Aħbarijiet | 28 ta’ Ġunju 2009 Nr 140
Charlot Zahra
Czahra@mediatoday.com.mt
Kien hemm żvilupp fil-każ tal-għeluq ta’ Family TV ħabta u sabta fil-bidu tax-xahar u l-għibien lejn l-Italja tad-detentur tal-liċenzja Andrew Farrugia. Fil-jiem li għaddew Farrugia għamel kuntatt mal-Awtorità tax-Xandir u talab biex jagħti l-pożizzjoni tiegħu qabel mal-Awtorità tirtira għal kollox il-liċenzja televiżiva lil Far-Fetched Media.
Mistoqsi dwar jekk l-Awtorità tax-Xandir fil-fatt kienx irnexxielha tikkuntattja lil Farrugia qabel ma tirtira l-liċenzja tal-istazzjon, Pierre Cassar, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità kkonferma dan.
“Fiċ-ċirkustanzi jkun opportun li niżvela biss li kien hemm kuntatt bejn id-detentur tal-liċenzja u l-Awtorita’ permezz ta’ e-mail fejn fiha ntalab żmien biex id-detentur ikun jista jagħmel ir-rappreżentazzjonijiet tiegħu skont il-Liġi,” stqarr Cassar.
“Għaldaqstant f’din is-sitwazzjoni, l-Awtorità qed tistenna r-rappreżentazzjonijiet tad-detentur tal-licenzja li jrid isiru fil-ġimgħat li ġejjin,” żied jgħid Cassar.
Huwa fisser kif l-Awtorità kienet bagħtet ittra lil Farrugia “biex titolbu jagħmel ir-rappreżentazzjonijiet tiegħu kif titlob il-Liġi qabel mal-Awtorità tieħu d-deċiżjoni biex tissospendi l-liċenzja u eventwalment tirrevoka l-istess licenzja.”
Mistoqsi meta sar il-kuntatt minn Farrugia mal-Awtorità u jekk ingħatax terminu ta’ żmien speċifiku biex iwieġeb, Cassar qal li kif “il-kuntatt mill-Awtorità sar fil-ġimagħtejn li għaddew u l-kuntatt li sar mid-detentur tal-liċenzja kien permezz ta’ e-mail.
“L-Awtorità b’hekk tat lil Farrugia tliet ġimgħat ċans biex jagħmel ir-rappreżentazzjonijiet tiegħu,” il-Kap Eżekuttiv fisser.
Cassar ma weġibx il-mistoqsija dwar jekk Farrugia fil-fatt kienx laħaq għamel is-sottomissjonijiet tiegħu kif kien talab li jagħmel.
Dwar jekk kienx hemm xi indikazzjoni jekk l-istazzjon fil-fatt kienx se jerġa’ jinfetaħ jew le, il-Kap Eżekuttiv stqarr li “l-Awtorità mhix f’pożizzjoni li tikkummenta dwar jekk Family TV hux se jerġa’ jiftaħ u jibda jxandar.”
Fil-5 ta’ Ġunju 2009, l-Awtorità tax-Xandir kienet ħabbret li kienet bdiet il-proċeduri biex tissospendi l-liċenzja ta’ Family TV.
Il-kumpannija tal-produzzjoniet televiżivi Micabliss Group ilmentat li kienet ħallset eluf ta’ ewro lil Andrew Farrugia u lill-mara tiegħu għall-produzzjonijiet tas-sajf fuq l-istazzjon ftit tal-jiem qabel ma għebu.