Editorjal | 09 ta’ Awwissu 2009 Nr 146
Kummentatur f’wieħed minn dawk l-istazzjonijiet televiżivi li jiffukaw fuq is-swieq finanzjarji stqarr li x’ħin l-ekonomija tad-dinja tibda ħierġa mir-reċessjoni li daħlet fiha l-gvernijiet se jieħdu ħsieb li jirregolaw is-swieq biex ma nerġgħux ngħaddu mill-istess għawġ. Biex ir-rota terġa’ tibda ddur se jħollu l-brejk iżda malli tibda tirranka se naraw regolamentazzjoni li żżommha milli taħrab bina mill-ġdid.
Mis-snin 70 lil hawn il-proporzjon ta’ flejjes investiti fl-ekonomija reali minn 70 fil-mija naqas għal 30 fil-mija waqt li dawk investiti fl-ispekulazzjoni għamlu bil-maqlub. Meta tgħodd li qegħdin ngħidu għall-flus kollha tad-dinja, tara li qed insemmu fenomenu mill-akbar u li jaffettwa l-ħajja ta’ kulħadd. Dan il-proċess irranka l-iżjed f’dawn l-aħħar 10 snin sakemm fl-aħħar infaqgħet il-bużżieqa.
Il-kreattività fis-swieq finanzjarji meħlusa mir-regolamentazzjoni stretta wasslet biex jinħolqu prodotti finanzjarji iżjed jixbħu l-imħatri milli l-investimenti tradizzjonali. Min jgħaqqad ħaġa ma’ oħra u jagħmel pakkeġġ ġdid minn salt prodotti finanzjarji oħra, u min jinnegozja f’ishma jew bonds fi swieq imbiegħda b’rabta ma’ xi prodott jew servizz reali iżda fil-fatt fl-isem biss. Sakemm kulħadd kien qed jagħmel il-flus ftit kienu li gergru jew li wissew kontra l-perikli. Il-flus kbar jagħmu lil kulħadd, jidhru li huma raġuni soda, argument li ma jiflaħ għalih ħadd.
Meta bdiet titberfel il-biċċa xogħol tas-self subprime fl-Amerka, instab li kien hemm min qed jislef il-flus proprju bl-addoċċ, lil nies li ma kinux jifilħu jħallsuh lura biss għaliex kienu jafu li jistgħu jbigħu dan id-dejn fis-swieq finanzjajri. Dan jgħaddi min id għall-oħra sakemm ħadd ma kien jaf sew x’issellef lil min. L-imzazen li xtraw dan id-dejn inzertaw li kienu l-aqwa u l-akbar banek tad-dinja.
Kien dan il-fatt li tefa’ d-dinja fi kriżi. Jekk l-aqwa istituzzjonijiet finanzjarji fid-dinja ma tistax toqgħod fuqhom, f’min jista’ jkollok fiduċja? Il-banek ma baqgħux jafdaw lil xulxin u kollox beda jistagħġna għaliex ħadd ma kien jaf min kien imissu jfalli. It-taħwid kien tant vast li l-banek ma kinux jafu l-qagħda tagħhom stess u wisq anqas ta’ ħaddieħor. Hi u nieżla l-bużżieqa nkixfu xeba’ skandli li kienu jibqgħu moħbija kieku r-rorta baqgħet iddur kif kienet. Madoff jibqa’ mfakkar għal dejjem wara li sfrutta l-pożizzjoni mill-iżjed għolja tiegħu biex wettaq frodi ta’ $50bn. Kienet il-mazzata tal-aħħar għal min kien baqagħlu xi naqra fiduċja fl-istituzzjonijiet finanzjarji.
Sa ftit ilu l-banek u l-awtoritajiet f’Malta ħadu ħsieb itarrfulna li ma konniex se nintlaqtu immedjatament jew bl-ikrah mill-kriżi finanzjarja. Fil-fatt il-vulnerabbiltà tal-ekonomija tagħna wara l-kriżi fil-banek tas-snin 70 u sakemm kellna l-munita tagħna ħadmet favur tagħna billi l-Bank Ċentrali żamm il-kultura ta’ għaqal u għassa li kien bena qabel ma dħalna fl-ewro. Dejjem bżajna mill-avventuri finanzjarji u swielna ta’ ġid.
Minkejja dan it-tieni mewġa tal-kriżi ma setgħetx ma tolqotniex. Hekk kif dawk li jixtru prodotti u servizzi mingħandna bdew jintlaqtu jew jonqsilhom in-negozju, bdew jonqsu l-ordnijiet tal-fabbriki Maltin u x-xogħol ta’ industriji oħra.
Illum, għalkemm qed nisimgħu l-ewwel kelma ta’ ottimiżmu minn pajjiżi oħra, f’Malta se niffaċċjaw l-agħar mumenti tagħna fix-xhur li ġejjin. Min se jkorri? Kemm se jweġġa’? Ħadd ma jaf.
L-istess bħalma ġara barra, l-ewwel xogħol tal-operaturi ekonomiċi u tal-Gvern hu li jilqgħu għall-effetti immedjati, li jieħdu ħsieb itaffu l-uġigħ, isalvaw l-impjiegi u l-intrapriżi sakemm jgħaddi l-maltemp. Inkunu boloh jekk inħallu kriżi bħal din tgħaddi minn fuqna u ma nisfruttawhiex biex naħsbu fit-tul, infasslu strateġiji u naraw kif nistgħu nevitaw l-agħar effetti ta’ xi kriżi oħra.
Aħna wkoll iddakkarna mill-kultura dinjija tal-ispekulazzjoni u aħna wkoll imissna nagħtu ħarsa sew madwarna biex nevitaw l-investimenti riskjużi mibnija fuq it-tgħammix tal-flus kbar li jsiru malajr iżda li jħalluna vulnerabbli għad-diżastri. Pajjiż li bena 50,000 dar iżjed milli għandu bżonn meta l-popolazzjoni bilkemm taqbeż l-400,000 ma jistax jipponta subgħajh lejn it-taħwid u bluha ta’ ħaddieħor.
Kull kriżi fiha opportunità għat-tiġdid u t-tibdil. Imissna nimmiraw li nerġgħu fejn konna kemm jista’ jkun malajr iżda li nagħmlu dak it-tibdil li hemm bżonn biex nissaħħu b’mod dejjiemi u biex naslu ħafna ’l hemm minn fejn konna ftit ilu.