu x’ġabu Malta u kif sab ruħu nvolut fir-restawr ta’ dan il-bini mwaqqa’.
“Kien hemm artista Maltija li kienet qed tagħmel wirja tal-arti għand ħabib tiegħi f’Venezja u bis-saħħa tal-ħbiberija magħha żort Malta. Dak iż-żmien kienet qegħda ssir il-wirja tax-xogħlijiet ta’ Caravaggio, La Mostra Impossibile.”
Ħaġa ġġib lill-oħra billi l-interess f’Caravaggio u l-kuntatti ma’ istituzzjonijiet u ċentri ta’ studju tal-arti wasslu biex tingħaraf l-opportunità li jippreżenta r-restawr tat-teatru f’Malta biex jitwaqqaf fih ċentru ta’ studji dwar Caravaggio fil-gżira.
Għalkemm Trevisan hu perit u tkellimna fit-tul dwar il-binja, kif ir-ritmi arkitettoniċi li ffissa Barry jibqgħu jaħkmu lill-binja l-ġdida, il-proposta tiegħu ssir iżjed interessanti billi għandu f’moħħu li l-proġett ikun wieħed iffinanzjat privatament.
Hu għaddej ilissinli li saru ’l fuq minn 20 laqgħa minn dawn l-għaqdiet Taljani u Ewropej biex isosntu l-proġett f’Malta.
“Ċentru ta’ studju speċjalizzat dwar l-ottika fix-xogħlijiet ta’ Caravaggio ma jkunx immirat li jaqdi lill-istudjużi Maltin biss iżda lil dawk kollha fid-dinja li jinteressahom dan is-suġġett. Mhumiex ftit u lanqas mhu xi suġġett li jitwarrab malajr. B’hekk il-binja tieħu valur usa’ u tieħu sehem mill-valur universali tax-xogħlijiet ta’ Caravaggio,” kompla Trevisan.
Jidħolli s-suspett li l-interess tiegħu fl-arti, il-fatt li hu pittur minbarra li hu perit, jaħdem kontrih meta jasal biex jittratta ma’ min jieħu d-deċiżjonijiet f’Malta. Minflok li jservi ta’ vantaġġ li warajh isostnuh hemm istituzzjonijiet tal-arti prestiġġużi, il-fatt li hu pittur jgħammex lil min lanqas ma jitħajjar jivvaluta l-kredenzjali tiegħu.
Ironikament iżjed issir probabbli li jintgħażel xi perit tal-kalibru ta’ Piano billi l-kapaċitajiet tiegħu huma rikonoxxuti internazzjonalment, iċċertifikat u lest għal min ma jafx mnejn jibda fl-inċertezza tal-arti. Aħjar jintefqu l-miljuni għal firma magħrufa milli nħallu li jinbena l-aqwa kapulavur mingħajr ma noħorġu ċenteżmu għalih.
Mela l-Parlament il-ġdid, bi jew mingħajr il-mużew tal-Istorja tal-iżvilupp politiku f’Malta li ssemma li jista’ jsir miegħu, jidher li hu antiċipazzjoni fil-mixja demokratika ta’ pajjiżna.
Għadna fi stat ta’ pluraliżmu minimu u għadna niġġustifikawh. Staqsejtu jekk il-proġett tiegħu ta’ teatru u ċentru tal-arti b’miri internazzjonali hux l-istess ħaġa, antiċipazjoni, kontenitur li jista’ jibqa’ vojt jew li mhemmx pressjoni biex jimtela.
Missejtlu d-do: “L-arkitettura hi parti mit-tkabbir kulturali. Billi tipprodvi l-post u l-atmosfera fejn jistgħu jseħħu avvenimenti, esperimenti u esperjenzi, tipprovoka t-tkattir kulturali.” Għamillu ostakolu u jintefa’ lejh bis-saħħa.
M’għandu l-ebda dubju li l-proġett tiegħu jista’ jseħħ. Diġà hemm il-mezzi biex tingħata garanzija finanzjarja għat-tlestija tiegħu. Ħaġa waħda tista’ tfixklu: “Jekk nitnikkru ż-żejjed l-intrapriżi li ħajjarna jaħdmu fih jgħaddu għal proġetti oħra.”
S’issa d-dewmien ħakem is-sit tat-Teatru Rjal bħal saħta minn traġedja Griega. B’ironija kbira fil-wirja tal-proġett ta’ Piano nkiteb li l-binja fit-teatru kellha ssir fuq il-fdalijiet li baqa’ mill-bini oriġinali billi dawn tant ilhom hemm li saru parti mill-wirt kulturali tagħna.
Jekk jirnexxi pjan minnhom forsi nkunu ksirna s-seher li ħakem il-post. Trevisan għandu seħer tiegħu, għandu wkoll rieda qawwija u pożittiva. Jalla jirnexxilu.

 

Intervista
Ksir is-seħer tat-Teatru Rjal

Harry Vassallo jintervista lill-Perit Giovanni Trevisan




Wenzu Mintoff
Riħ fil-bażwa



Carmelo M. Bonnici
Il-każ għat-8 ta’ Settembru



Joe Ellis
Iċ-ċittadin l-ewwel



Toni Abela
Il-Ġżira tat-Teżor li dalwaqt se ssir fantażma


Il-Punt - Charles Aquilina
Meta t-tfal isiru piż għas-sajf

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan