Editorjal | 16 ta’ Awwissu 2009 Nr 147

Stqarrija maħruġa mill-GRTU nhar il-Ħamis tikkritika lill-Gvern talli f’Jannar li għadda bidel il-politika tiegħu dwar il-fidi taċ-ċnus temporanji fuq il-proprjetà tal-Uffiċċju Konġunt. Il-GRTU ilmentat li ma saritx konsultazzjoni qabel ma nbidlu l-kundizzjonijiet li bihom jistgħu jinfdew dawn iċ-ċnus u għall-fatt li l-bidla laqtet ukoll lil min kien applika bil-kundizzjonijiet ta’ qabel u kien għadu ma ħax tweġiba.
Bil-kundizzjonijiet il-ġodda l-Gvern rabat għal 20 sena lil min jifdi xi waħda minn dawn il-proprjetajiet li jekk jiġi biex ibigħha, iwaqqagħha jew jibdel l-użu tagħha jrid iħallas lill-Gvern 25% tal-prezz il-ġdid.
Dan skont il-GRTU inaffar lil ħafna minn dawk li kellhom f’moħhom li jifdu xi ċens milli jkomplu bil-proġett tagħhom u għalhekk inaqqas ix-xogħol għall-industrija tal-bini.
Jekk kien hemm xi kuntratturi tal-bini membri tal-GRTU li tħassrilhom xi xogħol tifhem għaliex il-GRTU ħarġet stqarrija bħal din. Li jibqa’ misteru hu għaliex l-iskemi għall-fidi taċ-ċens inbidlu f’Jannar u l-istqarrija ħarġet f’Awwissu. Aktarx li tellfithom il-kampanja elettorali għall-Parlament Ewropew! L-ilment dwar nuqqas ta’ konsultazzjoni jitlef daqsxejn mill-impatt tiegħu in vista ta’ dewmien bħal dan.
Bil-konsultazzjoni jew mingħajrha l-GRTU kienet se tipperswadi l-Gvern li jipproċessa l-applikazjonijiet pendenti bil-kundizzjonijiet ta’ qabel? Minn 20 sena kienet se tnaqqas il-perjodu ta’ kapparra favur il-Gvern għal 10 snin u b’hekk kienet se tinbidel xi ħaġa għal min qata’ qalbu dwar il-proġett li kellu f’moħħu?
Kieku l-Gvern għamel żmien twil jikkonsulta ma kinux jinġemgħu iżjed applikazzjonijiet u jinqarsu iżjed nies meta fl-aħħar il-Gvern jgħidilhom li l-applikazzjonijiet tagħhom kienu se jiġu pproċessati bil-kundizzjonijiet il-ġodda?
Ejjew ngħidu li l-Gvern seta’ kien iżjed ġentili u jagħti preavviż li kien se jaqta’ linja u jbiddel il-politika tiegħu. Xorta waħda l-istqarrija tal-GRTU fiha diskors li mhux ċar.
Mela l-istqarrija akkużat lill-Gvern li daħal f’qasam li mhux tiegħu u li b’kontradizzjoni għall-politika tiegħu li jirtira mis-suq ħieles “qed isir ko-proprjetarju ta’ ħafna djar privati Maltin”. Minn meta? Mela s-sid ta’ ċens li jagħlaq mhux is-sid? Għandna nifhmu li l-kuntratt oriġinali ma’ dawn l-applikanti kien jgħid li se jasal mument meta ċ-ċens jagħlaq u jridu jagħtu l-proprjetà lura lill-Gvern jew lill-Knisja.
Il-bidla saret fl-2001 meta l-Gvern ippermetta l-fidi taċ-ċnus tiegħu. Dik kienet konċessjoni żejda, rebħa mhux mistennija għal min kellu f’idejh xi biċċa art jew proprjetà oħra tal-Gvern u sab li seta’ jsir sidha.
Bil-bidla li saret f’Jannar il-Gvern lanqas ma ddeċieda li ma jistax isir iżjed fidi ta’ ċens, iddeċieda li jkompli bil-politika (jista’ jkun żbaljata) li jagħmel lil kulħadd sid ta’ daru filwaqt li xejjen l-aspett ta’ spekulazzjoni billi min jifdi ċ-ċens ma jistax jaqbad u jbigħ bi profitt kbir mill-għada kif ġara f’ħafna każi.
Il-kritika li tista’ ssir lill-Gvern u li wieħed kien jistenna li l-GRTU tagħmilha bħala l-paladin tal-proprjetà privata hi li għall-proprjetà tiegħu l-Gvern ħaseb biex ibiddel il-kundizzjonijiet tal-fidi taċ-ċens waqt li ħalla l-fidi ta’ ċnus privati mingħajr ebda kundizzjoni bħal din.
Sewwa li l-Gvern ma jinsteraqx iżda kif jista’ jħalli lil naħa waħda f’kuntratt privat tivvantaġġa ruħha kontra l-oħra bi ksur sfaċċat tal-ftehim oriġinali bis-saħħa tal-liġi li għamilha l-Gvern?
It-tagħsid ta’ Gvern wara l-ieħor fil-liġijiet dwar il-proprjetà pubblika u privata jibqa’ xi ħaġa fenomenali. Madankollu l-kontradizzjonijiet tal-GRTU hi u tagħmilha tal-paladin tas-suq ħieles u fl-istess waqt tissielet kontra r-riforma tal-liġi tal-kera u l-libertà tal-kuntratt, iġibuhom pariġġ.
Il-Gvern ma jafx kif se jżewweġ il-politika tiegħu mal-fatt li fl-2005 kien hemm 50,000 post vojt u li llum jista’ jkun hemm xi 20,000-30,000 magħhom. Baqgħet tidwi l-għajta populista “kulħadd sid ta’ daru” meta fil-fatt issarrfet f’“kulħadd imdejjen biż-zgħażagħ għal 40 sena sħaħ” jew “il-banek sidien ta’ djarna.”
Dan meta għandna djar u appartamenti bir-rimi. Alla biss jaf għaliex il-Gvern ikompli bil-politika tal-fidi ta’ ċnus temporanji meta b’hekk jagħti vantaġġi lil xi wħud arbitrarjament u żvantaġġi lil oħrajn, ukoll skont xortihom. Hemm bżonn ta’ riforma mill-qiegħ u ħsieb ċar u koerenti. Minflok qed nibqgħu naraw kontradizzjonijiet u taħwid minn kullimkien.
|
|
Intervista

CHARLOT ZAHRA jintervista lir-restawratriċi u pittriċi Charlotte Bellizzi
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis
Prof. Josef Grech
- Vince Williams
|
|
|