MediaToday

Intervista | 02 ta’ Awwissu 2009 Nr 145

Bookmark and Share

Bla kantunieri

Julia Farrugia tintervista lit-Tabib Frank Portelli

Ir-raġel bla kantunieri.
Kelma fuq l-istonku ma jżommhiex. U biex dak li jgħidlek żgur jinżel ħelu, Frank Portelli għandu ħabta kif idomm il-kliem u jżewqu bil-kulur.
Għall-mistoqsija ta’ liema tkun l-ewwel deċiżjoni li jieħu kieku jmexxi l-pajjiż it-tweġiba tiġi mingħajr tidwir mal-lewża: “Naqta’ l-irjus. B’mod figurattiv, ovvjament naqta’ l-irjus,” jitbissem minn fuq il-pultruna tal-lemin tiegħi. “Naqta’ l-irjus ta’ min ma jkunx onest u effiċenti.”
Jistqarr li “fil-pajjiż irridu ndaħħlu livell ta’ etika fuq kull strata tas-soċjetà. Għandu jkun hemm l-etika f’kollox. Kulħadd għandu jkun jaf x’inhuma l-affarijiet mistennija minnu. U jekk għandu xi interess personali għandu jwarrab.”
Għal min qed jirreferi meta jgħid ‘nies b’interess personali’?
“Naħseb l-aktar ħaġa ovvja li kienet miexja ħażin kienet il-MEPA fejn kien hemm nies, speċjalment fuq il-bordijiet tad-DCC, li kellhom interessi partikolari li jistgħu jkunu kunflitti ta’ interess u li l-MEPA kienet qed toħroġ deċiżjonijiet ħżiena li kienu qed jaffettwaw ħażin lin-nies. M’għandi l-ebda dubju li dan kien rifless fil-popolarità tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, anke fl-aħħar elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.”
Inwaddablu mistoqsija oħra xi jmexmex. Hemm min jargumenta, fosthom Ministri Nazzjonalisti, li la persuna tkun telqet minn fuq bord tal-MEPA din ma tibqax responsabbli. Jaqbel ma’ din l-attitudni?
“Assolutament ma naqbilx. Jien nemmen li għandu jkun hemm preskrizzjoni ta’ xi ħaġa imma mhux inqas minn 10 snin. Jekk qiegħed f’xi bord bħal tal-MEPA jien għandi nerfa’ r-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet tiegħi u għandu jkolli l-liability għal dik id-deċiżjoni,” jinsisti.
Ftit tal-ġimgħat ilu fil-gazzetta oħt il-MaltaToday il-Perit Michael Falzon ikkritika r-riforma l-ġdida tal-MEPA u sejħilha “the suicide note”. Qal ukoll li lil Lawrence Gonzi din ir-riforma se ttellfu l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Frank Portelli tal-istess fehma?
“Le. Ma naqbilx. Jien naħseb li Lawrence Gonzi mhux biss bħala Prim Ministru ta’ Malta iżda bħala individwu għandu kreddibiltà kbira fil-pajjiż. Jien għandi fiduċja kbira fih fuq bażi personali u assolutament ma naqbilx ma’ Michael Falzon. In-nies qed jistennew deċiżjonijiet u qed jafdawh lil Gonzi,” iwieġeb.
Mistoqsi ċar u tond jekk jaqbilx mar-riforma tal-MEPA Portelli jistqarr li hemm numru ta’ affarijiet li ma jniżżilx.
“Jien kont immur pass aktar minn hekk. Kont nagħmilha ċara li min qiegħed f’dawn il-bordijiet tad-DCC ma jistax ikun qed jaħdem fil-privat. U meta jivvutaw kontra żvilupp iridu jgħidu għalxiex. Sal-ġimgħa l-oħra stess kien hemm każ fejn bniedem ċaħdulu żvilupp għax ħawdulu r-ritratti u bi żball kienu qed jitkellmu dwar binja ftit mijiet ta’ metri ’l bogħod.
“M’għandi l-ebda problema li l-persuna li se sservi f’bord tiġi mħallsa kif suppost mill-Gvern u din ma jkollhiex interess ieħor biex taħdem mal-privat. Din tapplika wkoll għat-tobba. Jien dejjem għidt li tabib li jaħdem l-isptar għandu dejjem kunflitt ta’ interess jekk qed jaħdem fil-privat ukoll u fl-istess ħin ikun responsabbli mil-lista tal-waiting lists. Tabib li jaħdem mal-Gvern u mal-privata għandu interess li l-lista ta’ stennija tibqa’ twila.”
Bidla oħra fil-MEPA li kien idaħħlet hi li l-perjodu li fih jinqata’ każ ta’ jekk hux se jkun approvat jew le, jinżel għal erba’ ġimgħat.
“Oħra li nagħmel hi: l-ODZ. Dawn għandhom jibqgħu kif inhuma u għall-ebda ċirkustanza ma jiċċaqilqu. L-unika eċċezzjoni hi xi proġett li jkun se jagħmel il-Gvern u li bih ikun se jgawdi l-pajjiż kollu bħal pereżempju xi solar jew clean energy. Imma mhux ikun xi individwu li se jibbenefika.
“Ma jistax ikun bħal Mellieħa li joħorġu permessi f’żoni li qatt ma misshom inħarġu permessi. Dan sempliċiment għax kien hemm min kellu s-saħħa finanzjarja,” jitmasħan Portelli.
Qed jgħid li jgħaddu l-flus u hemm il-korruzzjoni?
“M’għandi l-ebda dubju. U din niżżilha. M’għandi l-ebda dubju. Sakemm ma jkollniex Public Disclosure’s Act u Whistle Blowers Act li tissalvagwardja lil min jikxef dawn l-abbużi allura qatt ma ssolvihom dawn il-każi.”
Jieqaf għal ftit u jitfa’ ftit karawett f’ħalqu.
Sempliċiment sema’ diċeriji li jgħaddu l-flus fil-MEPA biex jinħarġu permessi?
“Il-pajjiż kollu sema’ li kellna problema ma’ wieħed fil-ġudikatura. Il-pajjiż kollu sema’ li kellna problema biex iġġib liċenzja tal-karozzi. Il-pajjiż kollu sema’ li kellna problema biex iġġib liċenzja biex issuq id-dgħajjes. Il-pajjiż kollu sema’ li kellna problema fil-futbol. Il-pajjiż kollu sema’ li fil-MEPA kien hemm problemi f’ħafna oqsma. Jien nemmen, u din mhix kwistjoni ta’ gut feeling. Hemm korruzzjoni fil-MEPA fil-ħruġ tal-permessi bħalma hemm korruzzjoni li tħallas il-flus biex tqabbeż il-waiting list.”
Dwar il-każ ta’ Victor Scerri jgħid li “kieku kien floku kien jinsisti mal-MEPA li ‘lili jagħtuni permess fuq il-footprint’. Imbagħad ħadd ma kien jgħid xejn.
“Meta tkun President ta’ partit bħalma kont jien kull ħaġa li tagħmel taqa’ taħt skrutinju pubbliku. Fl-istess ħin m’għandi l-ebda dubju li Victor Scerri hu bniedem onest u li sab ruħu f’sitwazzjoni imbarazzanti f’ċirkustanzi eċċezzjonali.”
U għala eċċezzjonali?
“Ma nixtieqx nidħol fil-każ tiegħu. Imma naħseb li oriġinarjament hekk xtaq jibni fuq il-footprint u daqqa jitolbuk kundizzjoni bħal din li trid tibni bir. Dawn huma kollha żbalji tal-MEPA. Imma issa kif ġiet, ġiet imbarazzanti ħafna għalih.”
Indawru s-suġġett. Fi żmien Eddie Fenech Adami qajla kien ikollok dawn it-trikki trakki tal-partit joħorġu fil-beraħ. Kif iħares lejha? Qed jara xquq fil-PN?
“Is-soċjetà qed tinbidel. Illum in-nies iridu aktar openness. Jien dejjem emmint anke fi żmien Eddie Fenech Adami, jien kont ikkritikajt, ma qbiltx li Malta tidħol parti minn non-align movement. U ż-żmien lili ta raġun. U mhux daħħalnieha fil-Kostituzzjoni! Fil-PN dejjem kien hemm faxex differenti. Illum huma aktar fil-beraħ. L-istil tal-Ministri hu differenti wkoll.”
Inwaqqfu. Jaqbel mal-istil li għandhom il-Ministri tal-lum?
“Għandek il-Ministru Austin Gatt li għandu l-istil tiegħu. Però mhux dejjem ikollu raġun! M’hemm l-ebda dubju li jaf ikun abrasive, il-kelma bl-Ingliż. Jien kont iddiskrivejtu ‘rough diamond’. M’hemm l-ebda dubju li għandu ċerta kapaċità imma għandu bżonn ftit polish biex joħroġ aħjar,” jinsisti Portelli.
“Jien qiegħed f’pożizzjoni unika li ma niddejjaqx li nikkritika lill-Ministru Gatt fil-miftuħ. Austin Gatt, daqskemm irebbħilna voti, itellfilna voti fil-partit! U din nista’ ngħidhielu f’wiċċu. M’għandi l-ebda dubju li int irid ikollok dawk li jgħidulhom social skills. Kif tmur man-nies, kif tispjega xi ħaġa lil xi ħadd u ma taħsibx li inti taf kollox. Għax ħadd ma jaf kollox. U tara l-attitudni. Mhux biss x’qed tgħid int, imma tisma’ n-naħa l-oħra x’qed tgħidlek.”
Din il-ġimgħa sar pubblikament magħruf li Frank Portelli ddikjara li għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew nefaq aktar minn dak li tistipula l-Liġi. Għal xi raġuni, l-eks kandidat Nazzjonalista qed ikompli jinsisti li ma jagħtix il-figura preċiża ta’ kemm nefaq.
“Fil-politika meta toħroġ għall-elezzjoni, tal-inqas fil-każ tiegħi, avviċinawni numru ta’ persuni u bdew jgħiduli ‘aħna lesti li nħallsulek hekk’.
Skont hu żewġ persuni bejniethom tawh €5,000. Xi ħadd tah vann b’reklam tal-kandidatura tiegħu biex jużah għal tliet xhur. Kien hemm min offra li jħallaslu festini u persuni oħra offrew reklami bi prezz irħis.
“Jien bdejt nirċievi dawn is-sussidji, onestament mingħajr ma tlabthom jien. Anke l-partit għamilli ħafna posters u reklami. Dawn is-sussidju ma nafx kemm jammontaw kieku kellek tikkwantifikahom. Taħt ġurament jien nista’ ngħid li ma nafx kemm swietli l-kampanja,” tkun it-tweġiba ta’ Portelli.
Fi ftit sekondi jerġa’ jibda joħroġ l-ixrar minn fommu, b’botta ċara għall-kandidata Nazzjonalista Roberta Tedesco Triccas.
“U ma naqbilx assolutament ma’ min jgħid li l-kampanja elettorali ta’ individwu tibda meta tissottometti l-applikazzjoni quddiem il-Kummissjoni Elettorali. Il-kampanja tiegħek tibda minn meta l-partit tiegħek japprovak fl-eżekuttiv.
Ma jistax ikun hemm kandidata li rrappurtat fil-gazzetti li nediet il-kandidatura fl-aħħar ta’ Novembru tal-2008 u wara tgħid li uffiċjalment bdiet meta ssottometiet l-applikazzjoni tagħha. Aħna ma nistgħux nidħku bin-nies. Dawn qed jivvutawlna fuq fiduċja.”
U meta taħseb li r-raġel jista’ forsi jibda jikkalma ftit jerġa’ jiżbel b’argumenti aktar ħarxa.
“Ma jistax ikollok uffiċjali fl-Enemalta li għamlu profitti kbar huma stess u jkollu jħallas għalihom il-poplu Malti. Il-flus daħlu fil-bwiet tagħhom stess. M’għadhomx fl-Enemalta dawn il-persuni.”
“Meta ngħataw kuntratti?” nistaqsieh.
Ixejjer iva b’rasu. Tagħsar kemm tagħsar ma toħodlux wisq aktar minn fommu dwar dan is-suġġett. Qatt tkellem mal-Prim Ministru dawn l-abbużi?
“Meta jkun hemm il-Public Disclosures Act jien nitkellem fil-pubbliku.”
Lanqas privatament mal-Prim Ministru ma tkellem? Lura bħal boomerang terġa’ l-istess tweġiba.
U meta taħseb li ġejjin wisq attakki fuq ħoġor il-Prim, Frank Portelli jżellaq attakki fini fuq il-Partit Laburista.
“Il-PL mhu qed joffri xejn ġdid. Gimmicks u sustanza ftit li xejn. Għadni rrid nikkonvinċi ruħi li l-PL kif inhu llum joffri alternattiva serja. Ħares biss lejn l-applikazzjoni ta’ Joseph Muscat. Jien domt sena u nofs biex għamilt kamra fil-ġnien, mhux ’il bogħod mid-dar tiegħu u tiegħu ħariġlu fi ftit ġimgħat.”
Inwaqqfu. Għidt li l-MEPA għandha tkun effiċenti u tapprova f’erba’ ġimgħat jew anqas. Mhix kontradizzjoni? U l-applikazzjoni tiegħek saret fl-istess sena?
“Le, ftit snin wara. Tiegħi kienet, eh…mingħalija 2003.”
Fuq ras Frank Portelli hemm sħab ieħor iberraq. Ftit tal-ġimgħat ilu Frank Portelli talab għar-riżenja tal-Kunsill Mediku Malti li f’sentenza li qata’ kontrih talbu biex sal-1 ta’ Ottubru jħallas multa ta’ €10,000 talli bħala Kap Eżekuttiv tal-Isptar St Philips keċċa lil Dr Louis Buhagiar wara ittra li Frank Portelli bagħat lil Buhagiar fuq allegat ħlasijiet għolja li l-istess Buhagiar kien qed jitlob lill-pazjenti.
Fin-nuqqas ta’ dan il-ħlas il-Kunsill hedded li jaqta’ isem it-tabib mir-Reġistru Mediku.
“Jien lil Dr Giosella Farrugia, il-President tal-Kunsill Mediku, ma nafhiex u qatt ma ltqajt magħha. Ħarġet sentenza penali mingħajr qatt ma semgħet il-każ tiegħi. U ħarġet sentenza mhux fil-perjodu ta’ sentejn kif stipulat fil-Liġi, imma ferm aktar wara. Fis-sentenza kkwotat ukoll avviż legali ħażin.”
Portelli jargumenta li nkisret il-Liġi meta fis-sentenza ngħata penali li hu ferm ogħla mill-penali li kien jeżisti fiż-żmien li seħħ il-każ.
“Hi uriet ineffiċenza u injoranza kbira fil-Liġi. Uriet li ma kinitx qed tirrappreżenta b’mod xieraq lill-Prim Ministru li appuntaha fil-Kunsill Mediku. Jien se ninsisti li din għandha tirriżenja u jekk trid tiġbor ġieħha tammetti li għamlet dawk l-iżbalji u tirtira s-sentenza li ħarġet.”
Skont hu m’għandu l-ebda dubju li se jirbaħ il-każ li fetaħ quddiem il-Qorti għaliex fil-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem inqata’ każ simili tat-Tabib Frankowycz. Is-sentenza ngħatat f’Diċembru tal-2008 u daħlet fis-seħħ f’Mejju ta’ din is-sena.

 

Intervista
Bla kantunieri

Julia Farrugia tintervista lit-Tabib Frank Portelli




Wenzu Mintoff
Il-misteru tat-trab iswed



Carmelo M. Bonnici
Attakki kontra d-demokrazija



Joe Ellis
Bejn inkjesta u oħra



Toni Abela
It-tama ta’ Edwin


Il-Punt - Marceline Naudi
Il-femiċidji u l-vjolenza domestika

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan