Intervista | 06 ta’ Settembru 2009 Nr 150

Franica Pulis tintervista lil Malcolm Galea
Niltaqa’ ma’ Malcolm Galea, il-persuna li kitbet u dderiġiet PORN – The Musical, dakinhar li l-kontinġent Malti wasal lura mill-Fringe Festival ta’ Edinburgh, fl-Iskozja. Galea jiltaqa’ miegħi f’kafetterija wara li ħa nagħsa. Jilqagħni bid-daħqa kbira tipika tiegħu u ma deherx għajjien daqskemm ħsibt li se jkun. Fil-fatt ma waqafx itaqtaq dwar l-esperjenza riċenti tiegħu.
Il-musical ta’ Galea rnexxielu jasal fejn probabbilment ħadd ma kien jistenna. Kien wieħed fost l-erbgħa nominati għal Musical Theatre Awards għal Most Promising New Musical f’dan il-Festival Skoċċiż prestiġġuż. Saħansitra ssemmew fuq il-gazzetta Ingliża The Guardian. Minkejja li ma rebaħx Galea hu kuntent ħafna safejn waslu. Anzi kien ħafna aktar milli basar.
“Meta nikteb xogħol dejjem nimmira li jmur tajjeb speċjalment meta jkun tiegħi u mhux kummissjonat. It-tir tiegħi dejjem ikun li nikteb għal barra. Konna daqsxejn fortunati b’dan. Ma stennejtx li se jitla’ barra daqshekk malajr. Kont nagħtih sentejn oħra biex jitla’ barra. Anki bħala kitba kont nagħtiha ftit aktar żmien biex ninċanaha.
“L-għan aktar kien li sservi ta’ warm-up għal li jmiss. Iżda la ġiet l-opportunità mhux se narmiha, hux.”
Fil-fatt it-tim Indiskarf magħmul minn Galea, Kris Spiteri u Boris Cezek – l-istess wieħed li ħadem fuq PORN – diġà qed jaħseb fix-xogħol li jmiss bil-għan ukoll li jesportawh.
Galea jibda jqabbel il-ġeneru tal-musicals ma’ tiegħu. Ħaġa tal-iskantament joħroġ li mhuwiex xi ammiratur tagħhom.
“Jien ma tantx jogħġbuni l-musicals. Fil-Festival, il-jumejn li ma ħdimtx fihom, ippruvajt immur nara teatru mhux musicals. Fil-fatt PORN iwaqqa’ ftit għaċ-ċajt lill-musicals.
“Il-vantaġġ ta’ PORN kien li mhux miktub skont il-formula tas-soltu u l-atturi lanqas huma speċjalizzati fil-ġeneru. Anki l-mużika hi tal-widna. Il-musicals għandhom stil għal rashom li l-mużika tagħrafha li tkun tagħhom.”
Dwar jekk spikkax għax kien musical maħdum b’baġit żgħir u kważi bla xenarju, il-kittieb wieġeb li kważi l-musicals kollha kienu ta’ baġit żgħir. Anzi huma spikkaw għax telgħu b’band. Ħafna jkollhom CD għall-mużika jew kompożitur li jakkumpanjahom fuq il-pjanu.
Dwar it-titlu Galea qal li ħadem favurihom u kontrihom. Spjega li f’Malta l-udjenza kienet taf li mhux se tistenna nies għarwenin fuq il-palk f’xeni ta’ sess. Iżda barra mdorrijin bin-nudità u jistennewha. Anzi jekk ikun hemm twissija dwarha u tkun xena żgħira l-udjenza kapaċi toħroġ diżappuntata li ma kienx hemm iktar jew li ma kinitx xokkanti biżżejjed.
“Konna naraw irġiel li jidħlu weħidhom u jippretendu li jaraw nudiżmu. Żgur li baqgħu diżappuntati,” żied jgħid.
Mill-banda l-oħra t-titlu nnifsu għenhom jispikkaw fost il-lista tal-bqija tal-musicals li ma kinux ftit.
“It-titlu kien hemm bżonnu għax kellna nuqqas ta’ reklamar. Jista’ jkun li issa l-isem jinbidel. Bħala kittieb dik irrid naċċettaha. Anki li nbiddel it-titlu. L-għan hu li nitilgħu Londra bih. Jista’ jkun li jkollna nerġgħu ntawluh ukoll u mhux bilfors se nżidu dak li qtajna għax ċerti diski ġew tajbin iqsar.”
Għalissa qed jippruvaw jidħlu fi ftehim ma’ kumpaniji Ingliżi iżda dan mhux xogħlu imma ta’ Winston Azzopardi biex jara fejn se jeħodha.
L-udjenza tagħhom kienet magħmula l-aktar minn Skoċċiżi u Ingliżi. Hemm tendenza li l-Ingliżi jħarsu ’l isfel lejn xogħlijiet barranin. Esperjenzawha din?
“Kien hemm naqra ta’ ‘ara dawn il-Maltin’, speċjalment minn kif jiktbu r-reviews. Malta jafuna l-aktar mill-Eurovision. Speċi ta’ meta konna nqassmu l-flyers u ngħidulhom jafux fejn hi Malta l-aktar kienu jsemmu l-Eurovision.
“Mhix l-intenzjoni tiegħi li nbiddel dan it-timbru. Inkella Malta tispiċċa bit-timbru ta’ PORN u ma nafx kemm din hi tajba,” jgħid b’daħqa kbira fuq wiċċu.
“Ifhem, l-Ingliżi għandhom ħabta li jħarsu ’l isfel fuq xogħlijiet barranin. Imma jekk spettaklu jmur mat-trends tagħhom jaċċettawk u ġieli jirreklamawk aktar meta tkun barrani. Bħalma ġara fil-każ tagħna. It-teatru fejn konna kien jiftaħar li għandu grupp Malti u ieħor minn Philadelphia. Il-bqija kienu kollha Ingliżi.”
Kompla jgħid li jekk xi ħaġa taħdem sew Malta għandha tmur tajjeb hemm ukoll. L-udjenza Maltija u dik Ingliża li żżur it-teatru se tapprezza affarijiet simili għalkemm forsi tolqotha b’mod differenti u hemm ċans li anki tfittixlek l-istess films u spettakli.
“Id-differenza hi l-pubbliku Malti jaħfer aktar minn dak Ingliż. L-ispettatur jaħfirlu lill-attur jekk forsi ma jkunx daqshekk tajjeb imma pprova ħafna jew forsi qal ċajta u ma ħarġitx tajba. L-udjenza kapaċi tapprezza ċ-ċajta minkejja li l-attur ma’ qalhiex sew.
“Iżda hemmhekk irid ikollok l-istonku biex ittella’ spettaklu għax għandek riskju kbir li n-nies jikkritikawk bl-aħrax u jġibuk żibel bil-kummenti tagħhom. Kapaċi jkunu kattivi u mhux lesti li jaċċettaw xogħol li mhux tajjeb. Hemmhekk in-nies ikunu raw ħafna spettakli kuljum allura meta jiġu jaraw lilek, int trid taqla’ fwiedek biex japprezzawk. Mentri kieku tellajnieha Londra, b’inqas kompetizzjoni, kienet tkun ħafna aktar faċli.”
It-tim Malti kienu jarawhom medja ta’ 90 ruħ kuljum ġieli anki ftit iktar. Mid-dehra l-biċċa l-kbira tan-nies li rawhom kellhom minn 60 sena ’l fuq. Tgħid il-pass li jmiss ikun li jduru d-djar tax-xjuħ fl-Ingilterra?
Nitħaddtu dwar il-Premju u l-musicals nominati magħhom. Għall-premju jkun hemm ġurija apposta li tagħżilhom. Dwar il-musicals, Galea ddeskrivihom bħala tajbin ħafna.
“Fil-Fringe ikollok ħafna kumpaniji u atturi li huma amateurs imma mhux fil-musicals. Fihom ikollok atturi ġejjin mill-West End. Hemmhekk iġġennuk.”
Nikkummentalu li l-kitba tal-musical maħduma biex tgħaddi mingħajr atturi mħarrġin f’dan il-ġeneru. Iżda hu sostna li attur tal-West End naturalment se joħroġ aktar b’saħħtu għax ikun esperjenzat aktar. Minbarra li wħud mill-atturi li uża primarjament huma kantanti minkejja li rnexxilhom iżommu preżenza u l-karattri kienu konvinċenti.
Dwar jekk kienx xi karattru li pprefera mill-oħrajn mix-xogħol tiegħu, Galea wieġeb:
“Le, ta’. Bħala musical il-karattri mhumiex profondi. Għalkemm il-Miscellaneous Man (Toni Attard) dejjem jiġbed aktar attenzjoni. Ifhem, joħorġu affarijiet sottili bħad-distinzjoni bejn sess u mħabba.
“Imma l-Miscellaneous Man ridt niffoka fuqu għax ħafna nies mhumiex eroj imma biċċa għamara li ddur minn post għall-ieħor. Għalhekk ħafna jagħmlu daqshekk għaġeb mit-tieġ għax hu l-uniku jum fejn se jħossuhom speċjali u jkollhom l-attenzjoni fuqhom. Imma l-bqija daqshekk.”
Dwar it-tliet irwoli fil-musical, Galea jgħidli li kienet neċessità li jagħmel lilhom it-tlieta.
“Id-dramm ktibtu jien għax il-kitba hi l-passjoni tiegħi. Li nirreċta hi sekondarja. Imma d-direzzjoni kienet neċessità. Peress li l-baġit kien baxx iffrankajna wkoll li nħallsu attur.
“Iżda l-vantaġġ li kont id-direttur u l-attur hu li kont il-ħin kollu wara l-palk. Meta kont nara li l-enerġija tmajna kont immur fuqhom biex itellgħuha u mhux inħalli sakemm tispiċċa l-produzzjoni biex ngħidilhom li l-enerġija kienet baxxa.
“Minbarra li n-narratur ktibtu b’tali mod fejn stajt nimprovizza meta tinqala’ xi problema teknika jew xi ħadd jinsa xi linja u nagħmel ċajta minnha. Biss biss meta konna Edinburgh kellna problema bis-sound. F’waħda mill-produzzjonijiet kien qed jagħmel ħoss tremend.
“L-ewwel darba kkummentajt li ma messniex tqammilna tant fis-sound u n-nies daħqu. It-tieni darba li kienet ħafna aktar qawwija, għidt: ‘Satan?!’ u n-nies għoxew. Kont wara l-kwinti biex ix-xogħol jimxi sew żgur.”
Tenna li kieku sab direttur bl-istess viżjoni tiegħu kien iħallilu d-direzzjoni f’idejh bil-qalb kollha. Għalih din hi importanti ħafna għax jekk id-direttur ma jkunx tajjeb faċilment l-udjenza tista’ taħseb li x-xogħol hu ħażin mhux id-direzzjoni. Dwar jekk iħossx in-nuqqas ta’ kittieba oħrajn fil-pajjiż, Galea qal li mhux li jaffettwah wisq.
“Jien naħdem għal rasi. Għalkemm xogħli hu Malti ftit jirrifletti l-kultura Maltija. Nikteb għal barra u mainstream. Iżda nfittex xogħlijiet Maltin oriġinali. Nemmen li sfortunatament hawn Malta m’hawnx kultura li jfittxu xogħol ġdid. Bejn xogħol ta’ Ayckbourn u xogħol ġdid ta’ Immanuel Mifsud, il-Maltin se jmorru għal barrani.”
Taħseb li f’Malta minħabba ċ-ċensura u l-awto-ċensura imposta mill-kittieba nfushom, l-udjenzi jinġibdu aktar lejn drammi li huma xokkanti jew li fihom referenzi għas-sess?
“Personalment dawk li huma xokkanti narahom qishom iddisprati għall-attenzjoni. Nippreferi xi ħaġa sharp. Iżda fejn konna, jekk dramm ikun ‘safe’ jikkritikawk.
“Dwar in-nies fiċ-ċensura nemmen li dawn huma mqabbdin u jagħmlu dak li jitolbuhom. Iżda ma naqbilx ma’ ċensura f’arti. Jekk in-nies dejqithom xi ħaġa sempliċiment ma jmorrux jarawha u l-produtturi jitilfu l-flus.”
Niddiskutu x’għadu jiġi ċċensurat f’Malta u jaħseb li hi kwistjoni ta’ xi ħaġa li tmur kontra l-liġi bħal li tidgħi. Mill-banda l-oħra bil-Liġi lanqas mhu suppost tieħu droga imma fuq il-palk l-att hi aċċettatha għax kulħadd jaf li mhux veru qed tittieħed. Jissemma l-każ tad-dramm 4.48 Psychosis ta’ Sarah Kane, li ttellgħet fi Frar li għadda, u fiha kien se tiġi ċċensurata linja iżda mbagħad tħalliet.
Galea isostni, “Nemmen li kittieba Maltin għandu jkollhom l-istess drittijiet tal-barranin. Jekk Kane kitbet ‘F*** you God’ u għaddiet nippretendi li jekk niktibha jien ma jiċċensurawnix imbagħad.”
Minn din l-esperjenza Galea dalwaqt se jgħaddi għall-oħra ħafna aktar eċċitanti. F’nofs Ottubru se jsir missier għall-ewwel darba. Kif insemmilu t-tarbija għajnejh jixegħlu u tista’ tgħid lanqas kellu għalfejn jgħidli kif qed iħossu.
“Qabel kont moħħni f’PORN imma wara li bdiet tmur tajjeb bdejt neċita ruħi ħafna u qed nistenna b’ħerqa kbira u qed nitgħallem ħafna affarjiet ukoll,” jgħidli b’entużjażmu kbir. Dwar li jitnaqqas ħinu mhuwiex wisq inkwetat. Is-soluzzjoni hi sempliċi: jekk ikun hemm bżonn inaqqas l-inqas ħaġa li jkun qed jieħu gost jagħmel!