Intervista | 16 ta’ Awwissu 2009 Nr 147
CHARLOT ZAHRA jintervista lir-restawratriċi u pittriċi Charlotte Bellizzi
Meta żżur il-websajt ta’ Charlotte Bellizzi
(www.charlottebellizzi.com) jolqtuk mill-ewwel l-ilwien jgħajtu tal-pitturi tagħha. Il-kuluri vivaċi huma riflessjoni tal-karattru multi-dimensjonali tagħha – restawratriċi, induratiċi, pittriċi u vjaġġatriċi – fejn it-tila huma wkoll riflessjoni tal-esperjenzi li tiltaqa’ magħhom fil-ħajja ta’ kuljum.
Fil-fatt meta Bellizzi tatna l-intervista aktar kmieni din il-ġimgħa kien biss ftit tal-jiem qabel ma siefret fuq vjaġġ f’Londra u fl-Indja. Naturalment kienet bla nifs bl-aħħar preparamenti għal dan il-vjaġġ ta’ xahar u nofs.
“Apparti r-restawr, inpinġi u ġieli ntella’ xi wirja,” qalet Bellizzi. L-aħħar xogħol importanti li kellha kienet l-installazzjoni ‘Tree of Life’ f’Ta’ Qali waqt l-Earth Garden Festival.
“Din kienet tikkonsisti minn siġra ta’ vera miksija b’pitturi ta’ għajnejn kbar ta’ nies minn pajjiżi diversi, li kienet tirrifletti li għalkemm aħna ħafna u differenti, għandna oriġini komuni,” fissret.
Bellizzi stqarret li minn dejjem kienet tinteressaha l-arti u għalhekk, l-għażla li tispeċjalizza fir-restawr kien “proċess naturali”.
“Fil-fatt kien hemm perjodu meta kont għadni tifla li kienu bdew jirrestawraw parti mis-saqaf tal-Knisja ta’ Santa Liena f’Birkirkara. Niftakar kont ngħaddi n-nofs siegħa tal-quddies inħares ’il fuq nipprova nimmaġina x’kienu qegħdin jagħmlu.
“Mur għidli li ’l quddiem kont se nkun jien stess li nqatta’ sigħat sħaħ kuljum fuq scaffolding b’wiċċi ftit ċentimetri ’l bogħod mill-pitturi tal-ħajt nirrestawra!” sostniet Bellizzi b’ċerta nostalġija.
Iżda meta Bellizzi kellha 18-il sena xtaqet tieħu din il-linja imma “ma kienx daqshekk faċli li tistudja restawr għax ma kien hawn l-ebda kors professjonali f’Malta”. Dan wassalha biex minflok tibda tistudja l-Istorja tal-Arti fl-Università ta’ Malta, “ħaġa li ma iddispjaċinix, anzi, bis-saħħa ta’ hekk inħossni iktar preparata għax kapaċi nifhem il-pittura minn kull angolu.”
Ġara iżda li sakemm ġiet biex tispiċċa l-Baċelleret fl-Arti, “nies b’viżjoni innovattiva kienu qed jippreparaw skola li tispeċjalizza fir-restawr,” fissret Bellizzi.
“Ma stajtx inħalli opportunità bħal din taħrabli u kont waħda minn tal-ewwel li nktibt għall-Baċellerat fil-Konservazzjoni bl-Unuri. Fil-fatt inħossni fortunata li kelli ċ-ċans nistudja r-restawr fiċ-Ċentru tar-Restawr ta’ Bighi, fejn apparti li l-lezzjonijiet kienu mogħtija minn għalliema u restawraturi mħarrġin sew fil-kamp tagħhom, l-iskola kellha l-aħħar teknoloġiji fil-kamp xjentifiku,” qalet restawratriċi.
Mistoqsija biex tfisser x’jinvolvi l-proċess ta’ restawr, Bellizzi xebbhet il-proċess mal-investigazzjonijet li jsiru mit-tobba waqt viżta fuq pazjent.
“Għalkemm aħna ppreparati biex nifhmu s-sintomi u nikkuraw il-problema, kull ‘pazjent’ jippreżenta ruħu b’karatteristiċi differenti u kull każ hu uniku u differenti minn ta’ qablu. Għalhekk il-proċess jinbidel dejjem skont dak li jkollok quddiemek.
“Imma hemm ċerti proċeduri li jsiru dejjem bħal pereżempju qabel ma jibda x-xogħol fuq l-oġġett tal-arti. Dan jiġi studjat sew qabel ma wieħed jintervjeni.”
Wara ssir dokumentazzjoni fotografika u bil-miktub kif ukoll riċerka storika. Imbagħad isir stħarriġ xjentifiku li jinqasam bejn dak invażiv u mhux.
“Dak mhux invażiv hu bħall-użu tal-dawl ultravjola, x-rays u infra red li kapaċi jagħtu ħafna informazzjoni bħal dwar dak li hu oriġinali u dak li hu miżjud. Dak invażiv isir biss fejn hemm verament bżonn, fejn biċċiet mikroskopiċi jittieħdu mill-oġġett u studjati fil-laboratorju biex jiġi identifikat il-materjal u b’hekk wieħed jista’ jifhem aktar it-teknika ta’ kif l-oġġett ġie magħmul u l-oriġini tal-problema.”
Dwar il-pitturi Bellizzi fissret li “il-problemi jvarjaw però l-iktar komuni huma tiċriet fit-tila, tifrik tal-istrat pittoriku jew inkella verniċ li tkun skurat biż-żmien u tkun qed toskura l-pittura.
“Għalkemm l-istat estetiku jew kif tidher il-pittura hu importanti, il-materjal oriġinali u l-Istorja tal-oġġett huma importanti wkoll. Għalhekk wieħed jintervjeni b’mod li jsolvi l-problemi imma li ma jżidx iktar minn kemm hemm bżonn speċjalment fir-retouching,” wissiet.
Sa ftit taż-żmien ilu Bellizzi kienet qed taħdem fuq
ir-restawr tal-pitturi tal-koppla tal-Knisja ta’
Sta Katerina tal-Italja fil-Belt u bħalissa qed tirrestawra l-Kappella tas-Sepulkru fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann. Fissret kif il-koppla ta’ Sta Katerina fiha pitturi biż-żejt minn skola ta’ Mattia Preti mpittra direttament fuq il-ġebla.
“Dan il-metodu ta’ pittura murali kapaċi jippreżenta ħafna problemi speċjalment għax il-wiċċ tal-ġebla Maltija biż-żmien tista’ ssir fraġli ħafna. Sfortunatement fl-antik il-lanterna ta’ fuq il-koppla għamlet żmien kbir bil-ħġieġ tat-twieqi mkissrin u kien hemm infiltrazzjoni ta’ ilma tax-xita.
“Dan, flimkien ma’ xi skossi siżmiċi, wassal biex ikun hemm problemi konsiderevoli ta’ distakk tal-istrat pittoriku li jridu jiġu konsolidati nkella wieħed jirriskja li biċċiet jaqgħu u jintilfu għal dejjem.”
Għalhekk il-ħajt tal-koppla jiġi eżaminat “ċentimentru b’ċentimentru” biex jiġi stabillit hux maqlugħ minn wara jew le.
“F’każ li jkun maqlugħ dan jiġi injetatt permezz ta’ siringa b’kolla apposta. Hu xogħol twil u ta’ paċenzja imma neċessarju biex wieħed isalva l-pittura,” sostniet Bellizzi.
Dwar ir-restawr tal-Kappella tas-Sagrament fissret kif f’din il-kappella sabu problemi kbar ta’ umdità.
“Fl-antik, iz-zokklatura kienet inksiet b’żebgħa mhux addattata bil-konsegwenza li l-ilma kien jitla’ mal-ħajt u minflok jiffjorixxi fis-zokklatura, dan baqa’ tiela’ fl-iskultura fil-ġebla u ffjorixxa bħala melħ.
“Dan wassal biex l-ewwel żewġ metri tal-ħitan, fejn tinsab skultura skolpita dirett fil-ġebla li oriġinarjament kienet miksija bid-deheb, illum il-ġurnata d-deheb waqa’ u ħalla l-ġebla mikxufa. F’dan il-każ ġie deċiż li dawn il-partijiet jerġgħu jiġu ndurati,” fissret Belllizzi.
Iżda b’xorti tajba d-deheb fil-partijiet għoljin tal-ħajt “hu ppreservat tajjeb ħafna u f’ċerti każi kulma jkollu bżonn hu tindifa mill-akkumulazzjoni ta’ sekli ta’ trab u min-nugrufun sewdieni li kapaċi jiġġeneraw ix-xemgħat.”
Mistoqsija dwar liema kienet dik l-opra li l-aktar ħadet gost tirrestawra fil-karriera tagħha, Bellizzi stqarret li kull pittura li tirrestawra tagħtiha sodisfazzjon kbir.
“Hu pjaċir indeskrivibbli meta jkollok xi pittura kważi sewda minħabba l-verniċ li tkun qdiemet, u wara li jirnexxilek issib il-kimika adegwata li tħoll biex tneħħi l-verniċ tibda tnaddafha u tara l-pittura terġa’ titwieled mill-ġdid.
“Iżda mil-lat ta’ sodisfazzjon nista’ nsemmi meta ħdimt fis-sit arkeoloġiku ta’ Pompeii fuq pitturi li għandhom ’il fuq minn elfejn sena.”
Lokalment tħossha onorata li kienet parti mit-tim
li rrestawra l-arkijiet tad-daħla ta’ kull kappella fil-
Kon-Kattidral ta’ San Ġwann.
“Hemm tara kif bini daqshekk prestiġġuż u uniku li kien tħalla jasal fi stat degradanti, bis-saħħa ta’ inizjattiva tal-Fondazzjoni tal-Kon-Kattidral qed jerġa’ jinġieb lura bil-mod il-mod fl-istat oriġinali tiegħu.”
Id-dilemma li jaffronta kull artist f’Malta hu jekk hemmx mezz kif mill-arti jagħmel karriera u għandux għalfejn jiddependi fuq xogħol ieħor biex ikollu gwadann.
“Ir-restawr mhux kapriċċ imma bżonn reali għal ċerti xogħlijiet tal-arti li jekk jitħallew għal riħhom jiġi żmien li ma nsibuhomx aktar. Għalhekk naħseb li r-rwol tar-restawratur hu importanti ħafna u nemmen li hawn xogħol biżżejjed għal kulħadd. Fil-fatt dan l-aħħar f’Malta qed isiru ħafna proġetti importanti ta’ restawr: prattika ta’ min jinkoraġġiha.”
Żiedet tgħid: “Nixtieq li jitwaqqaf bord governattiv uffiċjali magħmul minn nies kompetenti li jista’ jissorvelja x-xogħlijiet li jsiru biex ma jsirux abbużi jew inkella jiġu fdati kapolavuri f’idejn mhux kompetenti bir-riżultat li ssir iktar ħsara.”
Minkejja li hemm bosta kategoriji ta’ restawr, Bellizzi għażlet li tiffoka fuq dak tal-pittura. Mistoqsija dwar din l-għażla qalet: “Kelma waħda: il-kuluri!” sostniet. Il-kuluri li ssib fuq pittura jaffaxinawha.
“Mill-kuluri wżati wieħed jista’ jieħu idea ta’ kemm għandha żmien il-pittura. Pereżempju fiż-żmien Barokk kellhom aħmar wieħed biss – il-vermillion – waqt li llum bis-saħħa tax-xjenza l-kuluri jsiru fil-laboratorji u l-għażla hi infinita!” saħqet Bellizzi.
“Ħaġa interessanti li seħħet fija kienet li waqt li fiż-żmien li kont nistudja l-Istorja tal-arti, kont nipprova nifhem is-simboloġija u l-figuri rappreżentati, illum inħares l-iktar lejn il-materjal.
“Dan jinkludi it-tip ta’ tila jew stretcher frame, it-tip ta’ xquq, il-ħxuna tal-pinzellati, u affarijet oħra. Xi kultant, wara xi siegħa quddiem pittura, nkun għadni lanqas tajt kas xi stampa turi!” stqarret Bellizzi.
Mistoqsija taħsibx li l-professjoni tar-restawr hi sottovalutata f’Malta, Bellizzi qablet ma’ dan.
“Ħafna nies m’għandhomx idea x’jinvolvi x-xogħol tagħna u jħalltuh ma’ dak ta’ pittur jew falsarju. Ma jimmaġinawx li apparti l-kors ta’ erba’ snin u t-taħriġ kontinwu biex inżommu rwieħna aġġornati mal-aħħar żviluppi fid-dinja tax-xjenza biex inkunu nistgħu nintervjenu bl-aħjar prodotti, ix-xogħol ta’ restawr jesiġi sigħat twal u responsabbiltà kbira.
“Jiġri wkoll li xi kultant jiġi xi ħadd b’pittura li eżempju jkollha parti kompletament nieqsa u jkun irid li terġa’ tpinġihielhu. Waqt li teżisti teknika biex dik il-parti timtela’ mingħajr ma tagħti wisq fil-għajn hu etikament skorrett li tivvinta l-partijiet neqsin,” saħqet Bellizzi.
“Hu d-dmir tagħna li apparti li nirrestawraw, nedukaw ukoll lill-klijent u nispjegawlu l-proċess x’jinvolvi.”
Mistoqsija għandhiex bżonn kemm ir-restawr kif ukoll l-arti f’ħajjitha biex tkun kuntenta, Bellizzi stqarret li l-importanti hu li jkollok xogħol li tħobb.
“Ma naħsibx li l-kuntentizza tiġi mill-arti u mir-restawr, imma ta’ min jgħid li jekk wieħed jagħmel xogħol li jħobb, ikollu sodisfazzjon kbir. Togħġobni l-frażi: ‘Choose a job you love and you won’t work a day in your life’,” sostniet Bellizzi, li żgur qed tħaddan dan il-prinċipju bħalissa.
Iżda li kieku Bellizzi kellha tiffoka fuq arti biss jew restawr biss jirnexxilha?
“Inħobb naħseb li l-ħajja tiegħi ma tiddependix
mill-arti u lanqas mir-restawr imma hi għażla ta’ kuljum li niddeċiedi li nagħmilhom. Dan il-fatt jirrifletti il-passjoni tiegħi għat-tnejn.”
Kif tiddefinixxi l-arti tiegħek?
“Hi festa ta’ lwien u forom: ċelebrazzjoni tal-ħajja. Għalija l-arti hi mod kreattiv kif nikkomunika. Ikolli ngħid li niddejjaq nispjega u nfiehem ix-xogħlijiet tal-arti tiegħi, għax naħseb, li kieku dak li ridt ngħid kont kapaċi nwasslu aħjar bil-kliem, għalfejn kont naħli l-ħin inpinġih?”
“Il-fatt li wieħed jesebixxi u jbigħ hu mod kif wieħed jilħaq kompromess imma qatt m’għandu jkun il-ħsieb finali għalfejn wieħed jagħmel biċċa xogħol.”
Madwar 14-il sena ilu Bellizzi kienet saret veġetarjana.
“Kont segwejt programm fuq it-televixin ta’ kif jesperimentaw dlik partikolari għal ġrieħi tal-ħruq. Dan għamluh billi f’laboratorju qabdu ħanżir, tawh in-nar waqt li kien għadu ħaj imbagħad waqqfu n-nar u bdew jippruvaw dan l-ingwent fuq il-ġilda maħruqa tal-ħanżir li kien għadu f’sensih.
“Inutli ngħidlek li l-għajjat ta’ uġigħ ta’ dan il-povru animal biddluli ħajti u ġagħluni nirrealizza li dawn il-kreaturi jħossu bħalna. Sakemm l-annimali mhumiex se jiġu mrobbija u trattati b’dinjità, anke fil-biċċerija, jien nirrifjuta li jkolli x’naqsam ma’ dan il-proċess ta’ moħqrija,” sostniet Bellizzi.
Ftit tal-jiem ilu Bellizzi telqet lejn l-Indja fuq vjaġġ, it-tielet wieħed tagħha f’dan il-pajjiż vast, l-ikbar demokrazija fid-dinja u eks-kolonja Ingliża bħal
Malta.
“L-ivvjaġġar inqisu parti mill-edukazzjoni ta’ dak li jkun u nipprova nikkonċedih lili nnifsi ma’ kull ċans li jkolli. Hemm differenza kbira bejn tesperjenza pajjiż minn fuq it-televiżjoni jew ktieb għal fatt li tmur u tgħixu fuq il-ġilda tiegħek stess.”
Għaliha l-Indja hu post li “tħobbu jew tobogħdu. L-ewwel darba li mort ix-xokk kulturali tant kien qawwi li ridt naħrab niġri lura lejn Malta. Imma mid-dehra għaddieli għax din it-tielet darba li erġajt sejra. Hu post bi problemi soċjali enormi u b’kuntrasti kbar. F’Bombay, fit-triq fejn il-proprjetà hi l-iktar għalja fid-dinja, tara mara b’tarbija tat-twelid rieqda mal-art liebsa ċ-ċraret.
“F’Dharamsala tara kif anke jekk l-Indja hu post iffullat iżżejjed u li l-Gvern jagħti eżilju politiku lil mijiet ta’ Tibetjani. F’Agra, li jospita wieħed mill-isbaħ monumenti li qatt inbnew – it-Taj Mahal – tara skart daqs li kieku għadu kemm għadda l-marċ tal-festa, waqt li f’Varanasi tul ix-xmara Ganges, il-kremazzjonijiet tal-katavri jsiru quddiem kulħadd, bil-baqar iduru u jieklu l-fjuri li jkunu nxtraw għall-funeral.
“Hu tajjeb li titbiegħed mir-rutina ta’ kuljum għax tkun tista’ tara viżjoni aħjar u tapprezza aktar ħajtek u kemm aħna fortunati hawn Malta. Naħseb li kull esperjenza tinfluwenzak b’xi mod u fl-aħħar tiġi rapprenżenatata fl-arti ta’ dak li jkun.”
Mistoqsija dwar il-proġetti futuri tagħha, Bellizzi stqarret li hi bniedma spontanja għall-aħħar u ma tantx tħobb tippjana fit-tul.
“Inħobb ngħix ġurnata b’ġurnata u ma nħobbx nippjanja fit-tul. Inħobb naħseb li l-futur fih ħafna tbissim, karattri pożittivi, kultura, vjaġġi u pitturi,” temmet tgħid Bellizzi bi tbissima fuq fommha.