MediaToday

Intervista | 09 ta’ Awwissu 2009 Nr 146

Bookmark and Share

Il-familja dejjem l-ewwel

Franica Pulis tintervista lil Dominic u Doreen Galea

Dominic Galea

L-album ‘Ommi’, li ħareġ f’dawn l-aħħar ġimgħat, serva ta’ skuża komda biex nintervista lil tnejn mill-familja Galea li trabbiet tista’ tgħid dejjem f’Balzunetta. Din il-familja ġġorr parti importanti tal-Istorja mużikali ta’ pajjiżna u tmur lura mill-inqas sal-bużnannu ta’ Dominic Galea li kien pjanista wkoll.
B’ambjent bħal dan ma stajtx ma nistaqsix kif kienet tfulit Dominic b’żewġ ġenituri mdaħħlin u jekk kienx iħossha differenti minn ta’ tfal oħrajn.
“Mhux differenti. Mil-lat ta’ trobbija naħseb li kienet normali ħafna u anke tfuliti kienet sabiħa. Meta kont tifel dejjem kont niġri m’ommi u missieri għall-festivals u l-programmi televiżivi. Imma kelli ħafna ħin għal-logħob. Qatt ma kont magħfus biex nistudja u hekk nemmen. Tfal m’għandekx toħolqilhom pressjoni.
“Jekk tħares lejn l-istudenti li jibdew il-pjanu ta’ sitt snin u ta’ 10, fit-tagħlim jaslu flimkien meta jkollhom 16-il sena għax il-moħħ jasal sa tant. Tfulija waħda għandek u trid tgawdiha. Jien m’għandix tfal imma hekk nemmen. Mhux qed ngħid li m’għandux ikun hemm dixxiplina imma l-istress mhux tajjeb.
“Il-mużika kont espost għaliha. Kont nosserva. Waħda mill-aħjar affarijiet għall-mużika hi li tisma’. Tiġma’ u tassorbi. Ma tistudjax biss billi tiftaħ il-kotba.
“Fil-komponimenti tal-iskola ta’ x’se nsir la nikber dejjem pjanista kont nikteb għalkemm kont għadni ma bdejtx indoqqu.”
Skont Doreen, żewġha Sammy beda l-pjanu lil binhom meta kellu sitt snin imma bħala logħob u mhux studju. Semmiet ukoll li xtaqet kienet aktar severa fl- iskola akkademika tat-tfal iżda ma jisgħobbihiex għax tħoss li r-riżultat waħdek trid taħdem għalih.
Dwar kienx jixtieq li jkollu ġenituri ‘normali’, Dominic wieġeb li jarahom normali ħafna. Hemmhekk Doreen tfaqqa’ daħqa u tgħid: “Ma kellekx għażla.”
Binha kompla jgħid, “Anzi pjuttost narahom twajbin iżżejjed. Ommi ħadet ħsieb il-familja. Il-kant ġie sekondarju għaliha. Jien kont kburi bihom. Fis-sebgħinijiet, meta missieri kellu programm fuq it-televixin, konna nieħdu tliet kwarti biex naslu minn Putirjal sa Pjazza Reġina.
“Missieri ma kienx jaħdem filgħodu u kien iqatta’ ħin relattivament qasir barra. Peress li kien jaħdem filgħaxija l-ħarġa tal-familja kienet issir filgħodu. Konna nimxuha mill-Mall u nidħlu l-Belt nieħdu kafè,” tenn Dominic, dwar il-ħarġa li saret drawwa fissa tal-familja.
L-aħwa huma tliet subien: Dominic, erba’ snin wara ġie ħuh Ben u ħames snin wara Manolito. Bejniethom imorru tajjeb l-aktar għax għalkemm kulħadd fil-qasam tal-mużika, kollha għandhom il-linja tagħhom.
“Argumenti l-aktar li jkollna dwar il-mużika għax ma naqblux fuq xi ħaġa imma mill-bqija l-familja viċin ħafna ta’ xulxin,” żied Dominic.
L-album ‘Ommi’ kienet idea ta’ Dominic, rigal li ried jagħti lil ommu biex ikollha l-ewwel album li hu tagħha. Fil-fatt għal Doreen din is-CD hi ta’ sodisfazzjon kbir kif ukoll responsabbiltà minħabba li magħmula minn poeżija daqstant magħrufa.
“Ommi għandha kanzunetti mferrxin ’l hemm u ’l hawn peress li ilha tkanta u jekk tgħaqqadhom flimkien tiġbor żewġ albums. Imma dan kien l-ewwel wieħed tagħha. Ridt li jkollha s-CD tagħha. Allura tajnieh aktar attenzjoni.”
Il-kompożitur ma jagħmilx wisq distinzjoni meta jikteb għal ommu għal meta jikteb għal kantanti oħrajn.
“Ġieli taqbad u tikteb kanzunetta u tgħid din tixraq lit-tali. Imma meta tkun taf għal min se tikteb trid tagħti l-istess attenzjoni. Jien nisma’ l-vuċi tal-kantant meta nikkomponi. Meta kont nikteb il-musicals fid-disgħinijiet kont inkun naf min huma l-kantanti ewlenin u kont nikteb għalihom.”
Il-familja Galea ġeneralment tikteb xogħlijiet bil-Malti. Iħossu li hawn reżistenza biex tinkiteb mużika b’lirika Maltija? Dominic iħoss li l-mużika pop tinkiteb aktar bl-Ingliż bit-tir li tinfiltra s-suq barrani għalkemm tista’ tinkiteb bil-Malti. Iżda minn kliemu donnu ma jinkeddx wisq għax din il-mużika iqisha bħala tal-mument li tiġi u titlaq l-għada.
“Jien ngħid li hu tajjeb jibqa’ tajjeb. Jien jekk nisma’ mużika ta’ Celine Dion jew ta’ Shirley Bessy ma ngħidx antiki, ngħid sbieħ.
“Fil-pop ma jagħmlu xejn ħażin billi jkantawh bl-Ingliż. Imma jekk tgħidli għażel xogħol ta’ kompożitur Malti naħseb kanzunetta li nkitbet bil-Malti nagħżel u mhux bl-Ingliż.
“Il-mużika jien naraha qisha l-missjoni tiegħi. Dejjem għixt għaliha. Din bħar-reliġjon. Wara li titgħallimha trid ixxerridha. Jien nemmen li għandi nxerridha hawn Malta.
“Il-musicals hemm min jagħmilhom il-West End. Jien tellgħajthom l-Argotti. Ma jfissirx li tiegħi hu aħjar jew agħar.”
Iżda mhux se jirrifjuta jekk xi ħadd joffrielu xogħol barra mill-pajjiż.
“Imma mhux se nitlaq il-familja biex immur infittxu jien. Fl-1987 għamilt tliet xhur l-Ingilterra ndoqq ġo cabaret show imma kont homesick. Stajt komplejt mal-aġent li kelli imma kien se jiftaħ piano bar f’Malta, dik il-ħabta ż-Zenith, u bqajt hawn.”
Jimmissjahom il-musicals? Għalih kien żmien sabiħ li kien jeħodlu ħafna ħin u kultant taqbdu nostalġija għalih.
“Imma s-sena li għaddiet kelli nirrifjuta musical għax ma stajtx nikkommeti lili nnifsi 100 fil-mija minħabba l-Masters u l-programmi fuq il-Favourite Channel. Mhux qed ngħid li jekk jiġi proġett ieħor tliet xhur oħra ma naċċettahx imma għalissa ma nistax.”
Doreen qablet miegħu u qalet: “Kultant trid tieqaf ftit u tistrieħ.”
Jitkellem dwar l-aktar ġeneru ta’ mużika għal qalbu: il-Jazz.
“Il-Jazz trid tgħixu. Trid tisma’ ħafna diski u tistudja. Trid dedikazzjoni u paċenzja biex forsi tara riżultat. Għalija hu l-aqwa mezz biex nesprimi ruħi.”

Doreen Galea

Doreen Galea hi l-akbar fost tmint aħwa bniet. Mill-intervista joħroġ kemm hi importanti l-familja u l-figura tal-omm għaliha. Mhux ta’ b’xejn li binha l-kbir iddedikalha CD b’dan l-isem. Minkejja li kienet il-kbira Doreen xorta rnexxielha tagħmel karriera fil-mużika minn età żgħira ta’ 12-il sena. Tirrakkonta tfulitha.
“Jien il-kbira fost tmint aħwa imma kont iffortunata għax kont brava fl-iskola. Ir-rwol tad-dar ħaditu oħti biex lili ma jtellfunix. Però kont noqgħod babysitter ma’ ħuti meta l-ġenituri joħorġu.
“Jien kelli ħabib. Kien ir-Rediffusion. Nagħmel il-homework u widnejja mkaħħlin mar-Rediffusion. Ma kinitx toħroġ diska li ma niktibx il-lirika tagħha.
“Ġejt influwenzata minnu. Id-diski Taljani kont inħobbhom u kienu popolari mal-kantanti Maltin, speċjalment il-kanzunetti Naplitani.”
“Kont nixtri wkoll rivisti tal-komiks tal-ballerini u kont noħlom li nsir ballerina. Il-mamà kienet tgħid li kont nagħmel dawn iż-żigarelli fil-kuritur u niżfen hemm. Qatt ma kont żnella imma kont inħobb niżfen. Ta’ ħames snin kont diġà fil-kor ta’ San Duminku wkoll.”
Kompliet tgħid li kien hemm kompetizzjoni tal-kant, Canzoni d’Oggi, ir-Radio City fil-Ħamrun u applikat għalih mingħajr ma qalet lil ħadd.
“Xejn ma ħadu pjaċir tad-dar. Imma n-nanna qabżet għalija u qaltilhom: ‘X’qed tagħmel ħażin?’
“Imbagħad is-Surmast li kien daqqli biex ħadt sehem, Prof Giorlando Valente, ħadni taħt idejh u kont il-kantanta residenti tal-band tiegħu. Kont indoqq ħafna magħhom imma ma kienx xi xogħol fiss fil-ġimgħa. Kont inkanta meta jsir xi ballu jew f’xi ristorant u meta jiġi l-Milied kont inkanta miegħu kuljum.”
Tirrakkonta kif kienu ħaduha l-ġenituri tagħha dak iż-żmien.
“Il-ġenituri tiegħi ħaduha tajjeb. Il-familja kienet għaddejja minn żminijiet diffiċli. Il-papà marad u għadda bord ta’ 33 sena. Allura jien bil-ftit li kont naqla’ kont ngħin. Il-papà kien jiġi miegħi jew inkella jiġi xi ħadd minn ħuti. Dejjem bix-chaperon. Anki meta kont ma’ Sammy.
“Kont inkanta fl-ispettakli tal-Istitut Kattoliku. Hemmhekk iltqajt ma’ żewġi. Kont nieħu sehem fi spettakli tal-karità. Kont nieħu gost. Fil-Karnival kienu jagħmlu l-irtiri għaż-żgħażagħ u kont immur inkantalhom. Kien divertiment ‘nadif’. L-istil ta’ ħajja kien aktar konservattiv dak iż-żmien.”
Lil Giorlando Valente, li kien vjolinist prim fi żmienu u kien imexxi l-orkestra tat-Teatru Rjal, Doreen tiftakru bħala daqsxejn żorr u ta’ ftit kliem, preċiż f’xogħlu u jemmen fil-puntwalità u d-dixxiplina.
“Wara li nkanta miegħu kien ikun iridni noqgħod bilqiegħda u mhux niġri mal-ħanut kollu. Kien jagħtini mużika diffiċli li jien kont naħseb li mhux se jirnexxieli nkanta. Imma hu kien ikun jaf safejn iwassal leħni. Dak iż-żmien jien talent naturali kelli għax qatt ma kont studjajt il-mużika.”
Iżda l-iktar persuna għal qalb Doreen dak iż-żmien kienet Mary Flores, pjanista fil-band ta’ Valente.
“Kienet l-akbar ħabiba tiegħi u kienet toħodni kullimkien. Dak iż-żmien bla mużika live ma kont tagħmel xejn. Kienet mara tal-familja li tatni l-imħabba ta’ omm u ma kinitx tiddejjaq tgħidlek fejn żgarrajt. Jien lilha biss naf bħala mużiċista mara f’dawk iż-żminijiet. Kienet armla u allura riedet tmantni lil familtha.”
B’żewġ nisa fil-band, mistoqsija awtomatika kienet, jekk kinux idoqqu fil-ħwienet tax-xorb. Iżda l-ħwienet tax-xorb kienet era li diġà spiċċat u li Doreen lanqas tiftakarha.
Iżżid tgħid: “Where there’s a will there’s a way. Dejjem ħlomt li nkanta u rnexxieli. Mhux għax kont imdawra bil-mużika. Lil tad-dar daħħalthom f’dinja ġdida. Il-familja tiegħi hi l-akbar ammiratriċi tiegħi. Il-mamà sal-aħħar baqgħet issegwini.”
Doreen iżżewġet fl-1963. Ta’ 15-il sena ltaqgħet ma’ Sammy li kien 13-il sena akbar minnha. Ta’ 16 iżżewġitu.
“Naħseb il-mużika ta’ Sammy saħħritni u barra mill-imħabba l-mużika kienet importanti ħafna f’ħajjitna.”
“Liema hu l-isbaħ żmien tal-mużika għalik?” probabbli kienet waħda mill-iktar mistoqsijiet diffiċli għal Doreen.
“Hemm ħafna perjodi differenti. Ma nistax ngħid liema kien l-isbaħ għax fil-mument dejjem kien l-isbaħ.”
Taqsam il-karriera f’sitta. Meta bdiet bħala Doreen Zammit sa ma ltaqgħet ma’ żewġha. Wara waqfet għal tmien snin. Ta’ 24 sena reġgħet bdiet u din id-darba bħala Doreen Galea.
“It-Tmeninijiet li kienu snin ta’ festivals u Jazz Evenings. Id-Disgħinijiet li tassoċjahom mal-musicals, it-tour tal-kant ta’ sitt ġimgħat li għamlet l-Ingilterra u meta kellha l-kor.
Iż-żmien tal-Ingilterra kien dak li ġegħilha tirrealizza li familtha tiġi qabel il-mużika.
“Hemmhekk kont diġà bdejt nistabbilixxi ruħi. Kien hemm ħafna xogħol. Imma d-distakk mill-familja kien tremend. Irrealizzajt li l-karriera trid ħafna ħin.
“L-ammont ta’ ħin li tieħu biex tivvjaġġa u tipprepara għal spettaklu wieħed biss. It-tfal kienu m’oħti l-Ingilterra imma kont ninduna li Dominic ma kienx kuntent. Leħnu kien biżżejjed. Ħassejt li ma kinitx ħajti u ġejna lura fis-sajf.”
Mistoqsiha x’fisser għaliha t-tagħlim tal-kant lit-tfal, Doreen wieġbet li kienet fażi sabiħa għax tqisha importanti li l-esperjenza li ġġorr tgħaddiha lil ħaddieħor u wħud mit-tfal li issa saru kantanti stabbiliti jibqgħu jmorru għandha jitolbuha parir. Issemmi lil Julie Zahra, Priscilla Psaila u Marvic Lewis fost oħrajn li għaddew minn taħt idejha u li naturalment issa qabdu triqithom.
“Tal-inqas tajthom iċ-ċavetta. Inħossni grata ħafna għax permezz tagħhom bqajt għaddejja. Inħossni sodisfatta għax għamilna ħafna xogħol bil-kor. Tajna wirjiet fis-swali kollha ta’ Malta u avvenimenti tal-karità.”

 

Intervista
Il-familja dejjem l-ewwel

Franica Pulis tintervista lil Dominic u Doreen Galea




Wenzu Mintoff
Klastrofobja



Carmelo M. Bonnici
Ekonomija soda u stabbli



Joe Ellis
9 ta’ Awwissu 2007



Toni Abela
L-ulied jibqgħu ulied


Il-Punt - Helena Dalli
Déjà vu

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan