Intervista | 23 ta’ Awwissu 2009 Nr 148
Franica Pulis tintervista lil Chris Gruppetta
Ftit tal-ġimgħat ilu l-Merlin Library għalqu 45 sena mill-ftuħ tagħhom. Mindu fetħet il-ħanut in-nanna ta’ Chris Gruppetta, il-pubblikatur tal-Merlin Library, il-kumpanija tiegħu għaddiet minn bosta bidliet, bl-akbar tnejn ikunu fl-1971 meta ppubblikat l-ewwel ktieb bil-Malti għat-tfal u fl-2000 meta Gruppetta beda jaħdem fiha bħala pubblikatur.
Gruppetta minkejja li studja għal avukat biex iwessa’ l-għażliet tiegħu fir-realtà ma kellux wisq għażla. Hu trabba f’ambjent li kif isejjaħlu hu kien “casa-bottega b’forniment kbir ta’ kotba dejjem jiġru mad-dar. Kont wieħed minn dawk it-tfal li bħala kastig kienu jeħduli l-kotba. Kienu jaħbuli l-kotba ta’ Enid Blyton biex nagħmel il-homework. Il-qari dejjem kont iffissat fih.”
Gruppetta ma ħax ir-rwol ta’ missieru, li hu ċ-chairman tal-kumpanija, iżda ħa l-qasam tal-pubblikazzjonijiet il-ġodda b’tir li anki jbiddel is-settur. Għalhekk għamel Masters fil-pubblikazzjoni biex jispeċjalizza fil-qasam.
F’ambjent mimli kotba Gruppetta tgħallem josserva u jqabbel bejn il-kotba Maltin ma’ dawk barranin. Mill-ewwel induna li kien hemm bosta nuqqasijiet fil-Maltin fosthom il-kwalità baxxa tal-qoxra u d-dehra ġenerali tal-ktieb u lingwaġġ u sitwazzjonijiet li l-qarrej diffiċli jidentifika magħhom minkejja li l-ktieb ikun kontemporanju.
“Waħda mill-isfidi tiegħi kienet li nbiddel is-suq tal-kotba għax għajnejja f’wiċċi qegħdin u l-kotba Ingliżi huma magħmulin ħafna isbaħ. Jien ridt li meta xerrej iħares lejn ktieb Malti u dak Ingliż jagħżel il-Malti mhux b’sens ta’ patrijottiżmu jew għax jaqra bil-Malti biss. Imma għax il-kwalità tiegħu hi tajba u interessatu l-istorja aktar mill-Ingliż.
“Pereżempju ‘Sqaq l-Infern’ kien snobbjat minn ċerti nies għax ma tqisx bħala letteratura għat-tfal minħabba li l-lingwa hi mħallta mal-Ingliż, it-tfal jilagħbu bil-Playstation, eċċ eċċ. Imma fir-realtà dik saret ħajjet it-tfal tal-lum.”
Il-Merlin Library, 99 fil-mija, tippubblika kotba bil-Malti. Ir-raġunament ta’ Gruppetta hu “li hawn miljuni ta’ kotba bl-Ingliż. Hemm ħafna mnejn tagħżel minn kotba Ingliżi, Amerikani… allura jien nippreferi naħdem fuq kotba bil-Malti.
“Imbagħad hemm il-perċezzjoni li min se jaqra ktieb bl-Ingliż jew se jagħtih lit-tfal biex jaqrawh iridu li l-awturi jkunu native English. Hi idea post kolonjali. Anki t-textbooks ibatu minnha din. Meta jiġu biex jixtruhom għall-Matematika jew Bijoloġija, minkejja li jkunu maħsubin apposta għas-sillabu Malti, xorta jippreferu li t-textbook ikun Ingliż. M’iniex qed ngħid li t-textbooks kollha li nħolqu kienu ta’ kwalità tajba, imma lanqas kieku kienu, xorta dak jibqa’ l-ħsieb.
“Bl-istess raġunament il-perċezzjoni hi li ktieb bil-Malti għandu jkun orħos mentri l-pubblikazzjoni f’Malta tqum iżjed. Jekk se tagħmel 500 kopja jew 5,000 l-ispejjeż tal-produzzjoni se jibqgħu l-istess għax int xorta trid tħallas lill-awtur, lill-proofreader, lill-editur, lid-disinjatur u ġieli anki lil min ipinġi l-istampi. Kultant tazzarda żżid il-kopji biex forsi l-produzzjoni tiġik irħas imma tirriskja li jibqgħulek fuq l-ixkaffa. Kull ktieb mhux mibjugħ hu telf.”
Jirrakkonta l-Istorja tal-Merlin li bdiet grazzi għal Marie Gruppetta.
“Omm missieri bdiet kollox 45 sena ilu meta kien ħafna inqas normali mil-lum li mara tieħu inizjattiva ta’ negozju. Fit-tletinijiet kienet marret barra tistudja weħidha li ma kinitx xi ħaġa normali u laħqet kap ta’ skola. Meta żżewġet, u għalhekk dak iż-żmien kellha tirriżenja bilfors, fetħet in-negozju li kien qisu bazaar u jbigħ anki l-kotba. Iżda l-isem dejjem Merlin Library kien minkejja li f’Malta l-kelma librerija tfisser mnejn tmur tissellef il-kotba.”
Missieru Arthur kien li ġietu l-idea li jibda jippubblika kotba bil-Malti. Fl-1971 ħarġu l-ewwel żewġ kotba bil-Malti għat-tfal. Il-Merlin ippubblikat ‘Fra Mudest’ ta’ Charles Casha u Trevor Żahra ppubblika waħdu l-ewwel edizzjoni ta’ ‘Il-Pulena tad-Deheb’. Qabel antoloġiji biss kien hawn u lanqas biss kienu mmirati għat-tfal.
Dak iż-żmien kien iktar riskjuż tiftaħ ħanut tal-kotba minn issa?
“Il-ħwienet tal-kotba qed jirriskjaw li jsiru estinti minħabba x-xiri tal-kotba li jsir mill-internet. Għandek numru ta’ websites b’inventarji illimitat. Il-ħwienet kollha madwar id-dinja qegħdin ibatu imma dawk barranin jistgħu jkunu aktar effiċenti. Malta għandna l-baħar. Bħala delivery hu impossibbli tikkompeti fil-prezzijiet u fl-effiċenza ma’ pajjiżi oħra.”
Fid-dawl ta’ dan il-pubblikatur jilmenta dwar in-nuqqas ta’ għajnuna li d-djar għall-pubblikazzjoni jsibu mingħand il-Gvern. Biex ikompli jagħmel l-affarijiet aktar diffiċli għalihom il-Gvern jistampa wħud mill-kotba għall-iskejjel hu stess.
“Safejn naf jien aħna l-unika pajjiż fejn il-Gvern jikkompeti mal-industrija billi jippubblika l-kotba hu stess. ‘Id-Denfil’ kien jippubblikah il-Gvern u dam jistampah għal 30 sena.
“Għad hemm ruxxmata kotba oħra li l-Gvern għadu jistampahom hu minflok jixtrihom mid-djar għall-pubblikazzjoni. Is-siġġijiet ma jiffabbrikahomx hu, imma joħroġ tender għalihom. Allura għaliex il-kotba għandu jibqa’ jippubblikahom hu?”
Gruppetta jħoss li jekk il-Gvern ma jistax jissussidjalhom xogħolhom direttament tal-inqas jipprova jgħinhom billi ma jikkompetix magħhom. Anzi jżidilhom l-opportunitajiet billi jikkummissjonahom għall-proġetti li jkollu bżonn.
Isemmi kif pajjiż bħal Lebanon, li fit-tmeninijiet kellu gwerra ċivili kerha u tliet snin ilu reġa’ għadda minn gwerra oħra mal-Iżrael, jikri stand minn wirja internazzjonali biex jesponi l-kotba tiegħu. Imbagħad jikri l-ixkafef lid-djar tal-pubblikazzjoni. F’Malta din qatt ma ġrat s’issa.
“Pubblikatur ma jiflaħx iħallas għal waħda sħiħa. Hemm bżonn ta’ ftit għajnuna biex naslu hemm. Inutli tibqa’ tgħid li l-kotba Maltin ma jidhrux barra.”
Minħabba ċ-ċokon tal-pajjiż u s-suq tiegħu wkoll, Gruppetta jħoss li d-djar tal-pubblikazzjoni f’Malta iqisu lil xulxin aktar bħala kompetituri milli kollegi. Żied jgħid li m’hemmx għaqda li tħarishom u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb minkejja li jgħin fejn jista’ xorta mhux xogħlu.
Il-kumpanija xi tqis bħala suċċess?
“Li l-ktieb Malti ma tiddejjaqx tarah ħdejn dak Ingliż u li rrivoluzzjonajna l-kunċett ta’ tnedija ta’ ktieb. Kemm-il darba mort għal dawk ‘tradizzjonali’ li kienu festa tat-titwib għax ma jkunx hemm element ta’ divertiment fihom.
“Aħna rnexxielna niġbdu nies lejn it-tnedijiet tagħna li normalment jaqraw bl-Ingliż u jew huma aktar komdi jitkellmu bl-Ingliż. Fil-Fiera tal-Kotba jien nirrifjuta li nkun mas-sezzjoni tal-kotba bil-Malti għax ħafna drabi n-nies li ma jinteressawhomx dik il-biċċa jaqbżuha. Ara dawk li jkunu qegħdin ifittxu kotba bil-Malti jeħlu hemm.”
Jitkellem ukoll dwar il-pożittiv u n-negattiv ta’ xogħlu.
“Wieħed mill-partijiet is-sbieħ għax l-ewwel xogħlijiet naqrahom jien u jkun ta’ sodisfazzjon kbir li ssib manuskritt li jżommok sa nofs il-lejl u taf li għandek xi ħaġa tajba f’idejk.
“Id-differenza hi li f’Malta m’għandniex aġenti letterarji. Barra awtur ma jistax jaqbad u jmur għand il-Penguin. Il-manuskritt tiegħu l-ewwel irid jintogħġob minn aġent u jressaqulu hu. Iżda din ma teżistix hawn Malta. M’hawnx filters. Allura jien irrid naqra kollox anki xogħlijiet li mhumiex daqshekk tajbin.
“Hemm il-kwistjoni l-oħra li m’għandniex edituri tal-kotba. Qed nippruvaw indaħħlu dan il-kunċett imma għadek issib ċerti awturi li jgħidulek: ‘Dan ħadd mhu se jmissuli, hux?’ Mentri barra awtur jekk ma jallokawlux editur jieħu għalih għax iħossu mhux stmat. L-editur mhuwiex xi ħadd li jikkoreġi x-xogħol. Lanqas mhu proofreader. Ġieli lanqas dik id-distinzjoni ma ssir.”
Xogħlu minn naħa l-oħra fih l-ikrah tiegħu speċjalment meta jkollu jagħraf lil xi ħadd li l-manuskritt tiegħu mhux tajjeb biżżejjed. Agħar minn hekk din il-persuna jkun ħbieb magħha. Għalih hi importanti li jirrispondi lil kull min jibgħatlu manuskritt anke jekk wara ħafna dewmien u x-xogħol ikun ħażin.
Dwar ir-reazzjoni ta’ dawn l-awturi, il-pubblikatur qal: “Ħafna jsaqsu għal feedback. Imma jkun hemm min lanqas biss jirrispondi l-email meta tkun negattiva. Jien nipprova nagħti l-opinjoni sinċiera ta’ qarrej u bħala xi ħadd li għandu idea ta’ xi jridu l-qarrejja. Iżda jkun hemm min jaċċetta l-pariri u jbiddel fejn ikun hemm bżonn. Il-biċċa l-kbira ħafna minnhom iqassru jew jibdlu xi kapitlu kulma jkollhom bżonn ukoll.
Il-pubblikatur jaħseb li l-kotba li joħorġu għall-adoloxxenti aktar jaqrawhom l-adulti minflok. Nistaqsih għaliex jaħseb hekk.
“Hi perċezzjoni tiegħi u nispera li qed tinbidel. Mill-feedback li nara hu li jkun hemm ħafna adulti li jixtruhom mill-ħwienet. ‘Riħ Isfel’ u ‘Alicia Titkellem mill-Imwiet u Stejjer Oħra’, kieku huma bl-Ingliż, kieku jinqraw kważi esklussivament mill-adoloxxenti.
“Naħseb li hi xi ħaġa transitorja. Ma tistax tippretendi li l-adoloxxenti jaqraw meta s’issa jsibu ftit kotba biss għalihom.”
Problema li jaffaċċaw iż-żewġ kotba li semma Gruppetta hi li għad hemm libreriji tal-iskola li ma jaċċettawhomx għax fihom kliem ħażin jew xena ta’ sess. Mentri l-istess libreriji jpoġġu fuq l-ixkafef il-kotba ta’ Jacqueline Wilson li jittrattaw adulti abbużivi, drogi, single mothers u jinkludu kliem ħażin ukoll.”
Dwar in-nota fuq il-qoxra tal-ktieb li jwissi li l-ktieb fih kliem espliċitu li tinsab fuq ‘Riħ Isfel’ u f’‘Kimika’ ta’ Immanuel Mifsud fost l-oħrajn, nistaqsih jekk għadux iż-żmien għal dawn l-avviżi.
“Meta tagħmilha jgħidulek għax għamiltha u meta le għax m’għamilthiex. F’‘Riħ Isfel għamilnieha għax Pierre Mejlak dak iż-żmien kien marbut mal-kotba tat-tfal allura ridna nuru li dan il-ktieb mhuwiex għalihom.
“Meta m’għamilnihiex fuq ta’ Ġużè Stagno għal ‘Ramon u ż-Żerbinotti’ ikkummentawlna dwarha speċjalment minħabba li l-ktieb tpoġġa ġo pocket tal-lapsijiet tal-iskola. Allura kien hemm min assuma li kien għat-tfal.”
Dwar jekk ix-xogħlijiet ta’ Stagno u Mifsud għadhomx jixxukkjaw lin-nies, Gruppetta wieġeb li fil-bidu kienu. Issa jixxukkjaw biss lil dawk li ma rrealizzawx kif inbidlet il-letteratura Maltija.
X’ġeneru tixtieq tara aktar minnu fis-suq?
“Minn dejjem ngħidha din: il-middle-brow literature! F’Malta għandna ħafna letteratura high brow li mhux se teħodha biex taqraha ħdejn il-baħar għall-gost għax trid il-ħsieb għaliha u tkun f’burdata għaliha wkoll.
“Imbagħad għandek ħafna stejjer bħal ta’ Elio Lombardi. Iżda stejjer miktubin tajjeb li tista’ taqrahom mingħajr ħafna ħsieb u biex sempliċiment tieħu gost m’hawnx. Stagno jidħol f’dik il-kategorija u Mark Camilleri għalhekk naħseb li jmur tajjeb. Se jkun qed jaħdem fuq rumanz stil polizjesk li hu ġeneru ieħor mhux wisq komuni.
“Hawn nuqqas ta’ rumanzi għall-kbar ukoll. Mill-kontemporanji tgħoddhom fuq subgħajk għax ħafna novelli jiktbu.”