MediaToday

Toni Abela | 28 ta’ Ġunju 2009 Nr 140

Bookmark and Share

McPolitika

Hawn il-politika tal-konsum u li tmexxi man-nies. Hawn politika li mhix ta’ konsum iżda hi ta’ sustanza. Ħafna drabi l-politiċi jmorru għal tal-ewwel speċjalment meta jkunu resqin l-elezzjonijiet u jaħirbu dik tal-aħħar. Tal-aħħar mhix popolari u ma għandhiex is-sensazzjonaliżmu li għandha tal-ewwel.
Minħabba din l-attitudni dawk li l-aktar ikunu qegħdin isofru jintesew u jekk ikunu f’inġustizzja jkomplu jegħrqu fiha. Jintesew għaliex f’termini ta’ voti ma jkunux isarrfu ħafna. Għalhekk immorru għall-politika tan-numri u li tmexxi, bħal meta wieħed jiftaħ b’ħanut tal-pastizzi jew hamburgers, jagħmlu ħsara lis-saħħa iżda n-nies ifittxuhom. Parti għax għandhom togħma tajba u parti għax huma rħas.
Iżda dan kollu ma jneħħi xejn mill-fatt li hawn eluf ta’ nies li qegħdin isofru fis-skiet mingħajr ħadd ma jitkellem għalihom. Ikunu waħdiet iżda meta tiġborhom jagħmlu l-eluf. Irrid insemmi xi uħud minnhom.
Dawk li għandhom sieq waħda jew driegħ wieħed. Carmen li daħlet l-isptar għal ħaġa u ħadet marda mill-isptar u spiċċat b’sieq waħda. Kellhom jaqtgħulha sieq minnhom. Ħajjitha u ħajjet il-familja tagħha nbidlet mil-lejl għan-nhar. Biex tgħin lilha nnfisha applikat għall-għajnuna soċjali minħabba din id-diżabbiltà. Qalulha li ma kinitx intitolata għaliex kellha sieq waħda nieqsha u mhux tnejn. Tista’ titfarraġ li f’għajnejn id-Direttur tas-Servizzi Soċjali mhix diformata.
Dawk li jaħdmu u li mhumiex f’union. Ġużeppi jaħdem ma’ kumpanija li timporta u tqassam l-ikel. B’kollox qegħdin sitt ħaddiema. Għandhom daqsxejn aktar mill-paga minima nazzjonali. Is-sorpriża hi li ilhom ’l fuq minn tlett xhur ma jirċievu paga u ma jistgħu jagħmlu xejn. Igergru u min jimpjegahom jgħidilhom li jekk iridu jistgħu jitilqu.
Ġużeppi, bħall-bqija ta’ sħabu, jippreferi jittama li se jirċievi l-paga milli jitlaq u jipprova jsib xogħol ieħor. Jibża’ li jibqa’ fuq l-ixkaffa għax illum għandu l-età. Ebda union ma tista’ taqbeż għalihom u lanqas m’għandna s-sistema ta’ “name & shame” .
Torturi fejn ma hemmx bżonn. Jane u Ryan xtraw post. Wara ċertu żmien sabu li n-nutar ma għamel xejn u tilef il-kuntratt iżda kienu laħqu ħadulu kopja. Huma ħallsu l-flus kollha iżda l-post mhux f’isimhom u biex tgħaxxaqha hemm ukoll il-bank. Dan kien nutar li għamilha lill-għexieren ta’ nies. L-awtorijitajiet jafu b’din it-traġedja ta’ għexieren ta’ nies. Minflok jintervjenu biex isibu soluzzjoni għall-problemi jħallu lil ċittadini onesti jqattgħu lil xulxin il-Qorti. Jane u Ryan tant ma felħux għall-pressjoni li llum qegħdin jisseparaw.
Ġib lil hawn u tiħux ’l hemm. Karistu għandu naqra ta’ negozju u ż-żmien ħażin. Għadu qiegħed iħallas id-dejn mal-bank u l-bejgħ naqaslu mhux bi ftit. Biex il-problemi tiegħu jiġu nkurunati rċieva kont tat-taxxa u theddida miegħu. B’danakollu għadu jistenna li jirċievi rifużjoni mingħand tat-Taxxa għal dak li ħallas żejjed. Jitlob biex dak li għandu jagħti jiġi paċut ma’ dak li għandu jirċievi. It-tweġiba tkun xotta xotta li mhix policy tal-Gvern. Il-Gvern għandu jdejh ħfief daqs ir-riħ biex jieħu iżda tqal daqs iċ-ċomb biex jagħti. Nies li bħalissa għandhom problema ta’ likwidità qegħdin jaraw is-sitwazzjoni tagħhom titgħarraq aktar minħabba sistemi ta’ taxxa nġusti.
Dawn kollha huma stejjer ta’ vera li graw, għadhom jiġru u se jkomplu jiġru. Dawn huma problemi li jolqtu eluf ta’ nies, li għaliex mhumiex massa ta’ nies bl-istess problema ma tantx nagħtu kashom.
Dawn huma l-armata tas-silenzjużi li meta jiġi l-mument, jipprotestaw fis-skiet u bil-pulit. Dawn huma problemi li mhuma popolari xejn ma’ dawk li jipprattikaw
il-McPolitika li tara biss il-voti,

 

Intervista
L-għannej poeta

Franica Pulis tintervista lill-għannej Karmnu Debono il-Pikipak




Wenzu Mintoff
Faqqiegħ



Carmelo M. Bonnici
Il-ħajja u t-teknoloġija



Joe Ellis
Yes, Minister



Emmanuel Micallef
Nibżgħu għat-turisti



Toni Abela
McPolitika


Il-Punt - Dun Pawl Camilleri
Tkissir jew tisħiħ?

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan