Aħbarijiet | 28 ta’ Ġunju 2009 Nr 140
Julia Farrugia
Il-Gvern ammetta ma’ din il-gazzetta li fil-ħames xhur li għaddew nefaq miljuni kbar ta’ ewro biex reġa’ mpjega fit-Tarzna numru ta’ ħaddiema li ftit xhur biss qabel il-Gvern tahom is-somma u rtiraw.
Skont il-Gvern bejn Jannar u Mejju li għadda nefaq €8.8 miljun f’pagi li “il-parti l-kbira mill-ispiża globali ta’ pagi inġenerali tat-Tarzna hi fuq ħaddiema li kienu ħadu s-somma tal-irtirar.” Din hi ripetizzjoni ta’ dak li ġara fil-PBS ftit wara li numru kbir ta’ ħaddiema ngħataw l-iskemi ta’ rtirar kmieni.
F’Settembru li għadda l-gazzetta oħt MaltaToday żvelat li eks ħaddiema tat-Tarzna li kienu għadhom kemm irtiraw reġgħu ġew ikkuntratti mill-ġdid biex jaħdmu fuq xogħlijiet li kienu qed isiru fuq il-Fairmount. Għal mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta mibgħuta ġimagħtejn ilu l-Uffiċċju tal-Ministru Austin Gatt ikkonferma li “l-ispiża ta’ pagi inġenerali tat-Tarzna minn Jannar sal-aħħar ta’ Mejju ta’ din is-sena kienet ta’ €8.8 miljun.”
Skont il-Ministeru din il-figura tinkludi fiha wkoll pagi ta’ dawk li ma ħadux skemi ta’ rtirar. Jidher iżda b’mod ċar li l-akbar ammont ta’ nefqa fil-pagi saret biex reġgħu ġew ingaġġati mill-ġdid eks ħaddiema tat-Tarzna.
Qal ukoll li “Ir-raġuni hi li t-Tarzna riedet tibqa’ għaddejja b’ċertu xogħol u ovvjament żammet in-nies li kien hemm bżonn kemm fuq proġetti li kienu għaddejja kif ukoll fuq funzjonijiet oħra,” saħaq il-Ministeru.
Skont il-Gvern il-ħaddiema li nżammu nżammu fuq bażi ta’ kuntratti qosra li kienu jintemmu meta tispiċċa l-biċċa xogħol partikolari ta’ dak il-ħaddiem.
“Infatti l-ħaddiema naqsu meta tlesta x-xogħol,” iġġustifika l-Ministeru tal-Infrastruttura.
Mitlub jgħid kemm hu l-ammont preċiż li mill-€8.8 miljun mar għall-ħaddiema li ma kinux irtiraw il-Ministeru qal li se jwieġeb din il-mistoqsija madankollu minkejja l-emails u t-telefonati li għamilna għażel li jżomm fommu sieket.
F’ħin minnhom kelliem għall-Ministru Gatt indika li bħalissa l-Ministeru mpenjat ħafna fuq il-proġett ta’ Renzo Piano għall-proġett ta’ Bieb il-Belt.
B’kollox il-Gvern Malti nefaq €64.7 miljun fuq l-iskemi ta’ irtirar għall-ħaddiema tat-Tarzna u ħadu s-somma 1,567 impjegat, 96% tal-ħaddiema kollha fl-ażjenda. Fuq il-kotba tat-Tarzna fadal biss 141 ħaddiem.
Sadanittant, il-Ministru Gatt kien mistoqsi minn Illum jekk l-investigazzjoni dwar it-telf li jingħad li sar b’rabta mal-Fairmount ġietx konkluża. Skont Gatt din għadha għaddejja.
Figuri maħruġa mill-GWU nhar il-Ħamis li għadda jsostnu li l-poplu Malti tilef €80 miljun minn fuq ix-xogħlijiet li saru fuq il-vapur Fairmount.
Immedjata l-kundanna tal-Ministru Austin Gatt li qal li din id-dikjarazzjoni hi “prematura u bla bażi.”
“Qed nistennew l-investigazzjoni indipendenti. Kull entità li toħroġ tattakka qabel ir-riżultati tal-investigazzjoni qed tagħmel hekk biex tħammeġ,” qal il-Ministeru.
Aktar stejjer dwar it-Tarzna:
http://www.maltatoday.com.mt/2008/09/21/t3.html
http://www.maltatoday.com.mt/2009/02/25/t1.html