Aħbarijiet | 05 ta’ Lulju 2009 Nr 141
Charlot Zahra
czahra@mediatoday.com.mt
Wara li l-gazzetta Illum żvelat fil-ħarġa tal-Ħadd li għadda kif il-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta ma kinitx se żżomm il-wegħda li għamlet sentejn ilu minħabba raġunijiet ekonomiċi, twaqqaf grupp fuq il-Facebook bil-għan li jagħmel pressjoni fuq l-Air Malta biex din treġġa’ lura d-deċiżjoni tagħha.
Il-promuturi tal-grupp akkużaw lill-Air Malta li minkejja li hi l-linja nazzjonali ta’ Malta, xorta waħda “ma tirrispettax lill-Maltin li jixtiequ jinqdew b’ilsienhom.
“Il-linja ‘nazzjonali’ ma tirrispettax element essenzjali mill-identità Maltija bħalma huwa il-Malti biżżejjed biex tistmah imqar daqs lingwi barranin,” sostnew il-promoturi tal-grupp. Huma żiedu jgħidu li ma kienx aċċettabbli “li l-linja nazzjonali tittratta lil Malta u lill-Maltin b’dan il-mod.
“L-Air Malta taf li b’għemilha qed iddejjaq u ddarras lil min suppost qed taqdi,” saħqu l-promuturi tal-grupp li huma nies li għandhom l-ilsien nazzjonali għal qalbhom.
Huwa wrew id-diżapprovazzjoni tagħhom għall-fatt li f’nofs l-2009 “mhux talli l-Air Malta m’għandhiex sit bil-Malti, talli l-Kap Eżekuttiv tagħha fuq it-televixin qal li la s-sit bil-Malti mhux se jżidilhom il-kummerċ mhux lesti li jagħmluh.”
Fil-fatt il-promoturi ta’ dan il-grupp qed iħeġġu lill-membri biex jiktbu email ta’ protesta lill-Air Malta fuq customercare.airmalta@airmalta.com indirizzata liċ-Chairman tal-kumpanija Lawrence Zammit u jikkupjawha lill-Prim Ministru Lawrence Gonzi fuq lawrence.gonzi@gov.mt u lill-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat fuq joseph@josephmuscat.com.
Huma qed jipproponu wkoll lill-membri biex jitkbu ittri ta’ protesta dwar dan is-suġġett fil-gazzetti lokali kollha.
“Jekk nagħmlu pressjoni bil-għaqal inġibuha żewġ u nikkonvinċu lill-Air Malta ġġib ruħha kif jixraq li ġġib ruħha kumpanija li taf xi tfisser il-kelma ‘nazzjonali’,” appellaw il-promoturi tal-grupp fuq il-Facebook.
Fil-fatt, fi ftit tal-jiem biss, issieħbu diġà 172 persuna biex juru l-għadab tagħhom għad-deċiżjoni tal-AirMalta.
Meta tnieda l-portal il-ġdid ta’ l-Air Malta fit-12 ta’ Ġunju 2007, il-kumpannija kienet irċeviet bosta lmenti mingħand ħafna persuni li għandhom għal qalbhom l-ilsien Malti minħabba n-nuqqas tal-ilsien Malti fis-sit elettroniku l-ġdid tal-Air Malta.
Żur http://www.illum.com.mt/2009/06/28/t7.html biex tara l-artiklu ta’ ġimgħa ilu