Aħbarijiet | 06 ta’ Settembru 2009 Nr 150
“Iridu jkissruni akkost ta’ kollox u jtellfu l-impjieg tal-ħaddiema tiegħi,” sostna ma’ din il-gazzetta Alfred Bezzina, sid il-kumpanija tat-trasport Garden of Eden Garage Ltd, li ħalef li se jibqa’ jikkonfronta lill-Awtorità dwar it-Trasport (ADT) sakemm jinħarġulu l-permessi neċessarji biex ikun jista’ jopera d-double-decker buses għat-turisti bħalma ilhom jagħmlu l-kompetituri tiegħu.
Bezzina hu tal-fehma li qed ikun diskriminat politikament mill-ADT u jemmen bis-sħiħ li l-ebusija ta’ ras min-naħa tal-istess Awtorità fil-konfront tiegħu qed tpaxxi lill-kompetituri tiegħu.
F’kummenti mqanqla lil din il-gazzetta Bezzina spjega kif l-ADT ma ħallitux juża tmien double-decker buses li mporta f’Malta f’Novembru tas-sena li għaddiet minkejja li l-proċess ta’ importazzjoni u reġistrazzjoni kien sar fi żmien operattiv ta’ legiżlazzjoni antika.
Biex id-double-deckers inxtraw, iddaħħlu f’Malta, kif ukoll inħelsu mid-Dwana, tħallsu mijiet ta’ eluf ta’ ewro. Iżda l-proċess ta’ reġistrazzjoni tagħhom mal-ADT spiċca sospiż għaliex inħareġ Avviż Legali li qalleb ta’ taħt fuq ir-regolamenti li kienu jeżistu saż-żmien li ddaħħlu l-imsemmija double-deckers.
Bezzina hu ddispjaċut li jħossu diskriminat politikament, anki fit-ton ta’ kif qed jitkellem il-Gvern fil-konfront tiegħu billi ddikjarah bħala “ħabib tal-Partit Laburista.”
Il-kwistjoni ħadet żvolta ġdida hekk kif il-Partit Laburista permezz tad-Deputati Marie Louise Coleiro-Preca u Joe Mizzi ħarġu żewġ stqarrijiet fejn sfidaw lill-Gvern biex jiftaħ investigazzjoni fil-konfront tal-ADT bl-iskop li jkunu magħrufa kif seħħew l-affarijiet fil-konfront ta’ Alfred Bezzina.
“Jekk dan ma jsirx, allura jidher ċar li kemm l-ADT kif ukoll il-Gvern għandhom interess li jipproteġu lil xi ħadd b’detriment għad-drittijiet tal-bosta,” qalu d-Deputati Laburisti.
Fl-istqarrija tagħhom sostnew li l-mod ta’ kif il-Gvern qed jimxi mal-kumpanija Garden of Eden Garage Ltd “hu eżempju tipiku ta’ kif qed iħalli lill-burokrazija tifga lil min irid joħloq inizjattiva u joħloq ix-xogħol fil-pajjiż.”
Marie Louise Coleiro u Joe Mizzi żiedu jgħidu li kien il-Ministeru stess li kien qabel mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-Kummerċ Ġust li tat raġun lil Garden Of Eden Garage Ltd fejn ħareġ ċar li din il-kumpanija qed tiġi mċaħħda mid-dritt tagħha li topera f’ambjent kummerċjali ġust.
Minn naħa tiegħu Bezzina sostna li ma jistax jifhem kif f’daqqa waħda qed tkun ikkontestata l-validità tad-deċizjoni tal-Kummissjoni għall-Kummerċ Ġust mill-istess ADT.
Bezzina fittex għad-drittijiet tiegħu permezz tal-Qrati waqt li l-ADT nnifisha sfidat u għadha tisfida kemm lill-Kummissjoni għall-Kummerċ Ġust kif ukoll lill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni Ġusta.
Fl-istqarrija tagħhom il-bieraħ Marie Louise Coleiro-Preca u Joe Mizzi sostnew li minkejja kull ordni mogħtija minnhom “l-ADT ċaqilqet il-lasti kull darba biex tgħaddi tagħha.”
Iż-żewġ Deputati Laburisti nsistew li l-ADT qed tagħmel dan “bi ksur sfaċċat tal-prinċipju tar-“rule of law”, biex b’hekk tat l-agħar eżempju possibbli li min hu b’saħħtu jieħu l-Liġi b’idejh mingħajr ma jiddejjaq jidres id-drittijiet ta’ ħaddiehor.”