Intervista | 05 ta’ Lulju 2009 Nr 141

Julia Farrugia tintervista lil Carlos Debattista
Meta kien iżgħar kien jgħid li jrid jingaġġa għal suldat mal-Forzi Armati ta’ Malta. Imma xi ħaġa marret ħażin fil-vista ta’ għajnejh u l-ħolma tiegħu kellu jagħtiha l-ġenb.
“Marruli għajnejja. Għandi l-kundizzjoni Keratoconus, kundizzjoni li taffettwa 10 fil-mija tal-popolazzjoni dinjija. Ikolli nilbes lenses għal tal-apposta,” jistqarr Carlos Debattista.
Ċeda l-ħolma tiegħu. U forsi din l-iżvolta f’ħajtu qed tagħti lilna t-telespettaturi fost l-aqwa xogħol televiżiv lokali. L-aktar xogħol riċenti hi d-drama popolari televiżiva Evanġelisti.
“Kelli nċedi x-xewqa tiegħi. Bdejt nistudja Commerce u Marketing u fl-istess ħin bdejt nikteb.”
U kif jgħid il-Malti b’ċikka żelaq fid-dinja tax-xandir. Iltaqa’ ma’ Abigail Mallia li ħajritu jaħdmu produzzjonijiet flimkien.
“Malli tinżel ix-xemx tiġini l-muża. Idealment filgħodu kmieni imma meta tkun taħdem u tagħmel sigħat twal, l-istorja hi differenti,” jispega l-kittieb.
L-arti hi fih. U bħal kull min il-ħsus tiegħu jittrasmettihom bil-pinna, jgħaddi mill-esperjenzi fejn ċerti ideat jiġuk fl-aktar ħinijiet strambi tal-ġurnata, fosthom x’ħin tkun qed tipprova torqod.
“Ikolli noħroġ mis-sodda u nikteb,” jgħid bi tbissima.
Fl-istaġun li għadda Evangelisti kien segwit b’udjenzi għoljin. Il-pinna, l-istampa u d-dettal kien mirqum. Sigħat twal ta’ sagrifiċċji personali mit-team kollu tal-produzzjoni. Fir-realtà Evangelisti ħalla qligħ finanzjarju?
“Ma tantx. Id-drama hawn Malta hi a very rough cookie. Il-valur tad-drama mhux li tagħmel il-flus imma li tistabbilixxi lilek innifsek fis-suq. L-udjenzi veri japprezzaw ix-xogħol tajjeb. Dik qed narawha. Naħdmu xeni b’ħafna dettal, b’ħafna atturi. Hemm xogħol kbir.
“It-tir tagħna hu li naħdmu għal barra minn Malta. Dak hu l-pass li jmiss. Drama għal barra minn Malta. Qed ninvestu anke fit-teknoloġija u l-apparat tagħna,” jiżvela Debattista.
Għal dawk li ħasbu li Evangelisti waqaf ħesrem sejrin żball. Mill-14 ta’ Lulju kull nhar tat-Tlieta, l-Erbgħa u l-Ħamis fl-22.00 fuq One TV se jibdew ir-ripetizzjonijiet.
Eżatt wara f’Ottubru tibda s-serje ġdida.
“It-tibdil se jkun kbir. Bdejna nipplottjawha u bdejna niktbu. Hemm ħafna sorpriżi. Tinsiex ħallejna lil Dwardu fix-xifer, lil Georgette b’tir f’daharha, Gordon skopra min hu l-Markiż, Solomon qed jinduna li m’għadux safe…”
Nitolbu jagħtina aktar ħjiel.
“Diġà bdejna niktbu karattri ġodda. Se naħdmu xi filming barra nerġgħu ukoll,” jitbissem Carlos.
Fil-pront jidħol l-attur Justin Farrugia biex iġib xi ħaġa u b’subajgħ jiġbed sinjal minn naħa għall-oħra ta’ għonqu:
“Ara, Carlos. Ara ma …,” iwiddbu biex ma jpaċpaċx iżżejjed u jżomm il-karti kollha rashom ’l isfel.
Imma x’ħin joħroġ nimbotta għal aktar. Ftit negozjar u naslu.
“Dieħel karattru stabbilit ħafna. Personalità popolari. Mara,” imbagħad iżomm il-brejk għax jintebaħ li qal ħafna u fil-pront jgħidli:
“Insomma, ġejjin żewġ stejjer ta’ mħabba tajbin.”
Fl-ewwel sensiela Evangelisti kien b’pinna u xeni skuri. Minsuġa flimkien kien hemm numru ta’ stejjer li jmissu ma’ dak li hu moħbi fis-saffi differenti tas-soċjetà: l-użura, il-pedofelija, il-ġlied. Magħhom hemm magħġuna storja li titfa’ messaġġ favur id-donazzjoni tal-organi u għarfien dwar sitwazzjoni ta’ persuna nieqsa mid-dawl.
“B’Evanġelisti ridna nbiddlu l-istil tagħna. Wara Giselle ridna nwarrbu għal kollox il-fantasija ta’ storja li ssaħħar. Daqshekk fairy tale. Jien niddejjaq malajr. Inkun irrid nibda proġett, inlestih u nibda xi ħaġa kompletament differenti.”
Uħud mix-xeni f’Evangelist kienu tant reali li qanqlu emozzjonijiet kbar fost it-telespettaturi, inkluż fuq l-użura.
“F’Evangelisti jien u Abigail għamilna n-nisġa tal-istorja, il-plotting. Jien nuża kollox. Ma’ kulmin tiltaqa’ għandu storja.
“Il-fatt li ħdimt il-Belt iltqajt ma’ ħafna stejjer soċjali. Kellna feedback kbir. Kien hemm min qalilna: ‘Dik l-istorja tiegħi. Minn fejn smajtuha?”
Anke l-lingwaġġ hu wieħed partikolari, niġbidlu l-attenzjoni. Ix-Xelini iqaxxar il-parti u jitfa’ dawn fuq tiżrit li nisimgħuh fil-ħajja ta’ kuljum.
Ġieli kien hemm reżistenza għal dan il-lingwaġġ?
“Karl hu attur ta’ talent u kittieb hu wkoll. Hu stess għallimni ħafna. Inħallieh fil-libertà li jissuġġerixxi affarijiet. Il-frażi ‘these days’ li juża f’Evangelisti daħħalha hu. Għoġbitni ħafna u użajnieha.
Importanti li nirriflettu fuq ċerta tip ta’ realtà. F’ċertu tip ta’ ambjent ma tistax toqgħod iddur mal-lewża. Ma tridx tesaġera. Imma trid tagħti d-doża t-tajba fil-ħin it-tajjeb,” ikompli.
“Il-Malti meta jitlef il-boxxla juża kliem aħrax, mhux neċessarjament dagħa. Jekk tgħid ‘iż-żikk’ waqt ġlieda żgur li mhix reali.”
“Iva, sibna reżistenza u kummenti għal-lingwaġġ minn ċerti nies u entitajiet pubbliċi.”
Skont Carlos waslu rapporti li f’ċerti skejjel kien hemm għalliema li talbu lill-ġenituri biex ma jħallux lil uliedhom jaraw din id-drama.
“Però naħseb li rridu niffaċjaw ir-realtà. Wasal iż-żmien li jekk irridu navvanzaw fit-televiżjoni u fil-mod kif nirrakkuntaw l-istejjer irridu nużaw ċertu lingwaġġ. Jien naraha kważi fuq livell ta’ ipokrezija li m’aħniex lesti niffaċċjaw ir-realtà ta’ min aħna.”
Sa ftit tas-snin ilu Debattista kien jaħdem kuljum il-Belt kapitali fil-proprjetà: ibigħ djar li jinsabu l-Belt stess. L-imħabba tiegħu lejn il-Belt hi kbira. Hi dik li tnebbħu f’ċerti xeni: it-toroq imtarrġa u l-libsa differenti li tinżel fuq il-Belt hekk kif jibda jidlam.
“Il-Belt Valletta hu l-fattur li jispirani. Il-Belt hi teżor. Ftit nies jafu bis-sbuħija ta’ veru li ssawwar lill-Belt. Il-Belt fiha l-misteri tagħha. Speċjalment bil-lejl. Hemm Belt li ftit nies jafu biha …”
Jistqarr li jekk it-team ta’ Take2 jagħmel serje għal barra minn Malta “tkun ġennata li ma nbigħux il-Belt u s-sbuħija li għandha.
“Jien naħseb li għadhom ma identifikawx il-potenzjal kbira f’Malta permezz tad-drama. Ara kemm jintefqu eluf mill-MTA. Din tad-drama hi niċċa li s’issa għadha ma ġietx esplorata.”
Ta’ solliev għal dawk li jħobbu d-drama lokali fl-istaġun li għadda kellna nifs ieħor ġdid. F’Evangelisti rajna ħafna uċuh ġodda imma li għandhom livell ta’ reċtar li jispikka, naturali u mingħajr tqanżiħ. Ħafna minnhom kienu talent moħbi u spiċċaw quddiem il-kamera grazzi għall-għajnejn għarriexa tat-team ta’ Take 2 li għażilhom minn korsijiet tad-drama li għamlu magħhom matul is-sajf ta’ qabel.
Ftit ġimgħat oħra l-korsijiet tad-drama se jiftħu mill-ġdid.
“Diġà applikaw 200 persuna. Minn kull età. S’issa l-iżgħar persuna għandha seba’ snin u l-aktar persuna ‘mgħobbija’ ta’ 51 sena,” jgħidli Carlos.
Iqalleb fil-file u jinżel ritratt ta’ tifla b’wiċċ li jkellmek għat-televiżjoni. It-tfittxija għal talent ġdid reġgħet bdiet … min jaf min se jkun fuq is-sett il-ġdid ta’ Evengelisti?