MediaToday

Aħbarijiet | 28 ta’ Ġunju 2009 Nr 140

Bookmark and Share

B’mewtu kiseb ġieħu
Michael Jackson (1958-2009)

Sa erbat ijiem ilu kien ikkundannat bħala l-pedoflu tas-seklu mill-mezzi tax-xandir. Mal-mewt tiegħu jerġa’ jikseb lura t-titlu ta’ Re tal-Pop. ILLUM tagħti titwila lejn ħajtu u x’sawwarha.

Il-familja tiegħu
Michael Joseph Jackson twieled fid-29 ta’ Awwissu, 1958 f’Gary, Indiana, li jagħmel parti minn Chicago, f’familja ta’ ħaddiema.
Il-ġenituri tiegħu kienu Afro-Amerikani u żżewġu fl-1949. Il-kantant kien jagħmel minn familja kbira magħmula minn disa’ aħwa – tlett ibniet u sitt subien: Rebbie, Jackie, Tito, Jermaine, La Toya, Marlon, Michael, Randy u Janet. L-ewwel tmienja twieldu bejn l-1950 u l-1961. Janet ġiet ħames snin wara. Michael trabba bħala Xhud tal-Ġehovah minnu ommu Katherine li kienet mara devota ħafna.

Missieru Joseph
Il-kantant kien jibża’ ħafna minn missieru li kien strett u juża ċ-ċinturin fuq uliedu meta jagħmlu xi ħaġa ħażina, xi ħaġa meqjusa normali f’dawk iż-żminijiet.
“Missieri kien jinkini, xi ħaġa li kont nobgħod u li minħabba fiha kont nibki kuljum. Kien hemm żminijiet meta kien jiġi jarani li kont inħossni ma niflaħx u nibda nirremetti,” kien stqarr lil Oprah Winfrey fl-1993.
Iżda grazzi għal missieru li Michael u ħutu kisbu l-fama. Fil-ħamsinijiet hu kien idoqq ir-R&B ma’ ħuh f’band, The Falcons, li ma damitx wisq. Sakemm twieldet oħthom iż-żgħira, it-tliet subien il-kbar – Jackie, Tito u Jermaine – kienu diġà bdew il-grupp tagħhom. Michael u Marlon daħlu fih iktar tard.
Missierhom ra opportunità ta’ karriera mużikali fihom li f’tiegħu ma rnexxietx. Għalhekk ir-rwol ta’ għalliem aħrax u kien iġegħilhom jippruvaw il-kanzunetta b’intensità kbira.

Jackson 5
Meta Michael Jackson kellu 10 snin il-Jackson 5 diġà kienu jdoqqu fuq livell professjonali u jduru l-klabbs. Hu beda jkanta magħhom minn mindu kellu sitt snin. Ta’ tmien snin sar il-kantant ewlieni flimkien ma’ ħuh Jermaine. F’wieħed minnhom rahom il-produttur Bobby Taylor lil ħeġġeġ lil Motown biex jagħmel kuntratt magħhom. Berry Gordy, il-fundatur ta’ Motown, kien qal li huma kienu l-aħħar stilel li ħadem magħhom. Gordy iktar tard sar il-kunjatu ta’ Jermaine ukoll.
Il-grupp għamel suċċess minnufih b’erba’ kanzunetti li telgħu fl-ewwel post. Permezz tagħhom kisbu ħafna ammiraturi kif ukoll programm fuq it-televixin. Iżda kellhom prezz xi jħallsu għaliex is-suċċess wara sar piż.
F’nofs is-sebgħinijiet il-grupp, minbarra Jermaine, imxew għal mal-Epic Records li rrekordjaw magħhom żewġ albums u d-diska ‘Enjoy Yourself’.
F’dawk iż-żminijiet Michael diġà kien beda jispikka. Il-produtturi tal-Epic Records, Gamble u Huff, jiftakruh jieħu interess fl-irrekordjar tat-teknoloġija u kif jinstema’. Għalihom li fl-1979 ħareġ għal rasu Off the Wall ma’ Quincy Jones bħala produttur kienet mossa tajba.

It-telgħa għall-quċċata tal-karriera mużikali
B’‘Off the Wall’ ma’ Quincy Jones biegħ 20 miljun kopja madwar id-dinja u permezz tiegħu Jackson rebaħ tliet premji importanti. Minkejja s-suċċes il-kantant ħass li xorta seta’ jagħmel ħoss akbar.
Fl-1982 wara li ħareġ id-diska ‘Someone in the Dark’ għall-film E.T the Extra-Terrestrial li biha kiseb Grammy għall-Aħjar Album għat-Tfal. Fl-istess sena ħareġ ‘Thriller’ u kiseb suċċess ta’ barra minn hawn. Il-kanzunetta damet fl-ewwel post għal 37 ġimgħa u fil-quċċata tas-suċċes bigeħ miljun kopja fil-ġimgħa. Sal-lum id-diska biegħet mal-50 miljun kopja madwar id-dinja u hija l-aktar waħda li nbiegħet fl-Istorja tal-mużika pop.
Il-vidjo tagħha, twil 14-il minuta, witta t-triq għal vidjos mużikali li ġew warajh inkluż ‘Scream’, li kien ħadem m’oħtu Janet fl-1995 li swiet $7 miljun u probabbli hu l-aktar vidjo li sewa flus.
Is-suċċess tiegħu tista’ tgħid wassal għall-falliment tiegħu għax l-album ‘History’, li biegħ seba’ miljun kopja, tqies li kien falla.
Fl-1983 iddebutta ż-żifna magħrufa tiegħu ‘Moon Walk’ fil-programm televiżiv ‘Motown 25: Yesterday, Today, Forever’. Sena wara rebaħ tmien Grammy’s u beda l-Victory Tour ma’ ħutu. F’dan iż-żmien sar ħbieb ma’ Paul McCartney.
Fl-1987 ħareġ l-ewwel album ‘Bad’ li għamel suċċess kbir iżda inqas bejgħ minn ‘Thriller’. Fl-2008 l-album laħaq biegħ it-30 miljum kopja madwar id-dinja. It-tour tal-album dam sentejn u ta 123 kunċert quddiem 4.4 miljun ruħ. It-tfal żvantaġġati kienu jitħallew jidħlu b’xejn u mill-qligħ kien jagħti ħafna donazzjonijiet lill-isptarijiet u orfanatrofji.
Fl-1988 ħareġ l-ewwel awtobijografija tiegħu: ‘Moon Walk’ li ħadet erba’ snin biex titlesta. Il-laqam King of Pop ngħatalu fl-1989 minn ħabibtu Liz Taylor meta kien qed jagħmel ħafna flus mill-bejgħ tal-albums biss.

Il-kulur tal-ġilda
Jingħad li l-ewwel li għamel kien f’imnieħru meta kellu xi 20 sena wara li kissru waqt li kien jiżfen. L-operazzjoni ma kinitx ta’ suċċess ghax baqa’ jbati bi problemi tan-nifs. Għalhekk baqgħu jsirulu l-operazzjonijiet fuq imnieħru.
Wara saret anki bidla f’geddumu, fil-forma tas-suf t’għajnejh, f’xuftejh u ħalqu u li hu jgħid li kienu riżultat ta’ pubertà, telf ta’ piż, dieta stretta, bidla fl-istil tax-xagħar u dwal fuq il-palk.
Ħafna jsostnu li l-kantant għamel operazzjoni kosmetika biex jiċċara l-ġilda għalkemm hu jsostni li l-kulur tal-ġilda nbidel minħabba l-marda vitilgo li qabditu fl-1986 li hi marda kronika komuni li biha l-ġilda tiċċara (depigmentation) u li għamlitu sensittiv għax-xemx.

Uliedu
Il-kantant għandu tlett itfal, l-ewwel tnejn mill-infermiera dermatologa tiegħu, Jeanne Rowe li żżewwiġha wara li ħarġet tqila b’binhom Michael Joseph Jackson, Jr (Prince). Wara kellhom lil binthom Paris Michael Katherine Jackson.
Il-koppja kienet iltaqgħet fit-tmeninijiet waqt li kien qed jiġi kkurat mill-marda fil-ġilda. Hi għamlet snin twal tikkurah u tagħtih appoġġ emozzjonali. Il-ħbiberijet tagħha żviluppat fi storja ta’ mħabba. Huma ddivorzjaw fl-1999. Huma baqgħu ħbieb u Rowe tagħtu l-kustodja totali ta’ wliedhom.
It-tielet iben twieled fl-2002: Prince Michael Jackson II (Blanket). Isem ommu qatt ma ħareġ fil-pubbliku iżda l-missier qal li t-tifel kien riżultat ta’ inseminazzjoni artifiċjali. Hu kien l-iben li spiċċa mdendel mill-gallarija tal-lukanda f’Berlin meta missieru ħareġ jurih lill-ammiraturi tiegħu.
It-tfal issa għandhom 12-il sena, 11 u sebgħa u ħadd ma jista’ jispjega kif il-ġilda tat-tifla hi bajda karti. Il-kustodja tagħhom wisq probabbli teħodha nannithom Katherine.

Il-każ tal-pedofelija
Fl-1993 kellu l-ewwel akkuża ta’ pedofelija minn iben ħabib tiegħu li kellu 13-il sena. Omm it-tifel qatt ma qablet ma’ binha u l-każ waqa’ minħabba nuqqas ta’ provi wara li l-Pulizija fittxew fid-dar-palazz ta’ Jackson.
Minn hemm il-kantant sar dipendenti fuq pilloli tort tal-istress li ġarrab u saħansitra waqqaf it-tour ‘Dangerous’ madwar id-dinja.
Fl-2003 nfetħu seba’ każi ta’ abbuż sesswali kontrieh mill-istess tifel wara li ntwera dokumentarju jismu ‘Living with Michael Jackson’, meta t-tifel kellu 14-il sena. Il-kantant m’aċċettax l-akkużi u qal li qatt ma kien hemm irqad b’sess intenzjonat. Ħabibtu Liz Taylor ħarġet tiddefendih u tgħid li hi kienet preżenti meta kollha kienu fis-sodda jaraw it-telexivin.
“Ma kien hemm xejn stramb dwarha. Ma kienx hemm tbagħbis. Dħaqna bħat-tfal u rajna ħafna films tal-Walt Disney.”
Matul l-investigazzjoni l-profil mentali tal-kantant kien eżaminat speċjalizzat, Stan Katz, li qatta’ bosta sigħat miegħu. Katz qal li Jackson kien reġa’ mar lura għal tfulitu u sar tifel ta’ 10 snin u li l-profil tiegħu mhuwiex ta’ wieħed pedoflu.

Iż-żwieġ ma’ Lisa-Marie Presley
Iż-żwieġ tagħhom dam ftit inqas minn sentejn bejn l-1994 u l-1996. Kien hemm ħafna li qalu li kien falz u sar biex inaqqas l-attenzjoni minn fuq il-każ ta’ pedofelija. Iżda Presley issostni l-kontra:
“Nemmen li kien iħobbni bħalma kien kapaċi jħobb lil kwalunkwe persuna u jien kont inħobbu ħafna,” qalet ilbieraħtlura Presley fuq il-blog tagħha, li jinsab fuq http://bit.ly/5wR7p. Fih tkellmet dwar iż-żwieġ tagħhom u x’wassal ukoll għad-divorzju.
Hi qalet li l-eks żewġha kien jaf li ħajtu se tintemm bħal ta’ missierha Elvis Presley, li wkoll kien miet b’attakk f’qalbu tort ta’ pilloli preskritti iżda fl-età ta’ 42 sena. Erbatax-il sena ilu kien qalilha xi jħoss.
“Ridt ‘insalvah’ minn dak li kien inevitabbli li għadu kif ġara. Anki familtu u min kien iħobbu xtaq ‘isalvah’ imma ħadd ma kien jaf kif…
“Kien forza dinamika li ma kienx ta’ min ma jagħtix kasha. Meta kien jużaha fit-tajjeb kienet toħroġ l-aħjar tagħha iżda meta kien jużaha ħażin ir-riżultat kien ikun ħażin ħafna…
“Għejjejt emozzjonalment u spiritwalment nipprova nsalvah minn imġiba distruttiva… Kont mgħaddsa f’din il-kwistjoni imma jien kelli nieħu ħsieb lill-uliedi wkoll. Għalhekk kelli nieħu l-aktar deċiżjoni diffiċli: li nitilqu għal xortih anke jekk kont inħobbu u ppruvajt inwaqqfu.”
“Jien fortunata li kont ersaqt daqshekk viċin tiegħu u li qattajt dawk is-snin miegħu. Nispera li issa jitneħħa mit-tbatija, pressjoni u l-inkwiet. Ħaqqu jkun ħieles minn kollox u nispera li qiegħed f’post aħjar.”

 

 

Intervista
L-għannej poeta

Franica Pulis tintervista lill-għannej Karmnu Debono il-Pikipak




Wenzu Mintoff
Faqqiegħ



Carmelo M. Bonnici
Il-ħajja u t-teknoloġija



Joe Ellis
Yes, Minister



Emmanuel Micallef
Nibżgħu għat-turisti



Toni Abela
McPolitika


Il-Punt - Dun Pawl Camilleri
Tkissir jew tisħiħ?

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan