Feature | 06 ta’ Settembru 2009 Nr 150
Joe C. Cardona
Bħalissa waqt li l-kumplament tal-popli tad-dinja għaddejjin minn żmien ta’ vaganzi u divertiment, miljuni ta’ Musulmani madwar id-dinja għaddejjin min eżerċizzju qawwi tar-reliġjon tagħhom: 30 jum ta’ sawm, astinenza u talb.
Kuljum waqt dan il-perjodu magħruf bħala Ramadan, ix-xahar qaddis, huma jsumu mill-ikel u x-xorb, minn tlugħ ix-xemx sa nżulha. Fl-aħħar tax-xahar tar-Ramadan huma mbagħad jiċċelebraw il-festa ta’ “Eid Ul Fitr” bħala ringrazzjament lil Allah għall-grazzja li jkun tahom li setgħu jsegwu r-riti u r-regoli tar-Ramadan bil-ġid spiritwali kollu li jġib miegħu.
Ir-Ramadan juri l-ispirtu veru tar-reliġjon tal-Iżlam u hi verament ħasra li mħabba xi individwi jew gruppi fundamentalisti estremi li jinqdew bl-Iżlam għal skopijiet ta’ moħħhom jagħtu idea ħażina lir-reliġjon Iżlamika.
Dan l-aħħar kellna diversi atti terrostiċi li min wettaqhom ipprova jabbinahom mar-reliġjon Iżlamika. Kienu atti ta’ ġenn li fihom inqatlu nies innoċenti. Bir-raġuni u l-moħħ wieħed jista’ jasal biex jifhem li reliġjon, hi liema hi, hi oġġett marbut ma’ Alla jew ma xi tip ta’ alla u għalhekk mhix ħaġa li wieħed jgħid li qed joqtol f’isem ir-reliġjon.
Kien hemm każi fejn ġens ħadha kontra ġens f’isem ir-reliġjon imma fl-aħħar wieħed isib li r-raġuni ma kinetx biss ir-reliġjon.
Għar rigward tal-Iżlam, l-atti aggressivi u terroristiċi riċenti kemm-il darba ġew ikkundannati mill-mexxejja dinjija tal-Iżlam u kemm-il darba dawn il-mexxejja spjegaw li l-Iżlam hu kontra l-aggressjoni u l-vjolenza. Huma spjegaw kif il-Jihad, kelma li jikkwotaw dawn l-aggressuri u terroristi, ma tfissirx gwerra ta’ vjolenza kif għax jaqbel lilhom jippruvaw ifissruha.
Il-mexxejja Iżlamiċi jispjegaw li l-Jihad fl-Iżlam tfisser gwerra ta’ difiża li ssir biex wieħed jiddefendi ruħu u mhux veru li l-Jiħad tfisser gwerra ta’ distruzzjoni kontra dak kollu li mhux Iżlamiku.
Dawn l-imams u l-mexxejja tal-Iżlam jispjegaw li jekk minoranza żgħira jagħtu din l-idea ħażina tal-Iżlam hemm miljuni sħaħ ta’ membri ta’ din ir-reliġjon li jixhdu li spirtu veru tar-reliġjon Iżlamika u l-perijodu tar-Ramadan hu xhieda qawwija ta’dan.
Fil-fatt mar-Ramadan hemm marbuta diversi azzjonijiet u tradizzjonijiet li huma preskritti mill-Koran, il-Ktieb Qaddis tal-Musulmani, nnifsu. Dawn l-azzjonijiet huma marbuta ma’ regoli u istruzzjonijiet biex kollox jimxi f’għaqda waħda u kif suppost.
L-iktar azzjoni li hemm marbuta magħha regoli eżatti u deskrizzjonijiet ċari dwar x’għandu jsir u kif isir hija dik tas-sawma l-kbira ta’ matul it-30 jum tar-Ramadan li hi attività tassew importanti għall-Musulmani. Fil-fatt is-segwaċi tad-din Iżlamiku għandhom sawm f’diversi jiem matul is-sena imma l-akbar sawma hi dik magħmula matul il-perijodu tar-Ramadan.
Din is-sawma mhix biss tradizzjoni imma hi meqjusa waħda mill-kolonni li fuqhom hu mibni d-din tal-Iżlam. L-erba’ kolonni l-oħra huma x-xhieda li ma hemmx Alla ħlief Allah u li Mawmettu hu l-messaġġier tiegħu; li jsir talb regolari; li jigi mħallas iż-“żakot” jew taxxa divina għall-fqar u għal min ikollu bżonn u li darba f’ ħajjithom il-Musulmani jagħmlu l-pellegrinaġġ biex iżuru d-dar ta’ Allah f’Mekka, u din dejjem jekk ikunu jistgħu jagħmlu l-vjaġġ.
Hawn ta’ min jgħid li s-sawm huwa komuni f’diversi reliġjonijiet oħra u f’bosta pajjiżi u mhux ħaġa tal-Musulmani biss. Anzi wieħed jista’ jgħid li s-sawm kien rakkomandat mir-reliġjonijiet kollha barra dik ta’ Mitras, għax jingħad li l-ikel għandu influwenza ħażina fuq il-ġisem. Għalhekk is-sawm hu rakkomandat ħafna u f’ħafna reliġjonijiet oħra jqisu l-ikel bħala għejjun ta’ ħolm u estasi ta’ oġġett mixtieq li bih il-viżjoni u l-komunikazzjoni ma’ xi alla jew anġlu jew xi persuna sagra, hi mistennija.
L-insara jemmnu li s-sawm kien preskritt minn Alla sa mill-eqdem żminijiet u fil-Bibbja nsibu diversi eżempji ta’ sawm fosthom is-sawma tal-Profeta Danjel li sam bla ma jiekol laħam u ħobż għal tliet xhur sħaħ u dik ta’ Mosè li sam għal 40 jum sħaħ.
Nies li jipprofessaw is-seħer jemmnu wkoll li huma jirnexxu iktar f’din il-ħidma jekk isumu. Oħrajn jemmnu li s-sawm għandu l-ħila jaqbad is-sħarijiet, l-ispirti u qawwiet fin-natura. Fuq kollox il-biċċa l-kbira jemmnu li s-sawm hu sinjal ta’ ndiema u biex tiġi miksuba l-ħniena mingħand Alla. Permezz tas-sawm il-bniedem jitgħallem ikun paċenzjuż, ikollu morali tajba, inaddaf qalbu u jagħni il-karattru tiegħu billi jitħarreġ fil-mod meqjus li għandu jitratta ma’ ħaddieħor u b’hekk wieħed ma jaħsibhiex darbtejn biex jgħin lil dawk li jsofru.
Fl-Iżlam is-sawm ġie preskritt mill-Koran matul it-tieni sena tal-Ħijara u hu maħsub biex jgħin kontra t-tendenzi ħżiena u biex jippurifika l-ispirtu. Il-Koran jgħid “intom li temmnu s-sawm hu preskritt għalikom bħal ma kien preskritt għal dawk li ġew qabilkom biex intom tkunu tistgħu tgħassu kontra l-ħażen.
“Għalhekk sumu għal għadd stabbilit ta’ ġranet, imma min minnkom ikun marid jew qiegħed waqt vjaġġ jista’ jsum fi ġranet oħra u dawk fostkom li jistgħu jakkwistaw il-ħelsien mid-dnub billi jitimgħu lil min ikun fil-bżonn, u dawk li jagħmlu l-ġid minn jeddhom, ikun aħjar għalihom, u min isum ikun aħjar għalih.
“Ix-xahar tar-Ramadan hu dak li fih kien irrivelat il-Koran, li hu gwida għall-bnedmin u prova ċara biex jiggwidana u jurina d-distinzjoni bejn it-tajjeb u l-ħażin. Għalhekk dawk li ma jifilħux jew qiegħdin fi vjaġġ għandhom isumu l-istess numru ta’ġranet fi żmien ieħor. Allah irid li intom tkunu sewwa u komdi mhux li tbatu” (Koran, Kap 11, 83-185).
Matul ir-Ramadan il-Musulmani ma jsumux biss mill-ikel u mix-xorb imma anke ma jpejpux u jsumu minn azzjonijiet li jistgħu jpaxxu lill-ġisem, bħas-sess. Mhux biss imma joqogħdu attenti ħalli ma jaqgħux f’ċerti nuqqasijiet bħalma huma rabja, diskors li jagħmel ħsara fuq ħaddiehor, għira, kliem mhux f’postu, eċċ.
Biex l-ambjent tas-sawm ikun jista’ jinżamm aħjar, f’pajjiżi Musulmani hu pprojbit li tixrob ilma jew tiekol fit-triq matul il-ġurnata fiż-żmien kollu tar-Ramadan. Anke ristoranti u ħwienet tat-tè jagħlqu matul il-ġurnata u jinfetħu biss wara nżul ix-xemx meta jibqgħu miftuħa l-lejl kollu.
Bil-lejl in-nies iżuru lil xulxin, jirreċitaw il-Koran u jmorru fil-Moskej għat-talb. Fil-Moskej, li jkunu miftuħa l-lejl kollu, wara t-talba prinċipali ta’ nżul ix-xemx magħrufa bħala “Tarawih”, il-Ħafiż, jew dak li jirreċita l-Koran, jaqra biċċa mill-Koran matul il-lejl b’mod li jkun qara l-Koran kollu sas-27 lejl tar-Ramadan, xahar sħiħ. Barra l-qari mill-Koran isiru wkoll priedki fuq il-morali u jsiru wkoll tifsiriet dwar it-tradizzjonijiet u d-dmirijiet dwar is-sawm.
Ta’ kuljum matul ir-Ramadan, ma’ nżul ix-xemx, il-Musulmani jagħlqu s-sawma billi jieklu tliet tamliet u daqsxejn ilma u jgħidu talba. Jekk ma jkollhomx tamal jieklu frotta u jekk lanqas din ma jkun hemm, allura jieħdu daqsxejn ilma biss. Imbagħad wara li jgħidu xi talb jistgħu jibdew jieklu. Dan ir-ritwal u oħrajn marbuta max-xahar tas-sawm jiġu fi tmiemhom malli jfeġġ qamar ġdid u r-Ramadan jiġi dikjarat li spiċċa u jingħata bidu għal festival ta’ “Eid Ul Fitr”, l-għid tal-ferħ dejjiemi. Din il-festa l-Musulmani jiċċelebrawha bi kbir. Kollha jintlew bil-fwieħa u jilbsu l-aħjar ilbies u mbagħad jinżlu fit-toroq biex jiltaqgħu mal-qraba tagħhom u mal-ħbieb u mal-ġirien.
Kulħadd jawgura lill xulxin l-Eid it-tajjeb, jgħannaq lill xulxin, jagħti rigali lil xulxin u jintbagħtu l-kartolini bix-xewqat sbieħ.
Isiru wkoll żjarat għand xulxin u l-familji jduru minn dar għall-oħra. Imorru wkoll fil-Moskea biex jitolbu u jqimu lill Allah u l-esklamazzjoni ta’ Alla ħu Akbar, Ashadu enna le illaha l’Allah (Allah hu l-ikbar u nixhed li ma hemmx Alla ieħor ħlief Allah) tidwi mal-ħitan kollha tal-Moskea u tinstema’ bħal eku fit-toroq imżejnin. Flimkien mal-għajta tal-Eid Mubarak (l-Għid imbierek) u tislimiet oħra simili l-Musulmani jkunu qed jesprimu l-ferħ tagħhom għal biċċa xogħol tajba li bl-għajnuna ta’ Allah kien irnexxielhom jagħmlu billi segwew ir-Ramadan, ix-xahar qaddis.