MediaToday

Sports | 28 ta’ Ġunju 2009 Nr 140

Bookmark and Share

Ir-relazzjoni bejn Justin Haber u Dusan Fitzel deskritta bħala: L-Iran u l-Iraq

Mark Attard

Att xejn mistenni li kien għamel Dusan Fitzel, il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti fil-konfront ta’ Justin Haber, il-gowlkiper numru wieħed ta’ Malta, hija l-kawża kollha tar-relazzjoni xejn tajba li teżisti bħalissa bejn iż-żewġ naħat.
Persuna midħla sew tat-tim nazzjonali Malti li tkellem mal-gazzetta Illum qalilna:
“Bejn it-tnejn spiċċa kollox fix-xejn. Rari jitkellmu u meta jitkellmu għax ta’ bilfors. Il-ħin kollu jnejbu lejn xulxin. Qishom l-Iran u l-Iraq.”
Lura f’Jannar li għadda Fitzel kien bagħat bi prova f’Sheffield lil Lubos Hajduch, gowlkiper Slovakk li seta’ faċilment jieħu post il-Malti f’ċans tajjeb li kien ġieh biex jieħu postu mal-ewwel tim meta l-Blades inqabdu mingħajr gowlkipers.
Ġara li f’Novembru li għadda, Dusan Fitzel, il-kowċ nazzjonali mar Sheffield fejn għamel ftit tal-jiem ma’ Haber jara u josserva il-faċilitajiet ta’ Sheffield United.
Ftit taż-żmien wara Kevin Blackwell, il-kowċ ta’ Sheffield United, kellu xi jgħid bl-ikrah ma’ Paddy Kenny, il-gowlkiper Irlandiż li lagħab dejjem b’mod regolari bejn il-lasti ta’ Sheffield United.
Is-sitwazzjoni bejn it-tnejn tant kemm kienet kibret li l-kwistjoni bejn il-lasti għall-klabb ta’ Sheffield spiċċat tiddependi jew fuq Ian Bennett, gowlkiper ta’ 39 sena jew fuq il-gowlkiper nazzjonali Malti li bl-ikbar probabbiltà kien se jkun hu l-persuna li jibda mal-ewwel ħdax.
Milli jidher, Fitzel approfitta ruħu mis-sitwazzjoni tant li f’telefonata personali li kellu ma’ Blackwell ipproponielu biex jaċċetta bi prova lil dan il-gowlkiper Slovakk. L-istess sorsi tagħna mill-MFA sostnew li dawn huma affarijiet tal-mistħija li minflok li l-kowċ nazzjonali mbotta l-isem tal-gowlkiper nazzjonali pprefera jimbotta isem ta’ gowlkiper li ġej minn pajjiżu u mhux ta’ b’xejn li Haber jinsab ferm urtat u mweġġa’ għal dan kollu.
F’inqas minn ġimgħa ta’ prova ma’ Sheffield Utd, Hajduch ma impressjona xejn lil ħadd tant li kien intbagħat lura minn fejn ġie. Iktar tard is-sitwazzjoni fil-klabb ta’ Sheffield reġgħet ġiet għan-normal b’Kenny jerġa’ jieħu postu bejn il-lasti.
Dan ma kienx l-uniku każ rappurtat lill-media minn dawk fl-MFA li huma l-iktar midħla tal-plejers nazzjonali. Fil-passat kien hemm minn saħansitra qalilna li Haber qatt ma kien il-plejer favorit ta’ Fitzel u dan għax mhux l-ewwel darba li għal kull ħaġa ta’ xejn jipprova jiksru u jirredikolah quddiem sħabu tat-tim.
Is-sitwazzjoni bejn it-tnejn kompliet sejra mill-ħażin għall-agħar wara l-aħħar żewġ partiti kontra r-Repubblika Ċeka u l-Isvezja li fiha Fitzel beda bejn il-lasti lil Andrew Hogg. Wara dan kollu wieħed bilfors jistaqsi l-mistoqsija: X’seta’ ġara verament biex wara diversi partiti tant tajba minn naħa ta’ Haber qiegħed jiġi mwarrab b’dan il-mod mill-kowċ nazzjonali Fitzel?

 

 

Intervista
L-għannej poeta

Franica Pulis tintervista lill-għannej Karmnu Debono il-Pikipak




Wenzu Mintoff
Faqqiegħ



Carmelo M. Bonnici
Il-ħajja u t-teknoloġija



Joe Ellis
Yes, Minister



Emmanuel Micallef
Nibżgħu għat-turisti



Toni Abela
McPolitika


Il-Punt - Dun Pawl Camilleri
Tkissir jew tisħiħ?

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan