Intervista | 12 ta’ Lulju 2009 Nr 142
Franica Pulis tintervista lil
Dr Helen Grech
Dr Helen Grech tmexxi d-Diviżjoni tat-Terapija għall-Komunikazzjoni fl-Istitut għall-Kura tas-Saħħa. Hi mexxiet studju nazzjonali dwar l-iżvilupp tad-diskors u l-lingwa fit-tfal Maltin u Għawdxin. Flimkien ma’ Prof. Barbara Dodd, Grech żviluppat assessment apposta għat-tfal f’pajjiżna li jitkellmu bil-Malti, bl-Ingliż jew biż-żewġ lingwi.
Dan l-istudju ġibed l-attenzjoni ta’ pajjiżi oħra fl-Ewropa u anki barra minnha, u grazzi għalih issa jistgħu jidentifikaw minn kmieni tfal li jkunu f’riskju jew ikollhom diffikultajiet fl-iżvilupp tad-diskors u tal-lingwa. B’hekk jipprevjenu problemi aktar serji fil-futur tat-tfal fosthom problemi ta’ mġiba u tagħlim.
Grech tibda billi tispjegali fuq fuq x’inhi r-riċerka li ħadmet u li qed tkompli taħdem fuqha.
“Qed nikkonċentraw l-iktar fuq l-iżvilupp tal-lingwa u d-diskors tat-tfal Maltin, kemm dawk li huma esposti għal lingwa waħda kif ukoll dawk esposti għal bilingwiżmu. Jiddependi wkoll anki mil-livelli li huma esposti għalihom.
“Aħna għandna sitwazzjoni unika: pajjiż żgħir, popolazzjoni żgħira u żewġ lingwi uffiċjali. Din hi sitwazzjoni interessanti għall-Unjoni Ewropea.”
Fil-fatt kienet waħda mir-raġunijiet għaliex ingħataw il-fondi Ewropej taħt il-programm ta’ riċerka FP6. Grech iżżid tgħid li ftit li xejn hawn studju dwar tfal b’bilingwiżmu.
“Qabel kien hawn dik il-leġġenda li l-ġenituri jibżgħu jesponu lit-tfal għal żewġ lingwi iżda fir-realtà r-riżultati qed ikunu pożittivi meta t-tfal jiġu esposti għal żewġ lingwi. Sibna li t-tfal qed ikollhom patterns differenti ta’ żvilupp jekk ikunu esposti għal bilingwiżmu.
“Mill-istudju li għamilna sibna li tfal Maltin minn tliet snin ’il fuq esposti għal bilingwiżmu mhux talli jlaħħqu talli jiżviluppaw b’mod aktar mgħaġġel minn tfal li huma esposti għal lingwa waħda. Sibna wkoll li t-tfal qed ikollhom patterns differenti ta’ żvilupp jekk ikunu esposti għal bilingwiżmu.”
Dawn ir-riżultati jagħtu lok għal interventi kliniċi u ġew ippubblikati f’ġurnal internazzjonali.
“L-istudju sar fuq tfal li qed jiżviluppaw b’mod tipiku l-komunikazzjoni tagħhom. Wara sar ma’ tfal li qed jingħataw terapija fid-diskors.
“Permezz taż-żewġ studji issa t-tfal li għandhom diffikultà b’ħiliet ta’ komunikazzjoni jistgħu jiġu identifikati sa anki minn sentejn jew sentejn u nofs u nkunu nistgħu nirreferuhom mill-ewwel. Qabel kienu jintużaw assessments li ma kinux addattati għax ma kinux magħmulin apposta għat-tfal Maltin.”
Issa pajjiżi Ewropej qed jużaw dan l-istudju Malti bħala sample biex jiżviluppaw it-testijiet għal-lingwi tagħhom. Fost dawk li wrew l-interess tagħhom kien hemm il-Belġju, l-Olanda, il-Finlandja u anki l-Brażil.
Kompliet tgħid: “Ħafna pajjiżi qed ikunu interessati fl-istudju minħabba li qed ikun hemm żieda fit-tfal li jkunu esposti għal iktar minn lingwa waħda, partikularment minħabba l-mobbiltà tal-familja.”
Tispjega għaliex il-bilingwiżmu għat-tfal hu aħjar u kif il-ġenituri jistgħu jipprattikawh ma’ uliedhom.
“Bħalissa qed nippromwovu l-bilingwiżmu. Hemm diversi metodi kif wieħed jesponi lit-tfal għalih. L-importanti hi l-konsistenza.”
Tispjega li tifel biex tgħallmu ż-żewġ lingwi l-aħjar jew ikollu l-omm tkellmu b’lingwa u missieru jkellmu b’oħra biex hu jidra f’pattern u jagħmel distinzjoni bejn iż-żewġ lingwi. Anki li n-nanniet ikellmuh b’lingwa u l-ġenituri b’oħra tista’ taħdem tajjeb. Metodu ieħor li jista’ jaħdem ukoll hu li d-dar it-tifel jidra jitkellem lingwa u l-iskola juża oħra. L-importanti hu li t-tifel ikollu konsistenza.
“Ir-riżultati se jkunu ħafna aħjar ’il quddiem u anki f’qasir żmien. Qabel konna ngħidulhom biex iżommu ma’ lingwa waħda. Imma issa anki globalment qed jgħidu li anki dawk li għandhom diffikultà fl-iżvilupp aħjar li jkunu esposti għaż-żewġ lingwi.
“It-tfal ma tistax tgħid li se jitfixklu għax huma jirnexxielhom jadattaw irwieħhom għas-sitwazzjoni.”
Il-Maltin meta mqabblin ma’ bilingwi ta’ pajjiżi oħra, għandhom aktar jew anqas diffikultajiet biex jikkomunikaw?
“Bħala Maltin qed insiru pjuttost aktar bilingwi minħabba li l-industrija ewlenija hi t-turiżmu. Hi attrazzjoni għat-turisti li jmorru f’pajjiż li fih se jinftehmu.”
Kemm hawn tfal b’diffikultajiet ta’ komunikazzjoni?
“L-istudju epidemijoloġiku għadna ma lestejniehx. Iżda minn erbgħa fil-mija sa 10 fil-mija tat-tfal għandhom problemi fid-diskors. Tistenna li jkollok tnejn jew tlieta minn kull klassi b’diffikultajiet differenti: min tlaqliq, min dyslexia u min xi problemi biex jifhem jew jipproduċi d-diskors jew lingwa.
“Il-problemi tagħhom fil-komunikazzjoni jistgħu jkunu primarji iżda jistgħu jkunu sekondarji minħabba diversi kawżiet bħal nuqqas ta’ smigħ jew diffikultajiet intellettwali li minħabba fihom l-iżvilupp tagħhom ikun aktar bil-mod, jista’ jkun li jsibuha aktar diffiċli biex jitgħallmu jew ikollhom diffikultajiet newroloġiċi bħal celebral palsy.”
Nitħaddtu dwar il-qari u l-importanza tiegħu biex il-ġenituri jikkomunikaw mat-tfal.
“Hu ta’ benefiċċju kbir li l-ġenituri jaqrawlhom u jikkomunikaw magħhom speċjalment illum il-ġurnata li huma mwaħħlin mal-kompjuter u t-televixin. It-tfal għandhom bżonn jikkomunikaw ma’ ħaddieħor u jilagħbu speċjalment ma’ tfal oħra.
“Hi faċli għal tfal tipiċi biex jitgħallmu jikkomunikaw imma ħafna aktar ta’ sfida għal dawk li mhumiex. Hi importanti li dawn it-tfal jingħataw l-għajnuna jew interventi malajr kemm jista’ jkun.
“Qabel kienu jħalluhom saż-żmien ta’ meta jidħlu l-iskola. Taffettwalhom kollox: it-tagħlim fl-iskola u anki l-imġiba tagħhom. Ħafna drabi jkunu frustrati u joħorġu l-frustrazzjoni tagħhom f’imġiba ħażina. Għalhekk tajjeb li jiġu identifikati minn kmieni ħalli bl-għajnuna ta’ speech-language pathologists dawn it-tfal jilħqu l-potenzjal massimu tagħhom fl-iżvilupp tal-komunikazzjoni.
“Aħna nistgħu nindunaw jekk it-tifel hux dyslexic minn ċerti karatteristiċi fid-diskors u fil-lingwa li l-ġenituri tiegħu faċli ma jindunawx bihom. Aħna nistgħu nilqgħu għall-kumplikazzjonijiet. Ma nistgħux nipprevjenu d-dyslexia imma nistgħu naħdmu fuqha mill-ewwel.
“Ħafna tfal li jkollhom diffikultà fil-komunikazzjoni se jkollhom ċans kbir ta’ mġiba challenging. Problemi ta’ mġiba huma spiss assoċjati ma’ komunikazzjoni. Iktar ma naqbduhom kmieni iktar innaqqsu l-frustrazzjoni fit-tfal.”
Ġenitur meta għandu jibda jinkwieta dwar uliedu jekk dawn ma jitkellmux mill-ewwel?
“Minn kmieni ħafna. Dak hu l-messaġġ li rridu ngħaddu. L-iktar l-iktar inserrħulhom rashom jekk il-ġenituri jkunu anzjużi. Jekk jibdew jissuspettaw li hemm diffikultà biex it-tfal jesprimu rwieħhom aħjar jikkuntattjaw speech-language pathologist.
“Jekk it-tifel ta’ sentejn qed juża ftit li xejn kliem u mhux jgħaqqad id-diskors aħjar tarah speech language pathologist u tagħti xi pariri lil min qed jieħu ħsiebu.”
U dwar it-tlaqliq?
“Hemm tfal li jlaqalqu li tkun biss fażi għalihom meta huma ma jkunux fluwenti. Iżda hemm oħrajn li jispiċċaw f’temtim. Jekk il-ġenituri huma konċernati dwar il-fluency aħjar iġibuh fi klinika biex jaraw hix se twassal għal temtim jew le. Uħud mit-tfal jibdew ilaqalqu anki għax tiġi t-tieni tarbija u jagħmlu hekk biex jiġbdu l-attenzjoni. Iżda wisq nibża’ li mingħajr ma jkunu jafu l-ġenituri għandhom imnejn jippruvaw jikkoreġuhom u jagħmlu aktar deni milli ġid.”
Dwar li ma jħossux ċerti ittri bħas-‘s’ u r-‘r’, tgħidli li dawk jaqgħu taħt il-profil ta’ żvilupp tal-ħsejjes. Il-profili huma differenti għal kull lingwa. Huma patterns speċifiċi skont l-età u l-lingwa/i li t-tfal ikunu qed jiżviluppaw. Imbagħad hemm il-profil skont l-età u żvilupp li hu x’jistennew mit-tfal li jitkellmu bil-Malti skont l-età tagħhom.
“Sa erba’ snin nistennew li t-tfal jużaw il-ħsejjes tal-Malti bħall-adulti. Imma mbagħad hemm ċerti ħsejjes li nistennew li jkunu jużawhom ta’ sentejn.”
Grech hi wkoll is-Segretarja tal-IALP (International Association of Logopedics and Phoniatrics) tal-bord eżekuttiv magħmul minn 16-il ruħ, kollha ġejjin minn pajjiż differenti. Hi assoċjazzjoni internazzjonali ta’ professjonisti responsabbli għal individwi b’diffikultajiet ta’ komunikazzjoni jew biex jieklu u jibilgħu. Fiha hemm 58 pajjiż membru.
Għal Grech l-assoċjazzjoni hi wkoll mezz ta’ aktar opportunitajiet għal riċerka u kollaborazzjoni. L-assoċjazzjoni toħroġ linji gwida li l-membri kollha jridu jsegwu fl-edukazzjoni u t-taħriġ u f’kull taqsima oħra.
Pajjiżna, imqabbel ma’ oħrajn, baqagħlu biex ilaħħaq mar-riċerki, tagħlim fl-iskejjel u kura?
“Bħala programm edukattiv fl-Università ta’ Malta u bħala servizz ta’ terapija qed niżviluppaw b’mod sodisfaċenti u b’rata mgħaġġla. Hemm pajjiżi warajna u oħrajn quddiemna. Il-kors tal-Università hu meqjus bħala wieħed ta’ reputazzzjoni tajba u anki jkollna ħafna studenti barranin li jiġu hawn għal semester. Minbarra li jsiru ħafna skambji ta’ tutors u studenti.”
Bħala servizz ta’ terapija hu offrut fil-kura primarja imma anki fl-isptarijiet u f’xi skejjel. Is-servizzi jingħataw anki fid-djar tal-anzjani u fiċ-ċentri
għall-adulti.
“Il-Gvern jagħraf il-bżonn ta’ speech language pathologists imma hemm bżonn li jimpjega ħafna aktar,” temmet tgħid Grech.