Aħbarijiet | 28 ta’ Ġunju 2009 Nr 140
Harry Vassallo
Il-bieraħ filgħaxija għal darb’oħra ġie ppreżentat lill-pubbliku l-pjan tal-Perit Renzo Piano għall-Bieb il-Belt li jaħseb għal bini ġdid għall-Parlament fejn illum hemm Misraħ il-Ħelsien, il-bini mill-ġdid tat-teatru tal-opra u disinn ieħor għad-daħla tal-Belt. Dan it-tibdil għandu jsir fi żmien tliet snin u nofs u jiġi jiswa mat-€80 miljun.
Bid-disinn il-ġdid it-triq li llum tgħaddi minn fuq Bieb il-Belt titneħħa u minflokha jinbnew żewġ rampi mill-ġnub li jwasslu għal Triq ir-Repubblika.
F’dan il-pjan il-ġdid il-foss ta’ quddiem Bieb il-Belt hu maħsub li jingħata ħajja ġdida u jipprovdi wisgħa oħra għall-pubbliku fl-inħawi tal-Belt billi ma jibqax biss parkeġġ għall-karozzi.
Bidla kruċjali hi l-bini mill-ġdid tal-pont quddiem Bieb il-Belt li jidjieq biex jonqos l-effett li għandha l-wisgħa tiegħu bħalissa li tħallih xi ħaġa bejn pont u pjazza. Piano qal li “Pont idjaq hu maħsub li jagħti sens aqwa ta’ wasla fil-belt kapitali u jqawwi l-effett ta’ żvelar hekk kif wieħed jgħaddi mill-bieb u tinfetaħ quddiemu Triq ir-Repubblika.”
Il-bini tal-Parlament propost hu struttura moderna li fl-ewwel sular għandha l-ħitan tal-ħġieġ fejn għandu jitwaqqaf Mużew tal-iŻvilupp Politiku. Dan il-bini jinqasam f’żewġ partijiet, dik qrib it-teatru fiha l-Kamra tad-Deputati waqt li l-parti l-oħra fiha l-uffiċċji tal-Parlament.
It-teatru hu maħsub li jerġa’ jinbena fl-istess post u li tintuża parti sew minn dak li fadal minnu bħala qafas jew pediment waqt li jitkompla b’materjal modern bħall-ħġieġ u l-metall. Wara snin twal ta’ kontroversja dwar l-użu tal-post jidher li din tista’ tintemm billi fil-fatt l-użu tiegħu se jissokta wara waqfa ta’ kważi 70 sena.
Piano beda r-relazzjoni tiegħu ma’ Malta u ma’ dan il-proġett fl-aħħar tas-snin 80 u kien ippreżenta l-ewwel edizzjoni tiegħu 25 sena ilu. Dakinhar ir-reazzjoni negattiva kienet wasslet biex il-Gvern waqqaf il-proġett.
Bejn edizzjoni u oħra kienet saret proposta ta’ żvilupp fi żmien il-Gvern Laburista li kienet taħseb għall-użu kummerċjali ta’ parti sew mis-sit. F’dak il-każ ukoll il-proġett kien waqaf wara li saret kritika qawwija.
Biex il-Gvern jikkummissjoni din it-tieni edizzjoni kellu jiftiehem mal-grupp ta’ żviluppaturi Maltin li kienu ntgħażlu fis-sejħa għall-offerti li kienet ħarġet. F’Jannar li għadda meta tħabbar li Piano kien reġa’ tqabbad għal dan il-proġett, il-Ministru Austin Gatt kien qal li dawn l-iżviluppaturi Maltin kienu qablu li jċedu d-drittijiet tagħhom.
Kritika li kienet saret lill-ewwel pjan li ppreżenta Piano kienet li ma kienx iqis sew l-effett tiegħu fuq iċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku fil-Belt.
Bl-għibien tat-triq ta’ fuq Bieb il-Belt f’din l-aħħar edizzjoni t-tibdil fiċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku fil-Belt hu akbar u hu mistenni li jqajjem reazzjoni iżjed qawwija minn residenti u minn dawk li jaħdmu l-Belt.
Id-daħla tal-Belt, il-Bieb proprju, se jinbidel f’numru ta’ fetħiet dojoq fis-sur. L-aħħar binja ta’ dan il-bieb qerdet 32m mis-sur u l-pjan il-ġdid jerġa’ jagħlaq din il-fetħa bil-ġebel u l-ħadid bl-iżjed mod sempliċi u jħalli biss fetħiet dojoq miftuħin għas-smewwiet.
Piano fisser li l-għeluq tal-pjazza bil-bini tal-Parlament imur sew mal-effett tal-Belt li “żżid fl-intensità tagħha mill-fatt tal-kompressjoni tal-ispazju mill-bini”.
Waqt li Piano kien stqarr f’Jannar li kien kuntent li dan hu proġett pubbliku u mhux wieħed kummerċjali li kien jitlob kompromessi akbar, l-għażla diretta ta’ Piano mill-Gvern mingħajr ma saret kompetizzjoni internazzjonali jista’ jkollha effett fuq il-pjan jekk il-Gvern hux biħsiebu japplika għal xi fondi mill-UE biex iwettqu. Madankollu l-Kamra tal-Periti wriet is-sodisfazzjoni tagħha għall-għażla ta’ Piano meta din tħabbret peress li opra eċċezzjonali bħal din kienet titlob il-pinna ta’ arkitett ta’ fama internazzjonali bħalma hu Piano.
Mhux tal-istess parir il-Perit Venezjan Giovanni Trevisan li ħejja wirja tal-proposta tiegħu għall-istess proġett biex taħbat fl-istess waqt li l-wirja tal-proposta ta’ Piano tkun miftuħa għall-pubbliku fil-Mużew tal-Arkeoloġija. Trevisan sostna li biex Malta tikkwalifika għall-għajnuna finanzjarja fi progett ta’ €80 miljun l-parti tad-disinn tiegħu, li f’dan il-każ ipprovda Piano, trid tkun miftuħa għall-kompetizzjoni internazzjonali wkoll u mhux biss il-parti tat-twettiq tal-proġett.
Hu mistenni li għal darb’oħra din il-proposta tqajjem kontroversja qawwija iżda l-fatt biss li reġgħet tqajmet tindika li l-Gvern daħal għaliha b’insistenza u li jkun irid iwettaqa fiż-żmien maħsub ta’ tliet snin u nofs biex ix-xogħol jitlesta ftit qabel l-elezzjoni li jmiss.
Fi stqarrija l-Partit Laburista sostna li l-preżenza tal-partit għall-preżentazzjoni tal-pjanti trid tfisser li minkejja li l-Gvern ma nvolva lill-PL fl-ebda stadju, il-partit se jibqa’ pożittiv u lest jikkontribwixxi kulfejn jidħol l-interess nazzjonali.
“Il-viżjoni tal-PL tmur lil hemm minn sempliċiment kif għandha tidher id-daħla tal-Belt Valletta. Nemmnu f’Belt li ma tkunx biss vetrina iżda qalb ekonomika u kulturali tħabbat ta’ pajjiżna,” qal il-Partit Laburista.
“Huwa essenzjali li jkun stmat sewwa kemm se jiswa l-proġett, minn fejn se jiġu l-flus, u meta se jitlesta, filwaqt li nkunu ċerti li dan isir mingħajr il-ħela u dewmien li rajna fi proġetti oħra.
“Dan għax fi żminijiet ta’ diffikultajiet għall-familji, b’żieda fil-kontijiet u fit-taxxi, huwa importanti aktar minn qatt qabel li l-Maltin u l-Għawdxin ikunu ċerti li l-flus mit-taxxi tagħhom ma jkunux qed jinħlew u jkunu tassew qed joħolqu l-ġid.”
|
|

Franica Pulis tintervista lill-għannej Karmnu Debono il-Pikipak
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef

Toni Abela
- Dun Pawl Camilleri
|
|
|