MediaToday

Aħbarijiet | 28 ta’ Ġunju 2009 Nr 140

Bookmark and Share

L-Air Malta bla sit Malti

Charlot Zahra
czahra@mediatoday.com.mt

Jidher li l-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta mhix se żżomm mal-wegħda li għamlet sentejn ilu lil Illum li s-sit tal-internet tagħha jkollu l-verżjoni bil-Malti bl-iskuża tal-kriżi ekonomika li laqtet li Malta u lill-bqija tad-dinja.
Mistoqsi dwar x’wassal lill-Air Malta biex s’issa ma żżommx kelmitha kif wiegħdet fl-2007 kelliem għall-linja tal-ajru stqarr li “l-Air Malta kkunsidrat bir-reqqa u studjat l-possibbiltà li tagħmel sit bil-Malti iżda rriżulta li s’issa l-ispiża biex tagħmel dan is-sit ma tiġġustifikax l-investiment finanzjarju neċessarju biex dan iseħħ.”
Żied jgħid kif “dan l-investiment ilaħħaq mal-€100,000 li jinkludu fost oħrajn spejjeż tekniċi u ta’ traduzzjoni.”
“Il-bejgħ addizzjonali li sit bil-Malti jista’ jiġġenera sa issa ma jiġġustifikax l-investiment neċessarju biex jigi żviluppat dan is-sit”.
Mistoqsi jaħsibx li kien wasal iż-żmien li l-linja tal-ajru, li hi proprjetà tal-Gvern Malti – u għaldaqstant tal-poplu Malti – għandha tkun hi wkoll minn ta’ quddiem li tħares l-ilsien nazzjonali ta’ pajjiżna, il-kelliem stqarr kif l-Air Malta, “għalkemm hi kumpanija parastatali, taħdem fuq binarji kummerċjali u d-deċiżjonijiet li tieħu jirriflettu dan l-aspett vitali.”
Hu fisser kif l-industrija tal-avjazzjoni kollha bħalissa għaddejja minn “żminijiet diffiċli, fejn linji kbar tal-ajru saħansitra għalqu, naqqsu l-ħaddiema tagħhom jew irriduċew is-servizzi tagħhom.
“L-Air Malta, bħal-linji l-oħra taħdem f’dan l-ambjent inċert, kompettiv u iebes u għalkemm hi kumpanija tal-Gvern Malti, ma tistax ma tagħtix kas tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha u tal-industrija li topera fiha.”
Mistoqsi meta l-Air Malta kellha l-ħsieb tagħmel il-verżjoni bil-Malti, il-kelliem wieġeb: “L-Air Malta tagħmel sit bil-Malti meta s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha tippermettilha tagħmel dan, la qabel u lanqas wara.”
Mistoqsi biex jindika kif il-kumpanija waslet għal din l-istima u kemm-il kwotazzjoni ħadet qabel ma waslu għaliha l-kelliem baqa’ ma ta l-ebda risposta sakemm morna għall-istampar tard ilbieraħ filgħaxija.
Sentejn ilu kelliem għall-Air Malta kien qalilna l-kumpanija se tintroduċi verżjoni Maltija tal-portal tagħha “mal-ewwel espansjoni għal-lingwi ġodda ippjanata għall-bidu tas-sena 2008.”
Il-Ministeru għall-Investiment, dak iż-żmien responsabbli mill-kumpanija wkoll kien qal: “Dan il-Ministeru jemmen li s-soċjetà tal-informazzjoni Maltija u t-tkattir tagħha jiddependu minn kontenut utli għal udjenzi bil-Malti, u biex ikunu aċċessibbli għal kulħadd il-kontenut għandu kemm jista’ jkun ikun bil-Malti. Il-Ministeru hu nfurmat li l-Air Malta se timplimenta fil-futur qarib verżjoni Maltija tal-portal il-ġdid tagħha.”
Iżda din id-darba il-Ministeru għall-Finanzi, li llum hu responsabbli għall-Air Malta, din id-darba ma ħariġx għonqu biex jassigura li l-Air Malta tagħmel il-verżjoni bil-Malti.
Kelliem għall-Ministeru ta’ Tonio Fenech stqarr li l-mistoqsija tagħna “tqajjem punti importanti, però naħseb importanti li nkunu realistiċi. L-Air Malta, fl-aħħar sentejn minn dak l-artiklu, affrontat sfidi kbar.
“L-ewwel kellha prezz tal-fuel rekord; imbagħad il-waqgħa tal-Isterlina u kriżi finanzjarja/ekonomika internazzjonali li wasslu biex it-turiżmu fid-dinja kollha jonqos sew,” qal il-kelliem. “Għaldaqstant hu naturali li finanzjarjament kellha torganizza mill-ġdid il-prioritajiet tagħha.”
“Naħseb li tapprezza li għalkemm id-disponibbiltà ta’ sit bil-Malti jgħin ukoll, il-prijorità ewlenija tal-Air Malta kien ix-xiri tal-fuel u anke li tkompli tattira turisti f’mument fejn ħafna inqas nies fid-dinja qegħdin isiefru,” sostna l-kelliem li żied jgħid li l-maġġoranza tal-klijenti tal-Air Malta huma barranin.
Mistoqsi jaħsibx li kien wasal iż-żmien li l-Air Malta għandhiex tkun minn ta’ quddiem li tħares l-ilsien nazzjonali ta’ pajjiżna, tenna l-pożizzjoni tal-Ministeru li s-sit bil-Malti ma kienx fost il-prijoritajiet tal-linja nazzjonali tal-ajru bħalissa.
Iżda Prof. Manwel Mifsud, Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università, mhuwiex tal-istess fehma.
“Mad-dnub oriġinali tagħha, jiġifieri li ma tirrispettax l-ilsien Malti u l-konsumaturi Maltin, żiedet tnejn oħra: li lanqas tagħti kas tal-ilmenti tal-klijenti tagħha u li ma żżommx kelmitha magħhom,” stqarr Mifsud.
“Dan juri nuqqas ta’ sensittività u arroganza kbira min-naħa tal-Air Malta. U lanqas hu negozju tajjeb,” tenna Mifsud.
Mistoqsi minn din il-gazzetta jekk il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti kienx reġa’ intervjena mal-Air Malta dwar dan il-każ, Mifsud fakkar kif eżattament sentejn ilu, hu kien diġà kiteb lill-Air Malta dwar dan.
“F’Lulju tal-2007, jien ktibt lill-Air Malta bħala President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti dwar dan in-nuqqas imma l-ittra baqgħet mingħajr tweġiba,” ilmenta Mifsud.
“Ktibt fil-gazzetti kemm-il darba u tkellimt bil-qawwa fil-programm ‘Kellimni bil-Malti’ tal-RTK. Imma l-Air Malta baqgħet siekta,” żied Mifsud.
“Iżda nafu li kelliem għall-Air Malta lil tliet korrispondenti li lmentaw kien weġibhom bl-istess ittra, qisha fotokopja waħda lil kulħadd, u għarrafhom li t-tħollija barra tal-Malti kienet “deċiżjoni kummerċjali” tal-kumpanija. Hu ċar li għall-Air Malta jgħoddu biss l-interessi kummerċjali.”
Mistoqsi jaħsibx li l-linja tal-ajru għandha tħares hi wkoll l-Malti permezz tas-sit Mifsud fisser kif “dan id-dmir tgħid li tħossu anke l-Air Malta nfisha!
“Iffaċċjat b’dawn l-ilmenti sentejn ilu, kelliem għall-Air Malta kien qal lill-gazzetta tiegħek: ‘L-Air Malta minn dejjem kienet minn ta’ quddiem u dejjem ġabet l-interess tal-poplu Malti l-ewwel u qabel kollox... l-Air Malta tirribatti bil-qawwa kollha l-kritika li qed tpoġġi l-interess finanzjarju qabel l-ilsien Malti.
‘L-Air Malta kienet hi, u tibqa’, l-unika linja tal-ajru li tpoġġi l-interess nazzjonali Malti qabel l-interess kummerċjali. U dan hu ppruvat mill-fatti.’
“Dan kien il-paroli... imma l-fatti għadna nistennewhom!” temm Mifsud.

Żur http://www.illum.com.mt/2007/07/15/t1.html biex tara l-artiklu ta’ sentejn ilu

 

 

Intervista
L-għannej poeta

Franica Pulis tintervista lill-għannej Karmnu Debono il-Pikipak




Wenzu Mintoff
Faqqiegħ



Carmelo M. Bonnici
Il-ħajja u t-teknoloġija



Joe Ellis
Yes, Minister



Emmanuel Micallef
Nibżgħu għat-turisti



Toni Abela
McPolitika


Il-Punt - Dun Pawl Camilleri
Tkissir jew tisħiħ?

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan