Joe Ellis | 09 ta’ Awwissu 2009 Nr 146
Sentejn ilu eżatt faqqgħet il-kriżi finanzjarja li heżżet il-pedamenti tas-sistema ekonomika tad-dinja. Stqarrija tal-bank Franċiż BNP Paribas li qed ikollu problemi biex joħroġ il-valur tal-assi li kellu garantiti bis-self fuq djar tefa’ s-suq tal-flus ġo ferneżija li għadu sal-lum ma rpiljax minnha għal kollox.
Dan minkejja l-isforzi straordinarji li l-gvernijiet u l-awtoritajiet finanzjarji ħadu madwar id-dinja biex jevitaw fl-ewwel lok il-kollass tas-sistema finanzjarja u fit-tieni lok, li jtaffu l-effetti tar-riċessjoni li dlonk tfaċċat u li tat lok għal tnaqqis kbir fir-ritmu tal-produzzjoni industrijali madwar id-dinja u t-tnaqqis fil-kummerċ internazzjonali.
Issa li se nibdew it-tielet sena ta’ din il-kriżi, x’għandna nistennew? Kif artiklu riċenti fuq The Observer osserva b’mod mill-aktar kliniku, il-kriżi żviluppat f’ċikli ta’ sitt xhur u dejjem marret mill-ħażin għall-agħar. Min kien jobsor sentejn ilu li l-ewwel run fuq bank Ingliż għal xi seklu u nofs, bank li ħafna qatt ma kienu semgħu bih, Northern Rock, kellu jkun il-prekursur ta’ katakliżma fil-qasam bankarju bla preċedent li heddet l-istess sisien ta’ dan il-qasam?
Minkejja l-isforzi kollha tal-Bank of England u tat-Teżor Ingliż, l-Ingilterra, l-madrepatrija tal-privatizzazzjoni tas-settur statali, spiċċat tinnazzjonalizza l-istess Northern Rock . Il-Gvern Ingliż sar l-propjetarju ta’ maġġoranza tar-Royal Bank of Scotland u ta’ LloydsTSB li ħalla l-ambizzjoni tagħmel bih u aċċetta l-proposta ddisprata tal-Gvern li jieħu f’idejn Bank kbir ieħor f’diffikultajiet, HBOS. Din il-mossa kellha effett diżastruż.
Ħafna banek Amerikani fallew jew bħal Citicorp, sabu rwieħhom f’diffikultajiet enormi imma lanqas ħadd ma basar li din il-kriżi kellha taffettwa tant bil-kbir lill-banek ta’ investiment ta’ Wall Street li kienu jmexxu d-dinja tal-finanzi. Bear Stearns u Merrill Lynch kellhom jittieħdu minn banek oħra filwaqt li Lehman Brothers ma kienx daqshekk fortunat.
Anke Goldman Sachs kellu jissellef il-flus mill-Gvern Federali biex ikompli għaddej. Il-Gvern Federali spiċċa joħroġ biljuni kbar biex is-settur finanzjarju ma jifarrakx u sar l-azzjonist ta’ maġġoranza tal-kolass tal-assigurazzjoni, AIG. L-A.I.G. irriskja l-falliment tiegħu minħabba li kien jassigura l-investimenti sub-prime li l-banek madwar id-dinja kienu qegħdin jixtru ħalli jagħmlu qligħ faċli.
Kif għidna drabi oħra, il-kriżi finanzjarja dlonk tat lok għall-kriżi f’setturi oħra tal-ekonomija. Meta l-investituri bdew jaraw id-diżastru fis-settur finanzjarju u jħossu t-tnaqqis fil-valur tal-proprjetà u tal-investimenti finanzjarji tagħhom, kellhom reazzjoni naturali u bdew jikkunsmaw anqas biex jonfqu anqas.
Daħal element ta’ biża’ kbir li l-gvernijiet ma kinux kapaċi jissuperaw minkejja l-pakketti kollha ta’ stimulu ekonomiku li attwaw u l-likwidità li l-banek ċentrali injettaw fis-sistema bankarja.
Matul dawn is-sentejn, sar ħafna diskors li l-kbir kien għadda u li issa s-sitwazzjoni kienet stabilizzat ruħha. S’issa dawn it-tamiet irriżultaw li ma kinux realistiċi. Għalkemm il-politiċi huma fid-dmir li ma jallarmawx bla bżonn, għandhom joqogħdu attenti li ma jispiċċawx vittmi ta’ ottimiżmu mhux ġustifikat.
Hekk, meta ħarġu l-figuri tat-tieni tliet xhur ta’ din is-sena tal-Prodott Gross Domestiku (PGD) Amerikan li naqas b’1% mentri fit-tliet xhur ta’ qabel kien naqas b’6.4% u b’5.4% fl-aħħar tat-tliet xhur tas-sena l-oħra, Barack Obama dlonk ħabbar li dan kien il-bidu tat-tmiem tar-riċessjoni. Anke l-qligħ li bdew jiddikjaraw bosta banek u kumpaniji oħra ħafna drabi kien aħjar mill-istennija u l-Boroż ħadu nifs u bdew telgħin mill-abbiss li waqgħu fih fil-bidu tas-sena.
Hu minnu li bdejna ħerġin mir-riċessjoni jew il-kbir għadu ġej? L-istatistiċi huma kontradittorji imma jidher li jkun ferm prematur li wieħed jittama li spiċċat ir-riċessjoni li ħakmet id-dinja. Hekk fit-tieni tliet xhur ta’ din is-sena, mentri l-PGD Taljan naqas biss b’0.5% kontra l-istennija li se jkun aktar (-6% minn sena qabel), dak Ingliż naqas b’0.8% (-5.6% minn sena qabel) meta kien hemm min kien qed jistenna li se jiżdied.
Madankollu l-produzzjoni industrijali Taljana naqset b’1.2% f’Lulju u l-industrijalisti Taljani huma ferm pessimisti dwar il-futur. Il-Ġermanja żiedet l-esportazzjoni tagħha b’7% f’Ġunju imma l-GDP tagħha naqas b’3.8% fl-ewwel tliet xhur tas-sena.
Min-naħa l-oħra, l-ekonomija Amerikana tilfet 247,000 impjieg f’Lulju anqas milli mistenni. B’kollox l-Amerika tilfet 6.7 miljun impjieg u l-GDP Amerikan naqas b’3.7% minn Diċembru 2007 lil hawn, jiġifieri minn meta l-ekonomija bdiet tħoss l-effetti tat-taqlib fis-settur finanzjarju. Dan minkejja li Obama vara pakkett ta’ stimulu ta’ $800 biljun u l-isforzi kollha tal-amministrazzjoni Bush biex issalva s-settur finanzjarji, sforzi li xi osservaturi laqqmu bħala ‘Soċjaliżmu għas-sinjuri’.
Dawn il-figuri juru s-severità tar-riċessjoni, l-aktar waħda severa mis-snin 1957-8 lil hawn. Ċertament, għadna ’l bogħod mit-tnaqqis tal-GDP Amerikan ta’ 26.7% fis-snin bejn l-1929 u l-1933 imma dakinhar Keynes kien għadu ma tfaċċax u l-Banek Ċentrali ma kinux jipprattikaw quantitative easing li fit-teorija kellu jnaqqas drastikament kemm jiswa l-flus lill-operaturi ekonomiċi u lil kull min irid jissellef.
Pajjiżna ovvjament ma jistax jiżola ruħu mill-effetti ta’ din il-kriżi. L-aħħar figuri li jeżistu tal-GDP huma għall-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena u juru tnaqqis f’termini reali ta’ 3.3% fuq is-sena ta’ qabel u tnaqqis ta’ 1.3% fuq it-tliet xhur ta’ qabel.
L-aħħar rapport tal-missjoni tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) f’Malta qed jipprevedi tnaqqis fil-GDP ta’ 2% matul is-sena. Il-finanzi pubbliċi wkoll iddeterjoraw u d-defiċit tal-Gvern fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena żdied b’€81.1 miljun għal €337.5 miljun minħabba tnaqqis fid-dħul u żieda ta’ €60 miljun fl-ispiża (€22.2 miljun f’benefiċċji soċjali, €19.1 miljun fl-iskema tat-tarznari u €9.3 miljun f’infiq fuq mediċini). Madankollu l-ispiża kapitali tal-Gvern baqgħet l-istess.
Id-dejn pubbliku din is-sena għandu jaqbeż l-€4 biljun, jiġifieri €40,000 ras għal ras. Ħa niftehmu tajjeb, m’għandniex nallarmaw irwieħna bla bżonn fir-rigward tal-fatt li d-dejn pubbliku qed jiżdied fiċ-ċirkostanzi attwali. Imma lanqas ifisser li għandna nagħlqu għajnejna u nħalluh ikompli jisplodi. Iż-żidiet fil-benefiċċji soċjali u l-infiq fuq il-mediċini mhumiex sostenibbli u juru kultura ta’ ħela li ħadd mhu qed jirnexxielu jrażżan.
Wieħed kien jippreferi li ż-żieda fl-ispiża pubblika saret f’infiq kapitali milli fi spiża rikorrenti li tidher li l-Ministeru tal-Finanzi ma jistax jikkontrolla. L-iskema tal-irtirar tat-Tarzna ġiet tiswa wisq u t-tama li dawn il-flejjes kbar jiġu rkuprati mill-bejgħ tal-assi tat-Tarzna s’issa għadha ma seħħietx.
Jidher li anke kif ippronunzjaw irwieħhom il-banek il-kbar ta’ pajjiżna, l-istennija hi li l-qagħda ekonomika f’pajjiżna se tiddeterjora fix-xhur li ġejjin. Sajf batut fit-turiżmu, qasam tal-proprjetà kwiet u t-tnaqqis fil-produzzjoni industrijali domestika u għall-esportazzjoni jindikaw li ċertament pajjiżna għadu ’l bogħod milli joħroġ mir-riċessjoni. Anzi hu leġittimu li wieħed jistenna li s-sitwazzjoni se tmur għall-agħar.
Il-Gvern daqq it-tromba ta’ sikwit bl-għajnuna li ta lil ċerti industriji li kienu qed jheddu li se jagħlqu. Permezz ta’ din l-għajnuna dawn l-industriji mid-dehra żammew jew żiedu l-livelli tal-impjiegi.
Il-Prim Ministru kien ukoll stqarr li l-Gvern mhux qed jinsisti ma’ ċerti ditti fuq il-ħlas tal-VAT biex jissalvagwardja l-impjiegi. Madankollu, dawn iż-żewġ miżuri qed jittieħdu f’nuqqas ta’ trasparenza kbira u ż-żgħir, li hu s-sinsla tal-ekonomija, mhux qed igawdi minnhom. Dawn iż-żewġ miżuri ukoll ġew ikkritikati bil-kbir għal raġunijiet li jistgħu jiswew wisq, jipposponu ristrutturar inevitabbli u jdgħajfu l-ġbir tat-taxxi fir-rapport tal-missjoni msemmija tal-FMI, rapport li f’pajjiżna kważi ħadd ma ta kasu.
Pajjiżna hu wieħed mill-ftit pajjiżi li mhux talli ma nediex pakkett ta’ stimulu talli għażel li jagħti xokk qawwi lill-ekonomija b’żidiet qawwija fit-tariffi tad-dawl u l-ilma.
Wisq nibża’ li s-sitwazzjoni ekonomika se tiddeterjora b’tali mod li kwalunkwe stimulu jkun tard wisq biex jevita tbatija li miżuri f’waqthom jevitaw. Kif rajna, il-qagħda finanzjarja tal-Gvern ftit tagħtih lok għal spazju ta’ manuvra. Madankollu, hemm ħafna x’jista’ jagħmel il-Gvern.
Is-suġġeriment tiegħi hu li jaqbad ir-rapport tal-missjoni tal-FMI u jara x’jista’ jaqbad u jattwa minnu mingħajr dewmien. Fost il-miżuri ssuġġeriti hemm it-twaqqif ta’ unit fil-Ministeru tal-Finanzi biex jimmonitorja l-evoluzzjoni tal-kriżi. Kontroll strett fuq l-ispiża tal-Gvern trid issir b’mod kliniku u mingħajr dewmien u l-ftehim kollettiv li jmiss fis-settur pubbliku għandu jikkontempla żidiet fil-pagi skont it-tkabbir ekonomiku ħalli ċ-Ċivil ikollu inċentiv biex jgħin l-ekonomija tikber.
Fis-settur privat ukoll, il-mekkaniżmu ta’ żieda awtomatika fil-paġi jeħtieġ li tiġi riveduta u tkun marbuta fiż-żieda fil-produttività. Il-missjoni tal-FMI ukoll tirrakkomanda tisħiħ tal-istrutturi li jimmonitorjaw il-kompetizzjoni f’pajjiżna. Tali tisħiħ hu ferm meħtieġ ħalli nikkumbattu r-rata persistentement qawwija ta’ inflazzjoni; altru minn aġenzija li timmonitorja l-prezzijiet kif qed jipproponu l-politiċi.
Barra l-miżuri maħsuba fir-rapport tal-FMI, li wieħed jiskanta kif il-politiċi tagħna ma tantx tawx kasu qisna aħna m’għandniex bżonn min jiftħilna għajnejna, tajjeb kieku l-Gvern jistudja l-possibbiltà li jwettaq it-tip ta’ ftehim li l-banek Taljani din il-ġimgħa ffirmaw ma’ Confindustria.
Permezz tiegħu l-impriżi żgħar u medji Taljani se jkunu jistgħu jgawdu minn moratorju ta’ sena fil-ħlas tas-self tal-kapital. Miżura simili ġiet introdotta f’pajjiżna fis-settur tat-turiżmu imma wieħed jaħseb li din għandha tiġi estiża għas-setturi kollha. Il-biża’ hu li s-sitwazzjoni se tkompli teħżien u għalhekk il-miżuri li ttieħdu s’issa se jirriżultaw li mhumiex biżżejjed u jeħtieġ sforz aktar determinat ħalli noħorġu minn dan l-hemm.