MediaToday

Aħbarijiet | 28 ta’ Ġunju 2009 Nr 140

Bookmark and Share

Ir-riċessjoni tnaqqas is-safar tal-Maltin b’20%

Qed iħallu għall-aħħar biex jibbukkjaw u qed isiefru għal btala ta’ tlett ijiem

Julia Farrugia

ll-minġel tar-riċessjoni ta daqqa ta’ ħarta lill-operaturi turistiċi Maltin. Kenneth De Martino, President tad-Direttorat tat-Tour Operators fi ħdan il-FATTA, isostni li “ir-riċessjoni affettwat bil-kbir lill-operaturi. Il-bookings tal-Maltin li se jsiefru naqsu b’20 fil-mija meta mqabbel mas-sena li għaddiet.”
F’eżerċizzju li din il-gazzetta għamlet ma’ numru ta’ operaturi Maltin jirriżulta li għal dan is-sajf il-Maltin qed jagħżlu safriet iqsar, bl-aktar favoriti qed ikunu l-weekend breaks lejn destinazzjonijiet eqreb lejn id-data.
Il-mewġa tar-riċessjoni ġabet magħha wkoll xejriet ġodda, ewlenija fost dawn hi li l-Malti waqt li qabel kien jaħsiblu għas-safra tas-sajf minn Ottubru tas-sena ta’ qabel, issa qed iħalli saħansitra għal ġimagħtejn biss qabel il-btala.
Kenneth De Martino, li hu wkoll id-Direttur Maniġerjali ta’ KD Travel, qal li ħafna operaturi u linji tal-ajru qed jiġġieldu din is-sitwazzjoni billi jagħmlu offerti speċjali u traħħis. B’dan il-mod hu ttammat li din is-sena tkun salvata,
“Nista’ nikkonferma li l-operaturi turistiċi qed jaħdmu ħafna aktar qrib xulxin biex il-flights ikunu kemm jista’ jkun mimlija,” qal De Martino.
Għal KD Travel Ċipru, Disneyworld f’Pariġi, Reggio Calabria/Sqallija u Lourdes huma l-aktar destinazzjonijiet li mxew mal-Maltin għal dan is-sajf.
Fuq l-istess spirtu ta’ argument jitkellmu Norman Hamilton, Direttur Maniġerjali ta’ Hamilton Travel u Noel Farrugia, Kap Eżekuttiv u Direttur tal-Britannia Tours.
“Qed ikun hemm ħafna nies li qed jibbukkjaw tard. Fejn soltu jibbukkjaw minn xhur twal qabel, issa qed iħallu anke sa ġimagħtejn qabel,” sostna Hamilton li jisħaq li r-riċessjoni ġabet bidla fix-xejriet tal-preferenzi fil-Maltin.
“Il-cruises fil-Mediterran jibqgħu l-forte tagħna. Minn Ottubru kellna l-bookings lesti u nista’ ngħid li lħaqna l-miri li nimlew is-60 kabina kull ġimgħa.
“Innutajna tnaqqis fil-cruises fit-tul u li jitilqu mill-Istati Uniti. Dan il-fattur mhux marbut biss mar-riċessjoni iżda wkoll mas-swine flu,” ikkonferma Hamilton.
Imbagħad l-aktar destinazzjonijiet li qed jimxu mal-Hamilton huma l-Kroazja, Pariġi u Disney, weekends f’Ċipru segwiti minn pakketti qosra għal tmiem il-ġimgħa kollox inkluż fi Sqallija.
“Ir-riċessjoni ħolqot xenarju differenti. Kumpaniji bħal Emirates biex jegħlbu din il-mewġa billi bdew joffru offerti veru tajbin fosthom li b’€200 (Lm85) wieħed seta’ jmur Ċipru f’lukanda ta’ ħames stilel. Linji oħra, fosthom l-Airmalta, għandhom jibdew jikkunsidraw dawn it-tip ta’ offeri biex ma jiħdux daqqa ta’ ħarta,” qal Hamilton.
Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-Brittania Tours, jgħid li “Morna għal xejriet fejn il-bniedem iżomm lura milli jitlaq il-flus minn idejh. Jerħi l-flus meta toqrob il-ġurnata tal-btala. Il-Malti qed isiefer iżda l-patterns ta’ qabel spiċċaw. Il-Malti qed iffittex btajjel ta’ ċertu prezz.”
Għal Britannia l-aktar destinazzjonijiet li nbigħu kienu s-Slovenja, il-Costa Brava u l-Italja ta’ Fuq, l-aktar Garda u Croazja.
L-operaturi kollha jsostnu li Lourdes baqgħet popolari għalkemm naqqset ħafna meta mqabbel mas-sena li għaddiet. Dan jista’ jkun dovut għall-fatt li s-sena l-oħra Lourdes iċċelebrat il-Ġublew, u l-avveniment storiku attira lejh influss akbar is-sajf li għadda.
Il-Eurotours ukoll tikkonferma x-xejriet negattivi fis-safar. Pio Saliba, Direttur Maniġerjali qal li “ir-riċessjoni qed tinħass sew. Fejn soltu f’Mejju nkunu mlejna t-tours kollha issa l-affarijiet huma differenti.
“In-nies qed tħalli għall-aħħar biex tibbukkja. Dan apparti li l-iswine flu wasslet biex numru ta’ persuni preferew jistennew biex jaraw jekk il-virus hux se jinfirex f’aktar pajjiżi,” sostna d-Direttur Maniġerjali tal-Eurotours.
U d-destinazzjonijiet favoriti? Is-settur tal-Eurotours għażel aktar it-Toscana fl-Italja filwaqt li pakketti deskritti bħala “orħos” bħal Costa Brava żammew il-post tagħhom. Iżda skont il-Eurotours il-klijenti tagħhom żammew il-btajjel deskritti bħala ‘upmarket’ li jkunu b’tul ta’ 10 ijiem jew aktar.
“Inġenerali imma s-sitwazzjoni hi diffiċli,” spjega Pio.
“Jista’ jkun għax fis-suq hemm ħafna aktar operaturi u pakketti,” sostna.

 

 

Intervista
L-għannej poeta

Franica Pulis tintervista lill-għannej Karmnu Debono il-Pikipak




Wenzu Mintoff
Faqqiegħ



Carmelo M. Bonnici
Il-ħajja u t-teknoloġija



Joe Ellis
Yes, Minister



Emmanuel Micallef
Nibżgħu għat-turisti



Toni Abela
McPolitika


Il-Punt - Dun Pawl Camilleri
Tkissir jew tisħiħ?

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan