Aħbarijiet | 28 ta’ Ġunju 2009 Nr 140
Julia Farrugia
Illum tista’ tikkonferma li b’effett mix-xahar li għadda l-Gvern naqqas bin-nofs il-flus li kien qed jagħti lill-immigranti li jagħżlu li minn rajhom imorru lura lejn pajjiżhom.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ikkonferma li sa nofs Mejju li għadda, taħt il-proġett DAR 1 u DAR 2, l-immigranti kienu qed jitħallsulhom il-vjaġġ lura lejn pajjiżhom u jingħataw €5,000 kull wieħed biex jibdew ħajja ġdida. Il-maġġoranza tal-flus, 75 %, kienu qed jingħataw mill-Unjoni Ewropea.
Il-fond dam jitħaddem mill-2007 sa nofs Mejju li għadda u b’kollox ibbenefikaw 171 persuna: 161 raġel u 10 nisa.
Il-pajjizi li marru lura fihom l-immigranti kienu l-Kyrgystan, is-Sudan, il-Ghana, in-Nigerja, Niger, Mali, Cameroon, Senegal u Etjopja.
Iżda figuri ġodda li għandha f’idejha Illum jikkonfermaw li l-flus li qed ikunu offruti għar-ripatrijazzjoni issa tnaqqsu bin-nofs.
Fi tweġiba għal mistoqsijiet ta’ Illum il-Ministeru għall-Ġustizzja kkonferma li f’Mejju ta’ din is-sena nieda l-programm RESTART. Dan il-programm qed jittella’ id f’id mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni (IOM) u l-programm hu ko-finanzjat mill-Fond Ewropew tar-Ritorn tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministeru sostna li “kull immigrant jingħata €2,400 biex ikun jista’ jintegra ruħu f’pajjiżu. Il-flus ma jingħatawx fi flus kontanti iżda jiġu amministratii mill-IOM biex l-immigrant ikun jista’ jieħu taħriġ vokazzjonali, itejjeb l-edukazzjoni tiegħu jew biex jiftaħ negozju żgħir.”
L-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni hi preżenti fil-parti l-kbira tal-pajjiżi Afrikani.
F’xahar biss li ilu jkun offrut dan il-programm marru lura lejn pajjiżhom b’mod volontarju tmien persuni. Dawn kienu minn Niġerja, mill-Etjopja, mill-Ghana, mill-Kongo u mis-Sudan.
“Bħalissa hemm 20 persuna oħra li jinsabu fil-proċess li jgawdu minn dan il-programm,” qal il-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Intern.
X’tagħmel l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni (IOM)?
http://www.iom.int/jahia/jsp/index.jsp