Intervista | 19 ta’ Lulju 2009 Nr 143
Harry Vassallo jintervista lil Consiglio D’Amato
Ftit jista’ jkunu n-nies li meta tiltaqa’ magħhom iqawwulek qalbek bil-preżenza tagħhom biss. Consiglio D’Amato hu wieħed minn dawn il-ftit. Ta’ 92 sena (jgħaġġel jagħmilhom 93 billi jagħlaq sninu x-xahar id-dieħel) mimli mhux bl-għomor biss iżda b’ottimiżmu, saħħa, aġilità u intelliġenza li jgiddbu l-biżgħat komuni tax-xjuħija.
Twieled f’Ħal Qormi fl-1916, it-tielet minn disat itfal. “Missieri Ġużeppi kien raġel sabiħ, tant li l-qassis li żewġu kien qabblu mal-istatwa tal-patrun tal-parroċċa u minn dakinhar baqa’ bil-laqam Ta’ Wiċċ San Ġorġ,” qalli Consiglio.
Ommu Anna bilfors iżżewġet lil missieru għax ħabbitu billi flus ma kellux. Xogħlu kien li jtella’ t-tjur mill-irziezet tal-madwar sas-suq tal-Belt. Kellhom 10 itfal meta ġurnata minnhom Ġużeppi ma reġax lura d-dar mix-xogħol. Kien miet f’inċident meta nqalgħet r-rota tal-karettun tiegħu, waqa’, ħabat rasu u baqa’ tal-post.
“Rajna l-għaks ta’ veru, il-ġuħ,” jgħidli Consiglio b’ħarsa mingħajr ħjiel ta’ stedina biex nitħassru. Fl-1926 ma kien hemm l-ebda għajnuna soċjali. Fil-pront jirrakkontali waħda mill-fares ta’ kuljum li l-faqar kien joħloq.
“L-iskola tal-Gvern kienu jriduna mmorru libsin iż-żarbun u ommi ma kellhiex biex tixtrilna papoċċ kull wieħed. Papoċċ kien tliet karnijiet iżda kien ikollna nilbsu żarbuna kull wieħed u fuq is-sieq il-ħafja nagħmlu faxxa taparsi weġġajnieha. Darba minnhom is-surmast intebaħ li l-ġurnata ta’ qabel is-sieq li kelli nfaxxata kienet l-oħra. Kelli nwaħħal f’ħija li kien ħa żarbuna b’oħra.”
Ix-xorti tal-familja nbidlet meta ommu Anna sabet moħba fid-dar fejn kienu joqogħdu fi Triq Correa u mil-lum għall-għada xtrat il-post u karozza tal-linja.
“L-ewwel xogħol tiegħi kien ta’ kunduttur fuq it-Traviata. Domt xi tlieta jew erba’ snin imbagħad sibt xogħol ta’ xufier ma’ distributur tax-xorb.”
Biex tqassret il-gwerra
Fl-aħħar tas-snin 30 il-gwerra kienet tinħass Consiglio daħal suldat fl-1937. “Fit-test li għamluli sabu li kont intelliġenti u għamluni kapural. Sibt ruħi naħdem fuq ir-radar. Fil-gwerra kellna tliet settijiet tar-Radar MZPI, Amerikani, u minn iżjed minn 50 ruħ li konna nħaddmuhom, jien biss kont Malti.”
Minkejja li l-ogħla grad li laħaq kien ta’ Bumbardier, il-kontribut tiegħu kien eċċezzjonali.
“Biex l-għadu ma jimmarkaniex kien ikollna nċaqalqu l-apparat tar-radar kull erbat ijiem minn post għall-ieħor. Ġara li meta konna f’xi postijiet ir-radar ma ħadimx sew u kien hemm drabi meta l-għadu daħal fuqna mingħajr ma ndaqqet is-sirena tal-air raid warning meta fil-fatt dan l-apparat kellu jkun kapaċi jurina l-ajruplani tal-għadu huma u jogħlew mill-art fi Sqallija.
“Ir-raġuni kienet li meta konna narmaw r-radar fuq xi barriera mirduma, jew fejn kien hemm il-metall fil-ħamrija, dan kien itellef ħafna. Biex nagħmlu tajjeb għalih kont ipproponejt lis-superjuri tiegħi li nixtru xibka tal-metall biex nifirxuha taħt l-apparat biex inżidu fil-preċiżjoni tiegħu. Kienet ġiet tiswa xi £1,300 iżda dakinhar li ħaddimniha waqqajna 62 ajruplan tal-għadu. Din is-sistema bdiet titħaddem kull fejn kien jintuża r-radar.”
Meta ntemmet il-gwerra il-Bumbardier Consiglio D’Amato ngħata diversi midalji iżda ngħata wkoll premju billi ntbagħat fuq vjaġġ ta’ vaganza għal ħames xhur.
“Kont għażilt li nqattagħhom fuq il-Cardigan Bay billi l-Messman abbord kien ħabib tiegħi.”
Western Radio Service
Wara 12-il sena fl-armata D’Amato kien f’qagħda li jitlaq u jibda negozju għal rasu. Kien diġà ilu mfittex għas-sengħa li kien kiseb u kienet ħaġa naturali li jidħol għan-negozju tar-radjijiet.
“Bdejt fi Triq Inguanez fir-Rabat imbagħad fi Strada Rjali l-Ħamrun fejn għad għandna l-Western Radio Service. Bil-fama li kelli mill-bidu nett in-nies dejjem fittxet li tixtri mingħandi. Meta daħal it-television kont stabbilit u bigħejt għexieren tal-eluf ta’ settijiet black and white qabel ma daħal il-kulur. Stajt ninvesti fil-proprjetà u flaħt ngħin lil ħaddieħor ukoll”.
D’Amato sar benefattur ta’ għaqdiet mużikali, sportivi, filantropiċi u reliġjużi. “Bħala Viċi-President jew President tal-Ħamrun Spartans għal 17-il sena tajt mal-Lm4,000 fis-sena.” Kien ukoll President tal-Każin S. Gejtanu għal 10 snin.
“Il-Każin ħa qabża kbira ’l quddiem f’dawk is-snin,” qalli D’Amato. Ma’ dawn gawdew ukoll l-Istitut ta’ Fra Diegu u l-Iskola ta’ Sant Agata tar-Rabat. “Biex inbniet l-iskola kont nagħti sett tat-television fil-ġimgħa biex jitla’ f’lotterija. F’sentejn inġabru mal-Lm260,000. Stidnuni biex inqiegħed l-ewwel ġebla mal-Arċisqof Gonzi minkejja li kont membru tal-Partit Laburista u jidhirli li kien għadu fis-seħħ l-interdett.”
Tliet elezzjonijiet
Ma setax jonqos li kien imfittex ukoll għall-politika. “Missieri kien ħabib ta’ Wenzu, missier il-Perit Mintoff, u jien u Dom Mintoff hemm biss erbat ijiem bogħod fl-età bejnietna.”
Għalkemm ikkontesta l-elezzjonijiet tal-1966 tal-1971 u tal-1976, qatt ma kien ġie elett deputat.
“Sehmi tajtu mhux biss bħala benefattur iżda wkoll bil-ħames ċnieki tiegħi li bihom tela’ Mintoff fl-1971.”
Domt ftit ma fhimt iċ-ċnieki x’kienu: cinque, ċinkwijiet, ċnieki. Kelma ġdida għalija. F’distrett kruċjali għen biex inqalbet il-maġġoranza billi kiseb voti tal-ħames preferenza mill-Partit Nazzjonalista u li aktarx komplew fuq kandidati Laburisti.
Ħallejt għal darb’oħra l-analiżi ta’ kif imxew il-voti f’dik l-elezzjoni. Kien x’kien il-kontribut elettorali ta’ Consiglio D’Amato jidher li fil-politika ħadem kif ħadem band’oħra: ta mingħajr ma stenna li xi ħadd iroddlu. Ħadd ma jista’ jgħid li ta biex jakkwista billi fil-fatt ġara bil-maqlub.
“Jien qaddisi li ninsa l-ikrah mill-ewwel u nkompli fuq triqti,” qalli D’Amato.
Erba’ mirakli
Jemmen f’xortih u għandu biex. Semmieli żewġ inċidenti li ġraw fi żmien il-gwerra li ġabuh jemmen fil-mirakli: fl-ewwel wieħed kien miexi ftit passi bogħod mill-RSM tiegħu ħdejn iċ-ċimiterju tal-pesta taħt l-Imdina meta waqgħet bomba (basket bomb) li qatlet lill-ieħor waqt li hu ma weġġax.
Darb’oħra kien ħallas lil wieħed minn sħabu biex ikun jista’ jieħu ġurnata frank peress li kien għadu kemm iżżewweġ. Dakinhar sħabu ntlaqtu minn bomba tal-għadu u min kien ħadlu postu kien miet.
L-ewwel żwieġ tiegħu ma’ Theodora Fsadni dam 38 sena sakemm romol iżda kien baqa’ qatt ma sar missier. Kien kiber sew meta żżewweġ lit-tieni martu, Josephine, 46 sena iżgħar minnu. Illum għandhom tliet itfal: żewġt ibniet u tifel, l-iżgħar ta’ 16-il sena. Jien u nintervistah Josephine ħadet ħsieb tqajjem xi punt biex ma jinqabiżx fir-rakkont tiegħu, turini l-midalji tiegħu u r-ritratti tal-familja.
Kienet xhud tat-tielet miraklu billi waqt żjara f’Ruma żewġha, li kien beda jbati bl-ikrah mill-artrite f’minkbu, daħal jinvista fi knisja. “Meta ħareg kien għaddielu kollox. Driegħu li ma setax jużah kien fieq għal kollox.”
Ma semmewlix ir-raba’ miraklu: ir-rabta ta’ bejniethom ma’ uliedhom. Kont xhud tagħha jien. Huma realtà improbabbli iżda vera, qawwija u sabiħa. Iżjed milli nista’ nirrakkonta jien, faħħritu b’għemilha Josephine li dehret kburija u kuntenta li żewġha seta’ jgħid tiegħu f’din l-intervista; faħħrithu b’ħarsitha bintu Consuelo bil-biża’ tagħha li stajt naħqru bil-kitba tiegħi: Iħobbuh! Il-mimmi t’għajnejhom. Josephine semmietli li fl-istudju tiegħu għandu ħajt ċertifikati. L-aqwa ċertifikat li għandu rajtu f’għajnejha hi u ssemmieh.