MediaToday

Aħbarijiet | 28 ta’ Ġunju 2009 Nr 140

Bookmark and Share

Membri tal-GRTU urtati

Julia Farrugia

Membri fil-GRTU huma rritati għall-mod kif it-trade union tagħhom imxiet matul il-kampanja elettorali għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Numru ta’ membri qed jimbuttaw l-idea li ssir bidla minn fuq s’isfel fit-tmexxija ta’ din l-union.
“Hi tal-mistħija kif il-union tagħna li tippriedka li hi indipendenti saħansitra bagħtet ittra lin-negozji Maltin biex tħeġġiġhom jagħtu l-ewwel preferenza lill-PN permezz tal-kandidat tiegħu Vince Farrugia,” qal membru tal-GRTU lil din il-gazzetta.
Numru ta’ negozjanti Maltin sostnew ma’ Illum li kienu urtati għall-mod kif il-union ippruvat tinfluwenzahom fl-għażla tal-vot tagħhom biex jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista.
Ftit jiem biss qabel l-elezzjoni negozjanti u self-employed Maltin irċevew ittra uffiċjali fuq letterehead tal-GRTU li kienet iffirmata mill-President tal-GRTU Paul Abela.
Fiha, apparti l-eloġji li Abela għamel fuq Vince Farrugia, in-negozjanti ġew mgħarrfa li “il-GRTU b’riżoluzzjoni tal-Kunsill Eżekuttiv qed tappella lis-sidien tan-negozji u lis-self employed Maltin, l-impjegati u l-familji tagħhom kollha biex nhar is-Sibt li ġej, 6 ta’ Ġunju jivvutaw Number 1 lil Vince Farrugia.”
Fl-ittra ngħad li l-istess riżoluzzjoni għaddiet ukoll mill-Kunsill tal-EuroCommerce, l-akbar organizazzjoni Ewropea tar-Retailers u Kummerċjanti fl-Ewropa.
“Hi wkoll qed tirrakkomanda lis-sidien tan-negozji Maltin jivvutaw lil Vince Farrugia għax jemmnu li Vince Farrugia jkun ukoll deputat validissimu f’isem it-traders kollha Ewropej,” kompliet l-ittra.
Is-self-employed li tkellmu ma’ Illum saħqu li ħassewhom skomdi b’din il-pressjoni u mhux eskluż li fil-jiem li ġejjin jirriżenjaw minn ħdan il-union.
“Fl-aħħar waqgħu l-maskri. Tal-inqas ġiet l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew biex sirna nafu x’inhu l-interess veru ta’ wħud mill-persuni li suppost qed imexxu lill-GRTU,” qal sid ta’ ħanut ewlieni f’pajjiżna.
Sadanittant matul dawn l-aħħar jiem il-GRTU wara nuqqas ta’ diversi ġimgħat ħabbret li nhar l-Erbgħa se tlaqqa’ lill-kunsill tagħha.
Ġimgħat ilu l-Union kienet qalet li fl-ewwel laqgħa tal-kunsill se titkellem dwar il-kandidatura ta’ Vince Farrugia. Madankollu membri tal-GRTU ndunaw li fuq l-aġenda ta’ nhar l-Erbgħa hemm kollox barra dan is-suġġett.
Għall-ewwel darba l-membri tal-GRTU ġew infurmati li jekk jixtiequ jiddiskutu xi ħaġ’oħra li hi barra mill-aġenda għandhom jagħmlu dan bil-miktub qabel il-laqgħa.

 

 

Intervista
L-għannej poeta

Franica Pulis tintervista lill-għannej Karmnu Debono il-Pikipak




Wenzu Mintoff
Faqqiegħ



Carmelo M. Bonnici
Il-ħajja u t-teknoloġija



Joe Ellis
Yes, Minister



Emmanuel Micallef
Nibżgħu għat-turisti



Toni Abela
McPolitika


Il-Punt - Dun Pawl Camilleri
Tkissir jew tisħiħ?

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan