Aħbarijiet | 05 ta’ Lulju 2009 Nr 141
Julia Farrugia
Il-Gvern għaddej b’eżerċizzju fuq ir-razzett Tal-Għammieri u mhux eskluż li parti minnu tgħaddi għand il-privat.
Din il-gazzetta hi nfurmata li l-Gvern ilu għaddej b’diskussjonijiet għal dawn l-aħħar xhur u ġieli ssemmiet il-possibilità li fl-Għammieri ssir Public Private Partnership.
L-Għammieri li jinsab faċċata tal-Isptar San Vinċenz f’Ħal Luqa għandu rwoli differenti fosthom li jagħmel riċerka siewja fl-agrikoltura u jkabbar numru ta’ prodotti li ħafna drabi jservu ta’ mudell għall-bidwi u r-raħħal Malti.
Tul dawn l-aħħar snin l-Għammieri kien miftuħ għall-pubbliku fost l-oħrajn għat-tfal tal-iskola biex jitgħallmu u jsegwu mill-qrib il-ħidma li tkun qed issir mhux biss fit-trobbija ta’ annimali differenti iżda wkoll fil-kultivar ta’ siġar u pjanti.
Mistoqsi jekk hux minnu li l-Gvern għandu pjani biex fl-Għammieri jkun hemm Public Private Partnership, kelliem għall-Ministru George Pullicino kkonferma li “il-Ministeru bħalissa għaddej b’eżerċizzju biex tiġi stabbilita l-funzjoni li għandu jieħu l-Għammieri fiċ-ċirkostanzi u realtà ta’ llum, fejn il-biedja lokali qed tagħmel avvanz fl-investiment tekniku u operattiv tagħha. Il-Gvern irid ikompli jaġġorna ruħu quddiem din ir-realtà ħalli jara x’funzjoni jista’ jaqdi l-Għammieri f’dan ir-rigward.”
Sorsi qrib din il-Gvern sostnew ma’ Illum li mhux eskluż li wieħed mir-rwoli li qed jissemma għall-Għammieri hu li dan jinfetaħ għall-agro turiżmu. Mistoqsi direttament jekk dan hux il-każ il-kelliem għall-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali ma eskludiex.
Sostna biss li “l-irwol ikun stabbilit ġaldarba jitlesta l-eżerċizzju li qed isir kif imsemmi fit-tweġiba ta’ qabel.”
Tista’ taqra’ aktar dwar x’servizzi joffri l-Għammieri:
http://www.mrra.gov.mt/faq.asp