MediaToday

Toni Abela | 19 ta’ Lulju 2009 Nr 143

Bookmark and Share

Il-qamar fil-bir

Il-qamar. Kien poetiku , ’il bogħod minna u protagonist ta’ ħafna ħrejjef u spekulazzjonijiet . Kienu jgħidulna li għandu wiċċ jew hu magħmul mill-ġobon tat-toqba. Hawn min saħansitra ħareġ bin-nisġa , l-aktar Nazisti akkaniti, fosthom Adolf Hitler, li ħarbu lejn il-qamar b’vettura spazjali fejn għadhom hemm sal-lum jgħammru fil-naħa mudlama tiegħu, sakemm…
Sakemm 40 sena ilu l-Amerikani niżlu fuq il-qamar . Kienet wegħda li għamel John F. Kennedy iżda li ma laħaqax raha timmaterjalizza. Wieħed li jgħidu li kien skwilibrat, u li x’aktarx qatt ma nqabad, f’Dallas urih il-qamar fil-bir, xi sitt snin qabel Neil Armstrong medd l-ewwel pass uman fuq il-qamar.
Kien ċertu ġenju Professur Von Braun, il-moħħ wara din l-avventura ta’ teknoloġija avvanzata . Dak l-istess bniedem li ta lil Adolf Hitler ir-rockets V1 u V2 , li f’filmati tat-Tieni Gwerra Dinjija narawhom jinżlu b’sabta splussiva fil-qalba tal-Londra. Kienu armamenti devastanti.

Il-Ġebla
Jekk 40 sena ilu niżlu l-Amerikani fuq il-qamar jidher li lilna ħallewna warajhom. Sal-lum għadu ħadd ma ta sodisfazzjon jew refa’ r-responsabbiltà tal-gebla . Mhux qiegħed nirreferi għal dik li titrabba fil-marrara, iżda għal ġebla li tassew ġiet mill-qamar . Ma nafx eżatt kemm-il sena ilu l-Gvern Amerikan, bħala turija ta’ ħbiberija, kien tana ġebla żgħira li l-astronawti kienu niżżlu magħhom mill-qamar. Għal xi żmien stajt taraha fil-Mużew tal-Istorja Naturali li jinsab fid-daħla tal-Imdina .
Jiena rajtha diversi drabi u lħaqt urejtha anke lil uliedi meta xi żmien ilu kienet għadha f’dan il-mużew. Madwar 10 snin ilu jew ftit aktar din il-ġebla nsterqet minn dan il-mużew u ma smajniex aktar b’aħbarha . Fil-jiem li għebet qam daqsxejn ta’ furur. Minn dak in-nhar sal-lum il-kwistjoni mietet fuq ommha u ntesa kollox. Dan hu l-mod kif isiru l-affarijiet fuq il-qamar. Peress li fuq din is-satellita tad-dinja ma hemmx gravità, biż-żmien xejn ma jibqa’ gravi. Lanqas jiggravitaw xi karigi, għax kulħadd jibqa’ fejn kien. Biż-żmien il-gravità tal-ħaġa tintesa biex qatt ma jingħata rendikont ta’ x’tassew x’ġara u mal-medda tas-snin ninsew kollox.

No sex please
Fil-qamar b’kollox tista’ tiċċajta, b’kull ħaġa li tiċċaqlaq, ejja ma ngħidux fid-dawl tax-xemx, iżda żgur għad-dawl ta’ qamar. Fid-dinja biss ma tistax tagħmel dan u b’mod partikulari f’pajjiżna. Niskantaw għaliex ċerti Musulmani jieħdu tant għalihom meta xi karikaturista jew ġurnalist jgħaddi biż-żmien lil Mawmettu.
Ninħasdu kif il-musulmani jitilfu rashom meta xi ħadd jattakka l-figura qaddisa tal-Iprem Profeta u erħilna nippontifikaw dwar id-demokrazija u s-sekulariżmu fil-politika. Iżda fis-sewwa, anke aħna għandna l-baqar sagri tagħna u jekk tmisshom ħoll xagħrek u ġib iż-żejt .
Mhux qiegħed nirreferi għas-saċerdoti reliġjużi biss, iżda anke għal dawk politiċi. Bqajt skantat kif dan l-aħħar, il-mannara taċ-ċensura, wara li niżlet fuq nies bħal Adrian Buckle, issa messet lill-artist Rafel Vella. Ried jesebixxi xi ritratti ta’ politiċi magħrufa, li ħallewni bil-kurżità min huma, u milli stajt nifhem b’superimpożizzjoni żied xi element erotiku.
Ovvjament għamel dan bi kritika, ironija u sarkażmu. Twaqqaf milli jesibihom. Qalulna li joffendu l-morali pubblika. Dawk li għandhom l-għodda taċ-ċensura niżlu ma’ Armstrong fuq il-qamar, iva, iżda meta l-vettura lunari waslilha ż-żmien li tirritorna lejn id-dinja huma baqgħu l-art. Fi ftit kliem baqgħu jgħixu fuq il-qamar.
Mhux qiegħed ngħid li ma għandux ikun hemmm ċensura, iżda fejn tidħol l-arti, anke jekk mad-daqqa t’għajn naħsbu li toffendi, irridu nużaw il-gudizzju tagħna b’ċerta diskrezzjoni. Li ma kienx hekk artisti bħal Salvador Dalì , Pablo Picasso u Gustav Klimt ma konniex inkunu nafu bihom jew bl-aqwa xogħlijiet tagħhom. Fortunatament għall-umanità dawn għexu u ħarġu bix-xogħlijiet tagħhom barra minn Malta. Għad irrid nara lil dak iċ-ċensur Malti li jippermetti lil Michelangelo ipitter dik in-nuda kollha mas-saqaf tal-Kappella Sistina. Li ma kienx għal Papa moħħu miftuħ Adam illum liebes speċi ta’ ħarqa.
Li jolqotni f’dan kollu hu s-silenzju tal-Prim Ministru kull meta nisimgħu b’dawn l-istejjer. Jaqa’ f’silenzju simili bħal ta’ dak l-astronawta li jibqa’ jorbita mal-qamar mingħjar ma jmiss miegħu. Ma jlissinx kelma waħda bl-iskuża li hu ma jindaħalx fid-deċiżjonijiet tal-bordijiet, fosthom dak taċ-ċensura.
Qisu m’għandux opinjoni u li l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem ma jaqgħux fir-“remit” tal-Prim Ministru, għalkemm mhux l-ewwel darba fejn meta qaqbillu irramba bir-ras, bord u mhux bord. Bħal qamar għandu żewġ naħat . Dik imdawla u dik mudlama .

L-ADT fil-qamar
Immaġinaw kieku għandna t-toroq fil-qamar . Immaġinaw li kieku hemm l-ADT li toħroġ bi skema li kull min jilmaħ toqba jrid jibgħat SMS u kull toqba timtela. Nista’ nassigurakom li t-toqob kollha li nilmħu bil-mijiet tagħhom bit-teleskopju fuq wiċċ il-qamar kieku żgur li kollha għadhom hemm.
Fil-qamar titfarraġ b’ħaġa waħda żgur, li fil-silenzju tiegħu, b’atmosfera nieqsa minn kull gravità, m’hemmx il-fares li naraw jagħmlu dawk li suppost huma r-Regolaturi ta’ pajjiżna. Ibda mill-Awtorità Marittima, kompli bil-MEPA u tant oħrajn sakemm tispiċċa fiċ-Ċirku tal-kummiedji bl-isem ta’ Awtorità Dwar it-Trasport .
Għal perjodu twil ta’ żmien għaddew eluf ta’ Maltin biż-żmien. Kulħadd jibgħat l-SMSs jirrapporta d-dħahen fit-triq . Għal żmien twil kulħadd jaħseb li xi ħadd qiegħed jagħti kas ta’ dawn il-messaġġi meta fil-fatt ma kien qiegħed jiġri xejn. Għall-Gvern qisu m’hu jiġri xejn, anzi qisu lanqas għandu x’jaqsam ma’ din il-farsa nazzjonali. Bilkemm ma nibdewx nemmnu li hu vittma daqs kull wieħed minna .
L-ammissjoni pubblika tal-ADT tirriduċi ruħha fit tliet kelmiet: ġbidna saqajn in-nies. Is-soluzzjoni ċara u faċli. Apoloġija u ejja ħalli mmexxu. Jekk ma tridx, qishom għamlu pjaċir lil kulħadd meta ħabbru li issa tassew ser jibdew jagħtu kas dawn il-messaġġi . Għalhekk kollox imqarar, maħfur bl-assoluzzjoni b’kollox iżda mqar daqsxejn ta’ penintenza.
Kulħadd jibqa’ fejn ikun qisu ħadd m’hu responsabbli għal dak li ġara. Il-Prim Ministru, bħas soltu, qisu għandu ħalqu mimli bil-kolla. Lanqas nisimgħu b’riżenji ta’ politiċi u uffiċjali biex talinqas jinbagħat il-messaġġ li min jiżbalja jrid iwiegeb. Bħal meta qiegħed fil-qamar, titla’ ’l fuq iva, tinżel b’sabta le, għax il-gravità żero.
Min jaf kemm eluf ta’ flus intefqu f’messaġġi li kienu kontinwament u sistematikament qegħdin jiġu njorati. L-importanti li ma taqbiżx l-ammont stabbilit mil-Liġi mqar b’ewro għax mill-ewwel tinqatagħlek kull għajnuna soċjali. Għar-Regolaturi li jgħaffġu l-flus mhux problema u m’hemmx għalfejn li xi ħadd iwieġeb .
Kif tista’, meta tara dan kollu, ma jagħtikx tal-qamar?

 

Intervista
Il-mimmi ta’ għajnejhom

Harry Vassallo jintervista lil Consiglio D’Amato




Wenzu Mintoff
Spazjali



Carmelo M. Bonnici
Fejn spiċċa s-Soċjaliżmu?



Joe Ellis
Chi va Piano va sano e va lontano



Toni Abela
Il-qamar fil-bir


Il-Punt - Moira Delia
L-annimali

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan