Aħbarijiet | 28 ta’ Ġunju 2009 Nr 140
Franica Pulis
Sal-bieraħ kien hawn Malta l-Perit Giovanni Trevisan, li ġie minn jeddu xi 50 darba biex jaħdem fuq il-pjanti ta’ Bieb il-Belt u t-Teatru Rjal. Issa reġa’ ġie biex jispjega xogħlu għax jemmen li xorta għadhom validi minkejja li l-Gvern iddeċieda fuq Piano.
“Ħdimt fuq din it-tema għax kif wasalt Malta u rajt s-sit fi stat degradanti u ta’ abbandun ixxukkjani għax dan hu l-bieb għad-daħla ta’ Malta. Il-Belt hi bla ruħ kif inhi. In-nies kollha li jagħmlu parti minnha b’xi mod jew ieħor tonqoshom xi ħaġa. Hi belt ta’ zombies mimlija b’attività li ma tagħmilx sens. Jien li jien Venezjan din nista’ ngħidha: ma fihiex ruħ.”
Trevisan jqis lilu nnifsu bħala bennej qabel perit. Hu għamel bosta proġetti, uħud minnhom id-daqs ta’ Malta. Ġie kemm-il darba f’Malta f’dawn l-aħħar snin u tkellem ma’ bosta ministri u mal-Prim Ministru Gonzi u qatt ma talab sold. Iżda minkejja x-xogħol kollu, li hu jippjana li jitlesta f’sentejn u jiswa €10 miljuni, xorta l-proġett għadda għand Renzo Piano. Il-proġett ta’ Piano se jiswa mat-€80 miljun u jitlesta f’erba’ snin.
“Nemmen li t-Teatru Rjal għandu jinbena bħala xogħol tal-2009 iżda bl-ispirtu ta’ meta nbena oriġinarjament bħala l-kontenitur tal-ispirtu jiġifieri ma jinbeniex għal għan politiku u lanqas kummerċjali.
“Tkun ġennata li terġa’ tibnieh kif kien. Il-pjan hu li nagħmel il-bini aċċessibbli mid-dawra tiegħu kollha mingħajr il-bżonn li n-nies jidħlu fih u fuq nett ikun hemm kafetterija panoramika.”
L-idea tiegħu hi li l-fdalijiet jiġu restawrati u ġo fihom tinbena kaxxa bi ħġieġ oħxon li n-nies jista’ jkollhom aċċess għaliha mingħajr il-bżonn li jidħlu fiha. Hu assigura li l-ħġieġ mhux se jħalli effett serra għax hu oħxon mat-18ċm u meta jkun hemm bżonn ta’ privatezza għal waqt xi spettaklu jinżlu t-tined.
Jitkellem dwar l-ewwel sular, kbir 1,000m2, li jqis bħala l-aktar importanti. Fih tista’ tibni teatru li jakkomoda 150 ruħ jew sala għall-wiri jew tal-konferenzi.
“L-importanti hu l-ispirtu mbagħad ir-ruħ li tista’ tagħti l-ħajja. Caravaggio jiġbed attenzjoni dinjija. Gonzi u l-Parlament ma naħsibx li se jiġbdu lil xi ħadd.”
Caravaggio hu ppjanat li jkollu sala dedikata għalih fit-tieni sular bil-wirja tal-Fondazzjoni Caravaggio ta’ Malta: Mostra Impossibile, li ittellgħet fl-2003.
“Il-bini jrid ikun kaxxa kbira li tista’ taddattah għal kollox. Jekk illum għandek bżonnu sala għall-wiri u għada teatru bis-siġġijiet elevati tista’ tagħmilha.”
Hu jemmen bil-flessibilità għax ħafna mill-bini li ddisinja mar lura fih kemm-il darba biex jerġa’ jbiddel ċerti strutturi kull meta jinbidel is-sid tal-post.
Jgħaddi għall-pjazza li hu jqisha bħala l-“kontenitur ta’ kuljum” u li fiha tista’ tilqa’ attività kummerċjali, amministrattiva u ta’ żvog.
“Il-pjazza trid tkun l-għeluq naturali fejn ittemm il-ġurnata. Trid tkun imżejna bl-aħdar, b’passaġġi maħluqin b’ġebla Maltija, bi ġnejniet, żoni ta’ logħob jew mistrieħ u funtani.”
Jispjega li f’Pariġi l-Louvre iġorr l-ispirtu u l-piramida ta’ ħdejh li hi d-daħla għall-mużew, hi l-kontenitur ta’ kuljum. Il-piramida fiha minn kollox anki stazzjon tal-ferroviji.
“Taħt il-kontenitur ta’ kuljum se jkollna l-Yellow Garage, li hu indispensabbli għax wieħed għandu bżonn l-ieħor.”
Il-Bieb tal-Belt iħoss li għandu jibqa’ u jitnaddaf għad li m’għandux xi valur artistiku. Iħares lejh bħal tal-Vatikan u li kif tmisslu naħa se tmisslu n-naħa l-oħra. Hu jarah meħtieġ l-aktar għax jagħti dimensjoni lill-pjazza.
Fl-aħħar jaħlef li d-disinni tiegħu ma ħadhomx minn ta’ Richard England, kwistjoni li qamet is-sena li għaddiet, għas-sempliċi raġuni li hu ma jaqbilx ma ċerti xogħlijiet li għamel England, fosthom dak li sar fil-Kavallier ta’ San Ġakbu.