MediaToday

Wenzu Mintoff | 28 ta’ Ġunju 2009 Nr 140

Bookmark and Share

Faqqiegħ

Iż-żewġ partiti l-kbar li fi żmien jew f’ieħor ħakmu lil dan il-pajjiż it-tnejn li huma għandhom ir-remiżolji u l-memorabilja partikolari tagħhom ġejjin lura minn żmien meta konna, u sa ċertu punt għadna, infittxu dak li jifridna flok dak li jgħaqqadna.
Il-partiti tradizzjonali fl-1976 fettlilhom jimmonopolizzaw għalihom anki wieħed mill-kuluri tal-qawsalla, sal-punt li trid anki toqgħod attent x’tilbes.
M’ilux tgħidx kemm dħakt fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew meta fettilli mmur nivvota bi flok blù jgħajjat u fid-daqqa u l-ħin jiġbidni lejh partitarju Laburista mill-aktar simpatiku, li b’ton semi-serju qalli: ‘X’fettillek ilbist il-blù dalgħodu?”
U kelli b’xi mod inwieġbu li jien qatt m’għamlu bija l-kuluri, u l-blù wara kollox hu l-kulur tal-Madonna qabel ma sar tan-Nazzjonalisti. Mentri r-raġuni vera u proprja kienet li għodu għodu spiċċajt ilbist l-ewwel flokk li ġie għal idejja u qajla għaddieli minn moħħi l-kulur tal-flokk xi sfumaturi politiċi seta’ jkollu.

Invażivi
Il-partiti politiċi jiddilettaw ukoll bil-jiem hekk imsejħa nazzjonali, u bħal donnhom jippreferu li dawn jiċċelebrawhom aktar bħala partit milli bħala pajjiż wieħed. Anki meta jaħarqu l-inċens f’ġieħ is-santi padri tal-patria għandhom ħabta jkunu diviżivi flok jaraw kif se janimaw s-sentiment nazzjonali.
Il-partiti tant huma invażivi li għandhom it-tendenza wkoll li jkopru t-territorju kollu, anki ċerti speċi mill-fawna u l-flora jridu japproprjaw għalihom infushom b’mod esklussiv. Hekk ngħidu aħna lil Ġorġ Borġ Olivier min hu kattiv kien jassoċjah ma’ annimal popolari ħafna fil-penisula Iberika għal raġunijiet li mhux ta’ minn wieħed joqgħod jidħol fihom hawnhekk. Ejja ngħidu wkoll li Borg Olivier kien assoċjat mad-dniefel tal-arma tal-indipendenza, u ħallik li f’ħajjitna qajla rajna dniefel fl-ibħra tagħna ħlief għal dawk domestikati għall-ispettaklu ġo xi tank tal-ilma.

Żwiemel
Min-naħa tiegħu l-Perit Mintoff kien assoċjat ħafna maż-żwiemel, namra li żviluppat tard fil-ġurnata wara l-famuż highjack tal-KLM fl-1973 meta terroristi Asjatiċi kienu niżżlu Jumbo jet fir-runway ta’ Ħal Luqa li ma kellhiex tul biżżejjed biex jinżel ajruplan ta’ dak il-kobor.
Mintoff, frisk mis-suċċess tan-negozjati ma’ Lord Carrington, kien irnexxielu jinnegozja ma’ dawn it-terroristi biex jeħilsu l-ostaġġi u l-ajruplan, u bħala sinjal ta’ rikonoxximent, il-linja tal-ajru Olandiża l-KLM irregalatlu żewġt iżwiemel il-ġmiel tagħhom.
Minn hemm ’l hemm iż-żwiemel u dak kollu li jmur magħhom, bokkli u bwiez tal-cowboys, ġkieket tal-ġilda u nagħal għax-xorti tajba, spiċċaw saru sinonimi ma’ Mintoff.
Karmenu Mifsud Bonnici ta’ bniedem axxettiku li hu, fiż-żmien qasir li għamel bħala prim ministru, ftit li xejn stajt tassoċjah ma’ xi namra partikolari, aktar u aktar fejn tidħol trobbija ta’ annimali.
L-unika ħaġa li naf li kien jintilef għaliha KMB kienet il-lublieba għall-ħelu u l-biċċiet tal-kejk li kienu jdaħħlulu bil-gabarrè fl-uffiċċju tiegħu Kastilja. Imma Karmenu xorta kien tħajjar ikompli bil-qawwa t-tradizzjoni taż-żwiemel li kien beda ta’ qablu billi f’Għawdex fassal superkorsa f’Ta’ Xħajma b’xi 60 stalla meta mhux żgur kien hemm 30 żiemel b’kollox fil-gżira tat-Tliet Għoljiet.

Sunshine
Lanqas Fenech Adami li kien ġej mill-botom tal-istess kors universitarju ta’ Karmenu, mad-daqqa t’għajn ma kienx wisq it-tip li jagħtiha għat-trobbija tal-annimali. L-unika darba li għadha tissemma’ sal-lum li Fenech Adami deher pubblikament qed juri xi forma ta’ affett lejn l-annimali kien meta immigranti Maltin fl-Awstralja lejn l-aħħar tat-tmeninijiet kienu tawh kelba poodle jisimha Sunshine.
Iċ-ċajta dak iż-żmien kienet li filwaqt li l-Perit Mintoff kien ossessjonat li ta’ kull darba li jmur barra l-pajjiż kien jara x’se jġib lura miegħu lejn Malta, u ħafna drabi kien jirnexxilu jġib il-miljuni, u ġieli anki kutri, frieket u skieken minn fuq l-ajruplani kien jobrox, min-naħa tiegħu, Fenech Adami kulma rnexxilu jġib lura miegħu mill-vjaġġi tiegħu kien kelb tal-poodle.

Kappar
Alfred Sant ta’ awtur prolifiku li hu, kien jogħxa jirrakkonta fid-djarju politiku tiegħu l-avventuri ta’ tiġieġ tal-kina li jfaqqsu mingħajr wisq plejtu u żrameċ tal-fniek jitwieldu fil-bosk tal-ġardina tiegħu.
Lawrence Gonzi min-naħa tiegħu, jekk niftakar sew, sa qattusa biss wasal biex irabbi fid-dar tiegħu. Barra l-annimali hemm ukoll is-siġar u pjanti li jistgħu jiġu abbinati mal-politiċi. Hekk ngħidu aħna George Borg Olivier, u b’mod partikolari wieħed mill-ministri tiegħu Carmelo Caruana, kienu jiddilettaw ħafna bil-qronfol fuq il-pavru.
Il-Perit Mintoff jiġi assoċjat ma’ diversi siġar u pjanti, ewlenin fosthom iż-żebbuġ, isem id-dar fejn kien u għadu joqgħod, għas-siġar kbar taż-żebbuġ li jdawruha, li minnhom kien jaħleb mhux biss iż-żejt imma anki biċċiet tal-injam illustrat li kien juża fuq il-mejda tal-ikel taħt il-platti u l-borom jew bħala reċipjenti.
Il-Perit Mintoff ġie assoċjat ukoll mas-siġra tal-kappar għax wara mawra f’Pantelleria, kien twebbel li din tista’ tixxettel liberament f’Malta fuq skala industrijali. Tgħidx kemm kien qala’ kumplimenti għal din l-idea ġenjali dwar siġra li fis-selvaġġ tikber addoċċ, imma li mill-bqija ftit li xejn se tikber fejn eżatt tixtieqha.
Bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien kien hemm ukoll it-tħawwil ta’ eluf ta’ siġar tal-akaċja bħala parti minn proġett ta’ afforestazzjoni li verament ħaddar lil Malta imma li mela wkoll il-pulmuni ta’ ħafna minna bl-ażma.
Fl-aħħar u mhux l-inqas, dak iż-żmien konna nsibu wkoll il-pal tal-bajtar fl-arma tar-Repubblika ferm qabel ma ġie skopert li mill-bajtar tax-xewk jista’ jsir il-liqueur u mill-pal tiegħu tista’ ssir wkoll il-mediċina.
Għal dawk li huma siġar u pjanti, l-era ta’ Fenech Adami z-zokk, u Gonzi l-fergħa tiegħu, norbotha mad-dwieli li biddlu sew parti mill-pajsaġġ Malti fis-sajf minħabba l-esiġenzi tal-prodotturi lokali tal-inbid, hekk kif dħalna fl-Unjoni Ewropea.
Sa ftit tas-snin ilu l-kampanja tagħna kienet tkun niexfa qoxqox qisha deżert u llum tal-inqas jeżistu dawn l-irqajja’ ħodor li kulma jmur qegħdin jikbru bis-saħħa ta’ din ix-xitla li tagħtina l-għenba li tisqina. Imma fuq kollox il-Gvernijiet Nazzjonalisti ta’ dawn l-aħħar snin għax tgħid, norbothom ukoll mal-faqqiegħ jew kif isibuhom ħafna, il-mushrooms.
In-Nazzjonalisti għandhom ħabta kif jittrattaw lill-Maltin ta’ faqqiegħ … iħalluna fid-dlam u fil-għama mill-informazzjoni li suppost għandna dritt għaliha u fl-istess ħin bħal faqqiegħ jitimgħuna d-demel tal-propaganda rħisa tagħhom u jippretendu li nibilgħu kull ma jgħidulna.
Proprju għalhekk il-ħtieġa ta’ stampa indipendenti u ħielsa bħal din il-gazzetta u oħtha l-Ingliża, ta’ opinjoni pubblika b’saħħitha, armata bil-fatti u informazzjoni sħiħa u mhux aktar stmata ta’ faqqiegħ, miżmumha fid-dlam u mitmugħha d-demel.

 

 

Intervista
L-għannej poeta

Franica Pulis tintervista lill-għannej Karmnu Debono il-Pikipak




Wenzu Mintoff
Faqqiegħ



Carmelo M. Bonnici
Il-ħajja u t-teknoloġija



Joe Ellis
Yes, Minister



Emmanuel Micallef
Nibżgħu għat-turisti



Toni Abela
McPolitika


Il-Punt - Dun Pawl Camilleri
Tkissir jew tisħiħ?

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan