Intervista | 26 ta’ Lulju 2009 Nr 144
Julia Farrugia tintervista lill-Avukat Emmanuel Mallia
X’inhi l-akbar biża’ tiegħek?
“Ma nafx.”
Fil-kamra jinżel silenzju.
“Mistoqsija tajba. Ma nafx.”
Jagħmilha ta’ avukat u forsi biex jilgħab għall-ħin jgħidli: “Int x’inhi l-akbar biża’ tiegħek?”
“Illum jien qed nagħmel il-mistoqsijiet imma jekk taħseb li tista’ tintervjeni meta nara xi waħda milli jregħxuni ngħidlek. Il-wiża.”
“Naħseb il-biża’ tiegħi hi l-mewt. Il-bqija minn dawn il-ħmerijiet m’għandix. Mela ara ma tiġix għandi Għawdex! Taf kemm huma ħelwin il-wiża!” jipprova jipperswadini.
Nippreferi ndawwar malajr ir-rotta fuq suġġett ieħor: Għawdex, li għall-Avukat Mallia hu għal qalbu ħafna tant li għandu dar hemm. U kull meta jista’ jaħrab lejha biex igawdi n-natura u l-pajsaġġ li taf toffri l-gżira tat-tliet għoljiet.
Kif jistqarr hu, Għawdex hu l-post fejn jagħmel ħafna mill-istudji tiegħu. Xi jħossu aktar, Malti jew Għawdxi?
“Inħobb ħafna ħafna lil Għawdex. Jien ma niddistingwix bejn Malti u Għawdxi. Għalija Għawdxi hu Malti u Malti hu Malti u lkoll ċittadini ta’ dan l-arċipelagu. Però Għawdex jogħġobni għall-faxxinu tiegħu għall-mod kif nista’ nirrilassa u nista’ nsib il-kwiet ukoll biex nistudja ċerti każijiet. Skont iż-żmien tas-sena u skont x’impenji soċjali jkolli Malta.
“Fix-xitwa l-isbaħ staġun fejn il-bniedem japprezza l-aktar affarijiet sempliċi: mixja fil-kampanja u li toħroġ taħdem fil-ġnien.”
Għajnejh jixhdu kuntentizza u kliemu jibgħat messaġġ profond li hu bniedem komplut.
Seba’ xhur ilu sar missier ta’ tewmin subien: Emmanuel u Nicola.
Il-mara li tagħtu dan is-sens ġdid f’ħajtu hi Elena Codruta, spiżjara Rumena.
“Hi xi ħaġa meraviljuża li frankament lanqas nista’ niddeskriviha. Hi ħaġa li ġabitli ferħ kbir f’ħajti. Fuq ċerti kunċetti llum il-ġurnata m’għadnix naħseb għalija waħdi imma rrid naħseb għall-pluralità. Hi xi ħaġa li tbiddillek ħajtek.”
“Illum għandek inċentiv biex tgħix…”
“L-isbaħ mumenti li tmur id-dar li anke ta’ 7 xhur jagħrfuk, jidħku u hemm dak il-kuntatt. Hu sabiħ.”
Jistqarr li qatt ma mmaġinah li se jesperjenza din il-fażi.
“Aktar ma tikber aktar tkun tixtieq li ċerti affarijiet ġraw qabel. Imma l-ħajja professjonali tiegħi dejjem ħaditli ħafna mis-sodisfazzjon li dejjem ħdimt għalih. Is-suċċess ma jiġix waħdu. Is-suċċess ifisser sagrifiċċji u sagrifiċċji kbar. Iljieli u ġranet ta’ studju u preperazzjoni. U effettivament dan hu dejjem ħin maqtugħ biex il-bniedem ikun jista’ jaħseb f’affarijiet oħra.”
Fi kliem Mallia l-aktar persuna li nfluwenzatu f’ħajtu kienet missieru.
“M’għandi lil ħadd avukat fil-familja, la l-ewwel ġenerazzjoni, la t-tieni u lanqas it-tielet. Missieri nfluwenzani għax kien persuna self-made. Tifel fost ħamest ibniet. Tilef lil missieru meta kellu ħames snin u allura għen ħafna lill-familja biex iżomm lil ommu u lil ħutu. Kien persuna li dejjem għallimni li qatt ma ninsa l-oriġini tiegħi, li jfisser qatt m’għandek tkun kiesaħ jew arroganti jew tikbirlek rasek b’mod li tara lin-nies dubbien,” jgħid b’pass irpużat li jiżra’ fik sens ta’ kalma.
“Missieri għallimni wkoll ċerti prinċipji ta’ natura morali u reliġjuża u kien hu li ispirani li nsir avukat avolja tlift lil missieri meta kelli 14-il sena,” ikompli.
Missieru daħal fin-negozji, proprjetarju ta’ 2 bars f’Tas-Sliema u wara daħal fl-industrija tal-bini bħala żviluppatur. Kien dan l-ambjent li jinvolvi nutara u avukati li l-missier ħajjar lil iben isegwi l-professjoni legali.
“Allura meta miet ridt insegwi x-xewqa tiegħu.”
Iżda qabel Mallia għamel xogħol differenti mill-professjoni legali fosthom ta’ barman fix-xogħol tal-familja.
“Jien persuna ġejt mgħallem ma nkunx għażżien u mmidd idi għax-xogħol u aktar tard fil-ħajja dan swieli ta’ ġid.”
Mallia hu wieħed mill-iprem żewġ avukati fil-kriminal. X’jagħmlek avukat eċċellenti?
“Jagħmel avukat eċċellenti l-istudju, il-preparazzjoni u li l-avukat iżomm livell ta’ etika u professjonalità f’xogħlu, kemm mal-klijent, kemm mal-Qorti u kif ukoll mal-kollegi tiegħu.”
Xi jgħid dwar it-timbri li għandhom ċerti avukati li l-aqwa li jieħdu l-flus imbagħad jippruvaw ilaħħqu ma’ 100 kawża f’daqqa?
“Avukat m’għandu qatt jinsa li l-interessi huma dawk tal-klijent tiegħu. Hu veru li avukat jinqabad fil-ġenn tal-Qorti. Hu importanti li avukat jorganizza lilu nnifsu mhux biss bħala persuna iżda l-istudju legali tiegħu. U kemm jista’ jkun meta jissejħu l-kawżi jkun preżenti.”
Bħala regola m’hemmx każi li ma jaċċettax biex jiddefendi … imma forsi bħal kull punt ieħor fil-ħajja hemm l-eċċezzjoni.
“Fil-bidu l-każ għadu sempliċi akkuża. Bħala regola le. Jien nemmen li jekk jien inkun aċċettajt inkarigu jien għandi nsegwieh nonostante cio. Hemm diversi każi li jien ma nkunx aċċettajt il-każ tagħhom.
“Ir-raġunijiet jistgħu jkunu diversi. F’każ partikolari dehrli li ma kien hemm l-ebda difiża u għalhekk ikun liema jkun l-avukat li qed jiddefendi l-każ l-eżitu kien se jkun l-istess. Dehrli li l-familja seta’ jkollha avukat ta’ għajnuna legali flok effettivament tonfoq il-flus għandi. Din miskina riedet tbigħ dar biex tħallasni. Għidtilha ‘ma tarax’. Niddefendik jien jew xi ħadd għadu joħroġ mill-Università, l-eżitu sa jkun l-istess.
“Ikun hemm każi oħra fejn jinqalgħu ċerti diffikultajiet fejn jekk il-każ iwassal sa ċertu stadju l-klijent jippretendi li għandu jwassal sa aktar. Dawk il-linji ta’ difiża fl-opinjoni tiegħi ma jkunux kredibbli. Jekk il-klijent jibqa’ jinsisti dwar dawk il-linji ta’ difiża jien ma jkollix triq oħra ħlief li nirrinunzja l-każ.”
Kemm jara każi ta’ persuni li ġejjin minn faqar soċjali imma għax jemmnu li hu biss jista’ jaqlagħhom mill-għawġ li daħlu fih, ikunu lesti li jissallbu finanzjarjament?
“Biex ngħidlek il-verità qatt. U kieku stess nara li bniedem se jissallab inkun dispost ngħin nonostante cio. Ovvjament b’ċerti limiti.”
Tul il-karriera legali tiegħu ħadem mas-76 ġuri, minbarra numru ta’ ammissjonijiet.
“Is-sodisfazzjon ta’ verdett favorevoli tal-klijent hi xi ħaġa li ma tistax tiddeskriviha. Għandek il-ħajja, il-futur ta’ persuna u tal-familja tiegħu …
“Il-parir tiegħi lil kull avukat li għadu se jibda hu li almenu f’ħajjitkom għamlu mqar ġuri wieħed għax ma tkunx avukat komplut.”
Jispiċċa l-ilma fit-tazza ta’ quddiemi u minn buqar tal-kristall iferra aktar ilma frisk.
Dan l-aħħar kien wieħed mill-avukati tal-Partit Laburista dwar il-każ tar-refużjoni tal-VAT fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozzi. Kien il-PL li talab is-servizzi tiegħu jew kien hu li offra l-għajnuna tiegħu?
“Jien m’iniex wieħed mill-avukati fil-każ per se. Jien m’iniex ċivilist imma fil-kriminal. Peress li jien mhux prużuntuż u normalment nippreferi nara ilma li jlaħħaqli, jien ma kkontribwixxejtx fl-istudju tal-liġi ċivili għall-preparazzjoni ta’ dak il-każ. Però peress li fil-prattika legali tiegħi għandi nvolviment kbir fejn jidħlu karozzi jien ġejt mitlub mill-Partit Laburista biex nagħti l-veduti tiegħi dwar din il-kwistjoni.
“Frankament nemmen li l-Gvern għandu jirrifondi dawn il-flus. L-iżjed ħaġa li spinġietni f’din is-sitwazzjoni kien il-fatt li l-Gvern kien qed jgħid li ma jridx iħallas dawn il-flus għax għandu parir biex ma jagħmilx hekk. Issa jien dehrli li meta qed nitkellmu dwar Gvern hu jieħu parir mill-avukat ġenerali.
Dehrli li peress li din kienet kwistjoni bejn il-Gvern u ċ-ċittadini tiegħu, il-Gvern kellu jgħid x’inhuma dawn il-pariri li kellu. F’din is-sitwazzjoni emmint li anke abbażi ta’ ċerti deċiżjonijiet li ngħataw barra, għadni naħseb sal-lum li dawn il-flus għandhom jiġu rifużi.”
Il-one million dollar question: veru li se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali mal-Partit Laburista?
“Le. M’għandi l-ebda deċiżjoni dwar dan il-fatt. Naf li effettivament hi xi ħaġa, rumour li mxiet ħafna. Kienu ħafna dawk li ċempluli u qaluli li jridu jgħinuni. Kien hemm ħafna li qaluli biex nagħmel dan imma mhemm l-ebda deċiżjoni dwar dan.”
Forsi għad m’hemm l-ebda deċiżjon. Imma jfisser li din il-possibbiltà qatgħalha rasha jew hi xi ħaġa li qed jikkunsidraha?
“Hi xi ħaġa li ġiet offerta. Però hi xi ħaġa li rrid inħares lejha minn diversi angoli fil-futur.”
Nistaqsieh jekk kienx il-mexxej Laburista Joseph Muscat li għamillu l-offerta.
“Iva.”
Għal bniedem li ħadem bejn l-1971 u l-1978 fil-Partit Nazzjonalista b’kariga wkoll ta’ President fil-Kumitat Sezzjonali tal-Gżira din kienet sorpriża.
“Il-passat tiegħi hu passat fejn jien kont attiv fi strutturi tal-PN. Ħassejt xi ħaġa li effettivament kont nistenna li ssirli mill-PN imma qatt ma saritli. U saritli mill-Partit Laburista,” jistqarr l-Avukat Mallia.
Hu dan parti mit-terremot li rrefera għalih Joseph Muscat?
“Frankament id-diskors ta’ Muscat sar f’attività soċjali. Wara saret laqgħa oħra fl-uffiċċju tiegħu. Kien hemm drabi oħra wara. Tħoss ċertu sens li xi ħadd qiegħed japprezza li tista’ tagħti kontribut politikament lill-pajjiżek.
“Jien ma nistax ngħidlek li l-politika ma tinteressanix. Dejjem żammejt qrib ma’ dak li qed jiġri politikament f’pajjiżi u frankament naħseb dejjem kelli x-xewqa, anke jekk moħbija, li nipparteċipa fil-politika b’mod li nista’ nagħti dan il-kontribut. Meta ġejt mistoqsi dwar dan ħassejt li din l-offerta saritli minn partit li jien żgur li fil-passat m’appoġġajtx, ħassejt ċertu apprezzament. Jien naf ukoll x’diskors ieħor intqal li nħossni antipatiku biex ngħidu u forsi mhux korrett biex ngħidu mingħajr ma l-persuna l-oħra tapprova. Tagħni ċertu sens ta’ sodisfazzjon.”
Imma x’inhi l-pożizzjoni uffiċjali tiegħu?
“Jekk tistaqsini llum ngħidlek m’għandi l-ebda deċiżjoni u r-raġuni hi sempliċi. Jien tip ta’ persuna li jekk nidħol għal ħaġa, jew nidħol għal ħaġa biex din il-ħaġa tirnexxi jew inkella ma nidħol għaliha xejn,” tkun it-tweġiba.
“Ma tantx naf nagħmel affarijiet half measures. Ovvjament jien naf li l-politika, hu paragun kemmxejn ħażin, hi bħal ċerti vizzji koroh. Il-politika hi xi ħaġa li meta int tidħol fiha diffiċli toħroġ minnha.
“Il-politika tfisser impenn, għandek missjoni biex taqdi lin-nies. Fil-każ tiegħi jekk nidħol fil-politika f’dan l-istadju ta’ ħajti jfisser li professjonalment għall-grazzja tal-Bambin inkun ilħaqt ċerta età. Ma nkunx qed inħares lejn il-politika biex il-politika tagħtini s-suċċess jew suċċess professjonali jew biex tagħtini suċċess finanzjarju imma nkun qed inħares lejn il-politika biex nagħti kontribut u servizz lill-pajjiżi.
“Meta wieħed jara dawn il-konsiderazzjonijiet kollha, illum jien għadni familja u għandi żewġt itfal żgħar, u allura jien ngħid nippreferi l-ħajja trankwilla fejn ingawdi lill-familja tiegħi jew ħajja li niddedikaha, u forsi s-sagrifiċċji jkunu tant kbar li nitlef dan il-gost? Dan hu l-kejl tal-miżien li għandi quddiemi.”
Jara li l-PN inbidel? Fi żmien Eddie Fenech Adami lanqas toħlomha li ċertu diżgwid joħroġ fil-beraħ …
“Meta jkollok tibdil fit-tmexxija tal-partit int bilfors wara ftit se jkollok tagħżel nies minn oħrajn. Meta tagħmel dan se turta lil ċerti nies u se togħġob lil nies oħra. Li trid tkun ċert hu li n-nies li tagħżel ikunu tant effiċjenti li jagħtuk dak id-drive li jmexxuk biex in-nies li qed jiġu urtati jirrealizzaw li int għadek b’saħħtek u li għadek miexi. Illum jidher li nies urtati huma aktar aperti fil-kritika tagħhom milli kienu fil-passat.
“Jien dejjem nemmen li kemm jista’ jkun ħwejġek għandek taħsilhom ġewwa u mhux barra biex l-ewwel almenu tipprova twassal għal konsensus u biex il-buon sens dejjem jirrenja u dak jitlob l-għaqal u l-maturità. Effettivament meta l-affarijiet joħorġu barra minn dan il-kontroll se jkollok in-nies urtati li wieħed se jgħid mod, ieħor se jgħid xi ħaġ’oħra u dejjem tikber,” jistqarr Mallia.