MediaToday

Aħbarijiet | 28 ta’ Ġunju 2009 Nr 140

Bookmark and Share

L-Għassa tal-Victoria b’dehra ġdida

Kav Joe M Attard
emarjos@hotmail.com

Sa fl-aħħar ix-xewqa tiegħi (u ta’ ħafna naħseb!) li nara l-Għassa tal-Pulizija li għandna fil-Belt Victoria tingħata dehra ġdida qed isseħħ. Diġà sar xogħol utli ħafna fuq il-balavostri li kienu għoddhom waqgħu u ttieklu mill-melħ u issa qed tingħata face-lift kif imiss lill-binja nnfisha. Ta’ dan ħaqqhom prosit uħud mill-pulizija stess li kapaċi jmiddu idejhom u b’hekk jiġu wkoll iffrankati ħafna flus.
Nixtieq nifraħ lis-Supretendent il-ġdid li ntbagħat Għawdex li qed jagħmel l-almu kollu biex dan il-post fil-qalba ta’ beltna jkompli jingħata d-dehra li jixraqlu. B’hekk il-Korp ikollu l-Għassa ewlenija tiegħu fi stat tajjeb u attraenti kif jixirqilha istituzzjoni serja u importanti bħal din.
Ħafna mill-pubbliku jirrikorri hawnhekk għal xi bżonn: pulizija ħerġin u deħlin; oħrajn iqattgħu hawn sigħat sħaħ ‘on duty’. U allura importanti li kull min jidħol hawnhekk isib ambjent fejn jilqgħu.
Ix-xogħol tal-pulizija mhux wieħed faċli u allura ejjew ma nkomplux nagħmluhulu iktar diffiċli imma tal-inqas nipprovdulu ambjent fejn ikun jista’ jaħdem bla problemi u dwejjaq żejda. Il-poplu tagħna għandu jkollu kull rispett lejn il-pulizija li 24 siegħa kuljum issibu fit-toroq tagħna u dejjem lest biex tinżamm l-ordni u tonqos il-kriminalità.
Il-membri tal-Korp jingħataw ħafna taħriġ u tagħlim qabel jibdew iħabbtu wiċċhom man-nies. Teżisti l-Akkademja tal-Pulizija li tgħallem lill-membri l-ġodda dwar bosta aspetti tal-ħajja. Jien niftakar mhux darba u tnejn kien iċempilli l-Avukat Guido Saliba meta kien għadu direttur ta’ din l-Akkademja u jitlobni ndawwarlu gruppi ta’ pulizija ġodda mal-gżira Għawdxija u nitkellem magħhom dwar l-aspett storiku tagħha.
Fis-snin twal li domt ngħallem il-Malti l-Liceo tagħna, żgur li minn fost il-mijiet ta’ studenti li għaddew minn taħt idejja kien hemm uħud li marru pulizija. Uħud ma waqfux hemm imma komplew jistudjaw u javvanzaw fil-Korp. Niftakar ukoll lill-Pulizija tiġi Għawdex f’Jum il-Pulizija u tagħti wirjiet bil-klieb fil-Menqa ta’ Marsalforn.
Lill-Korp f’Għawdex ngħidulu grazzi mill-ġdid tas-servizz li qed jagħtina u prosit lil dawk kollha li qed jaħdmu biex beltna jkollha mill-ġdid, wara ħafna snin ta’ telqa, Għassa diċenti u attraenti, kif wara kollox, jistħoqqilha! Mhux biss imma s-Super il-ġdid qed jagħmel ħiltu biex ħafna mill-materjal jiksbu b’xejn minn għand ħbieb u kumpaniji u b’hekk jiffranka ħafna flus lill-Kaxxa ta’ Malta. Anke x-xogħol qed isir mill-membri stess u b’hekk qed jiġu ffrankati eluf kbar ta’ liri! Prosit għal inizjattiva bħal din u kulmin iħoss li jista’ jgħin b’xi mod m’għandux joqgħod lura imma javviċina l-Għassa tar-Rabat u joffri sehmu: kull laqxa tirfed l-imramma!
Ta’ min ifakkar li l-irħula Għawdxin għandhom l-Għassa tagħhom kif ukoll xi wħud mill-bajjiet tagħna. Veru li x-xogħol il-kbir bosta drabi jaqa’ fuq l-Għassa ewlenija li għandna fil-Belt Victoria, iżda l-għases tal-irħula wkoll għandhom l-importanza tagħhom b’mod speċjali fejn għandek irħula kbar.
Wieħed ma jridx jinsa ċerti bajjiet li fis-sajf jkunu mdewda bin-nies u b’ħafna Maltin u barranin li jagħżlu li jiġu fostna għall-btajjel tas-sajf. L-irħula wkoll iħossu l-ħtieġa tal-Għassa tal-pulizija waqt il-festi titulari li għadhom kif bdew kif ukoll waqt xi attività kulturali li tista’ ssir minn żmien għal żmien u li tiġbed folol kbar ta’ nies.
Importanti li kull għassa tingħata l-kura u l-attenzjoni li jixirqilha biex b’hekk tkun tista’ taqdi dmirha sewwa lejn iċ-ċittadin. Il-preżenza tal-Għassa fir-raħal jew belt hija wkoll garanzija u ta’ serħan il-moħħ għan-nies tal-post li jafu fejn għandhom jirrikorru f’każ li jinqala’ xi aċċident, xi maltemp, xi inċident tat-traffiku, xi serq jew xi problema oħra.
Il-pulizija mhux qiegħed hemm biex ibeżża’ lin-nies, imma għal kuntrarju, biex jgħinhom. Huwa l-ħabib tagħna li dejjem lest biex jgħinna u jiftħilna għajnejna.
Ngħidulu grazzi u nwiegħduh kull għajnuna fil-qadi ta’ dmirijietu.

 

 

Intervista
L-għannej poeta

Franica Pulis tintervista lill-għannej Karmnu Debono il-Pikipak




Wenzu Mintoff
Faqqiegħ



Carmelo M. Bonnici
Il-ħajja u t-teknoloġija



Joe Ellis
Yes, Minister



Emmanuel Micallef
Nibżgħu għat-turisti



Toni Abela
McPolitika


Il-Punt - Dun Pawl Camilleri
Tkissir jew tisħiħ?

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan