Aħbarijiet | 28 ta’ Ġunju 2009 Nr 140
Franica Pulis
fpulis@mediatoday.com.mt
Nhar il-Ġimgħa l-Gozo Channel ħabbret li dalwaqt it-trasport tat-tiben, ħuxlief jew UN 1372, meqjus bħala tagħbija perikoluża skont il-liġijiet internazzjonali marittimi, se jibdew jitgħabbew fuq l-MV Gaudos biss. Dan minħabba li din it-tip ta’ tagħbija tista’ tieħu n-nar malajr meta tkun imxarrba jew ikkontaminata biż-żejt.
Il-Kaptan Fritz Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-Gozo Channel, staqsejnieh x’wasal biex ħarġu dan l-avviż. Hu qalilna li l-kumpanija għaddejja minn proċess kontinwu biex ittejjeb is-servizz tagħha għall-klijenti kif ukoll mil-lat ta’ sigurtà.
“It-tagħbija ta’ tiben taqa’ taħt il-kodiċi internazzjonali marittimi ta’ tagħbija perikoluża (IMDG code) u minħabba li hemm skeda apposta għal tagħbijiet perikolużi, xtaqna navżaw lill-klijenti tagħna li jġorru t-tiben minn Malta għal Għawdex jew bil-kontra, li dan it-tip ta’ kummerċ dalwaqt se jibda jinġarr fuq il-vapur MV Gaudos li hu attrezzat apposta.
“Minflok nirrifjutaw li ngħabbu vetturi li jġorru t-tiben, ħassejna li aħjar ngħarrfu u nedukaw qabel dwar din is-sitwazzjoni, ħalli ladarba nimplimentaw din ir-regola internazzjonali l-klijenti ma jiġux affettwati ħażin. Iżda jkollhom ċans ibiddlu l-iskedi tagħhom ta’ meta jaqsmu bil-baħar mal-vapur tagħna, li hi darbtejn f’ġimgħa,” spjega l-Kaptan.
Żied jgħid li l-intenzjoni tagħhom hi li jekk ikun hemm bżonn jiltaqgħu ma’ min iġorr biex jispjegawlhom aħjar x’inhi s-sitwazzjoni kif ukoll il-limitazzjonijiet li huma imponuti fuq il-kumpaniji mill-kodiċi nnifsu.
“Mhix l-intenzjoni tagħna li ntellfu fl-operat ta’ min iġorr it-tiben imma sempliċiment li nirregolaw it-trasport tiegħu fl-interess tal-passiġġieri kollha,” sostna Farrugia.
Mistoqsi jkunx hemm ħafna kummerċ ta’ dan it-tip il-Kaptan wieġeb: “M’għandniex tagħrif ta’ dan it-tip. Iżda kif tista’ timmaġina t-trasport tiegħu hu marbut max-xhur tas-sajf u r-rebbiegħa.”
L-avviż jgħid ukoll li l-Kaptan se jirrifjuta merkanzija tat-tiben jew ħuxlief jekk tkun maħlula, niedja, imxarrba jew kontaminata biż-żejt. Il-balal tagħha għandhom jitgħattew b’inċirata jew linoleum ħlief meta titgħabba f’kontenituri magħluqa.
Din l-informazzjoni qiegħda fil-kodiċi tal-IMDG volum 2 paġna 57. Skont dan il-kodiċi dawn it-tip ta’ tagħbijiet jitgħabbew biss fuq il-Gaudos fuq vjaġġi skedati bħala merkanzija perikoluża u l-Gozo Channel trid tkun avżata dwarhom minn qabel.