Sports | 28 ta’ Ġunju 2009 Nr 140
Mark Attard
Titkellem ma’ Bernard Vassallo tiġi konxju kemm quddiemek ikollok persuna ta’ intellettwalità kbira li żgur li qiegħed fuq is-siġġu li ngħata lilu mill-Gvern mhux b’kumbinazzjoni.
Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport kellimni fuq ħafna affarijiet. Jispikkaw fuq kollox il-proġetti futuri li għandu quddiemu dan il-Kunsill u l-karriera personali tiegħu bħala referee internazzjonali tal-basketball u reporter sportiv.
Iżda l-akbar novità minn din is-siegħa intervista miegħu ħarġet hekk kif staqsejtu fuq l-aħħar episodju li nqala’ bejnu u bejn iċ-Chairman tal-Kumitat Olimpiku Malti, l-Imħallef Farrugia Sacco.
Bernard baqa’ jsostni miegħi li kellu raġun f’dak kollu li għamel u li mexa skont l-istruzzjonijiet mogħtija lilu iżda ħadd ma jaf li lura lejn Malta talab vot ta’ fiduċja mill-membri li jiffurmaw il-Kunsill Malti għall-Isport biex jekk eventwalment ma jgħaddix jitfa’ rriżenja tiegħu.
“Jien m’iniex marbut mal-kariga. Jekk jasal għada u nintalab nirriżinja nagħmilha minnufih. Biex tkun taf it-Tnejn li għadda offrejt ir-riżenja tiegħi lill-Bord tad-Diretturi tal-KMS. Tlabt lill-membri tal-Bord biex jagħtu vot ta’ fiduċja fija minħabba dan il-każ kollu li ġara mal-Imħallef Farrugia Sacco. Tlaqt ’il barra u ħallejt f’idejhom. Kieku għażlu li ma jridunix kont nitlaq. M’iniex marbut mas-siġġu tal-poter. Nixtieq biss li nwettaq il-ħolm tiegħi fl-isport Malti. Nixtieq nibdel il-kultura tal-isport Malti għal waħda aktar professjonali matul is-snin li ġejjin.”
Kien kliem li ħasadni. Ħafna ma jirraġunawx bħal Bernard, inkluż jien. Huma ftit dawk li jkollhom il-poter f’idejhom u jitilquh daqshekk malajr. Madankollu, Bernard ħass li għandu jħalli l-futur tiegħu f’idejn il-kollegi tiegħu. Iżda llum wara din l-istorja kollha l-probabbiltà hi li Bernard huwa konvint aktar minn qatt qabel fit-triq li qabad u minn dak kollu li għamel.
“Jekk kulħadd jirrispetta l-irwol tiegħu qatt ma jkun hemm problema. Ir-rwol tal-KMS huwa l-awtorità nazzjonali tal-isport. Jekk kulħadd jirrispetta l-irwol li għandu fil-ħajja tiegħu ma jkun hemm problemi qatt. Jien bħala chairman lest naħdem ma’ kulħadd. Wara kollox il-KMS qiegħed hemm għall-isport Malti u mhux għall-individwi. Nemmen li aħna għandna relazzjoni tajba ma’ kulħadd.
“Mal-KOM naħseb li hija problema ta’ rikonoxximent. Forsi l-KOM ma jirrikonoxxix ir-rwol tal-KMS. Jien ma nħobbx ngħid li għandi raġun dejjem. Trid tpoġġi lilek innifsek fiż-żarbun ta’ ħaddieħor. Il-KOM ilu jeżisti 81 sena.
“Ġara li fl-2002 ħarġet din il-Liġi u twaqqaf il-KMS. Ċertament kieku jien qiegħed fil-KOM nipprova nipproteġi dak li mbena mill-Kumitat tiegħi f’dawn l-aħħar snin, però fl-aħħar mill-aħħar hija l-Liġi li tiddeċiedi u kulħadd irid jirrispetta l-Liġi. Forsi ċertu element tal-KOM għadu ma aċċettax il-fatt li l-KMS huwa mwaqqaf mil-Liġi ta’ Malta. Jien nerġa’ ngħid li lest naħdem ma’ kulħadd mill-finanzi limitati li għandna.
“Kont jien stess li dan l-aħħar faħħart lill-KOM għat-tajjeb kollu li għamel. It-tajjeb ma tistax tgħidlu ħażin. Lest naħdem biex ma jkunx hawn riżorsi dublikati. Ma nixtieqx li bħala KMS u KOM nagħmlu l-istess affarijiet mil-limitazzjonijiet li għandna. Mal-Imħallef Farrugia Sacco lest ninsa kulma ġara. Lest nibda faċċata ġdida. Lest li jekk għamilt żball jien nammettih u jagħmel l-istess hu biex ningħaqdu. Ninsew dak li ġara għall-ġid tal-isport Malti. Nemmen li l-isport jixraqlu jkollu ambjent mill-isbaħ għal wieħed li jrid jaħdem fih. Jiddispjacini biss li għażel li jżeffen membri tal-familja tiegħi u ma kienx korett fil-konfront tagħhom u ta stampa differenti mill-verità”
Bernard Vassallo twieled fl-4 ta’ Diċembru 1970 f’Ta’ Sliema u llum joqgħod is-Siġġiewi. Miżżewweġ lil Michelle Vassallo Pulis u għandhom tifel ta’ 5 snin, Matthias. Bernard jiġi iben Willie Vassallo, il-wiċċ u l-vuċi tant popolari fil-logħba tal-basketball li għal dawn l-aħħar snin ħadmet mal-istazzjon nazzjonali TVM biex wasslet l-aħjar xogħol possibbli f’dan l-isport li tiegħu hu meqjus ‘espert’.
“Kien missieri li daħħalni fil-basketball. Mhux għax missieri imma nemmen li kien importanti għall-basketball f’pajjiżna. Nemmen li għandu parti tajba mit-tkabbir u mir-rivoluzzjoni tal-basketball f’pajjiżna. Missieri kien għamel l-ewwel programm sportiv tal-basketball meta l-logħba kienet għadha tintlagħab fuq is-siment. Jiddispjaċini li kultant mill-ambitù tal-basketball ma jingħatax biżżejjed rikonoxximent għal dak li għamel. Forsi hu mhux se jieħu pjaċir li għidt dan id-diskors iżda jien naf kemm għamel sagrifiċċji ta’ ħin barra mid-dar li xi kultant kien ikun mingħajr ħlas u minn jeddu għall-basketball.
“Għandu riċerka estensiva u jżomm kollox perfett. Kultant nisma’ ċerti kummenti li jiddispjaċini bihom għax jien naf kemm għamel ġid għall-basketball u kemm għen il-logħba f’Malta biex tiżviluppa.”
Bernard ikellimni fuq kif ġie fuqu dan il-privileġġ li jservi lill-isport f’pajjiżna minn kariga tant importanti. Jgħidli li meta rċieva l-ewwel telefonata kien il-Ġermanja. Għall-ewwel ħasibha ċajta…
“Kont sorpriż ħafna. Niftakar li meta rċivejt it-telefonata kont qiegħed il-Ġermanja u għall-ewwel ħsibtha xi ċajta. Anqas kont qed naħseb qatt f’kariga hekk. Meta ndunajt li mhux ċajta tkellimt u aċċettajt.
“Il-Kunsill Malti għall-Isport twieled mil-Liġi tal-Isport ta’ Malta fl-2002. Ix-xogħol tagħna hu li nirregolaw dak kollu li għandu x’jaqsam mil-lat loġistiku u finanzjarju tal-isport. Il-KMS huwa l-awtorità nazzjonali tal-isport lokali u dan hu miktub fil-Liġi tal-Gvern. Ir-rwol huwa li nassistu lill-għaqdiet sportivi kemm jekk assoċjazzjonijiet u kemm jekk klabbs. Bil-Liġi kull ħaġa f’Malta fl-isport minn żgħira sa kbira taqa’ taħt il-kappa tal-KMS. Nassistu wkoll lill-Gvern minn naħa ta’ pariri fejn tidħol il-Liġi tal-Isport f’Malta. Dak huwa l-irwol prinċipali tal-KMS.
“Bħala chairman għandi l-Bord tad-Diretturi u hemm ukoll ic-CEO, Joe Cassar. Cassar jieħu ħsieb id-‘day-to-day running’. Fejn jidħlu miżuri u pjanijiet għall-futur nidħol fiha jien. Prattikament hija l-istrateġija tal-isport f’Malta.”
Nistaqsih x’bidel s’issa kemm ilu fuq dan is-siġġu u x’għad irid jirranġa biex biex il-KMS jagħmel pass ieħor ’il quddiem fil-kobor tiegħu.
“Ċertament li meta dħalt hemm qatt ma kont immaġinajt kemm diġà sar xogħol minn dan il-Kunsill. Forsi ċittadin normali ma jkunx qiegħed jirrealizza. Waħda mill-affarijiet li tlabt kienet li nersqu aktar lejn il-media biex inwasslu l-messaġġ tagħna. Għadna ma wasalniex iżda nemmen li għamilna ftit miljormaneti. Ħloqna Kumitat tal-media wkoll. Għandna programm tat-televiżjoni tagħna wkoll fuq Education 22. Għadna ma waslniex iżda l-bidu sar tajjeb u se nkomplu nibnu fuq dan.
“Iż-żewġ chairpersons ta’ qabli għamlu ħafna xogħol siewi u jien komplejt nibni fuqhom. Bħalissa għandna 13-il programm sportiv iżda l-aktar popolari baqa’ Skolasport. Din is-sena kellna rekord ta’ aktar minn 1700 tifel u tifla. Kellna domanda qawwija tant li kellna niftħu żewġ ċentri oħra. Il-ħsieb tagħna hu li nkompli nwessgħu aktar fuq dan.
Ċertament nixtieq li jkun hemm kanal ta’ komunikazzjoni aktar konsistenti bejna u bejn il-media. Ħtart kummissjoni tal-media mmexxija minn Kenneth Vella biex ikollna kuntatt aktar regolari. Nemmen ukoll fil-qawwa tat-televiżjoni u l-gazzetti. Huma medium importanti biex twassal il-messaġġ tiegħek lill-poplu.”
Nistaqsih fuq dak kollu li bħala Gvern u KMS għandhom ġej fix-xhur li ġejjin. Bernard ikellimni fuq diversi proġetti li diġà tniedu u oħrajn li se jiġu mnedija fil-futur qrib.
“Hemm bosta proġetti ġejjin. Għadna kif lestejna l-gym ta’ tal-Qroqq u qegħdin naħdmu biex niftħu l-isports complex ta’ Ħal-Kirkop. Spiċċajna l-master plan tal-Marsa fejn irridu naraw li kulħadd ikollu viżjoni ċara. Bdejna l-proċess biex fil-futur qrib jinbena l-kumpless sportiv f’San Pawl il-Baħar.
“Mil-lat ta’ programm irridu nibnu fuq it-13 li diġà għandna biex nintroduċu oħrajn ġodda. Irridu nolqtu setturi li s’issa għadna ma missejniex. Irridu li ninvolvu aktar anzjani li jagħmlu l-isport.
“L-irwol tagħna mhux li nsiru champions. L-għan tagħna hu li naraw aktar nies jagħmlu l-sport kemm organizzat u kemm f’attività fiżika. Nixtiequ aktar nisa li jinvolvu ruħhom l-aktar dawk li qatt ma nvolvew ruħhom f’xejn. Se nibdew programm ta’ persuni b’diżabbilità għax nemmnu li għandhom dritt ukoll. Bdejna programm bħala Proġett Pilota fil-Kottonera jismu Sports Buzz. Irridu li t-tfal minn dawk iż-żoni nġegħluhom iħobbu aktar l-isport. Nixtieq li nagħmlu l-isport Malti f’ambitu aktar professjonali.
“Qed naħdmu fuq coaching policy li jfisser li biex tkun kowċ ma ssirx mil-lum għal għada imma ssir fi spazzju ta’ sentejn u tliet snin. B’hekk tikkwalifika aktar ruħek b’mod professjonali. Mis-sena l-oħra l-KMS sar ukoll l-entità li tieħu ħsieb l-anti doping f’Malta.
“Ħaġa oħra li saret tajba hija li minn Frar li għadda l-faċilitajiet sportivi li hawn fl-iskejjel tal-Gvern bdew jaqgħu taħt il-KMS hekk kif jispiċċa l-ħin tal-iskola. Aħna responsabbli għalihom u aħna rridu namministrawhom biex ma jibqgħux aktar riżors rieqed imma jinfetħu għat-tfal u għal entitajiet sportivi.”
M’għandi l-ebda problema biex personalment ngħid li Clyde Puli, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport, huwa fost l-aktar persuni ħabrieka fil-Kabinett tal-Gvern. Qiegħed jidher kull fejn ikun hemm attività sportiva u m’hemmx dubju li l-ideat li għandu għall-ġid tal-isport f’pajjiżna qed jagħmlu sens kbir. Ma jfissirx li miegħu naqbel f’kollox, iżda sa fl-aħħar nista’ ngħid li l-iktar persuna li għandha poter fuq l-isport f’pajjiżna tifhem verament fl-isport. Bernard l-istess…
“Ċertament ir-relazzjoni ma’ Clyde Puli hi waħda ta’ ħbiberija kbira. Kontinwament naqsmu l-ideat tagħna ma’ xulxin u mhux bilfors dejjem naqblu fuq kollox. Id-deċiżjoni finali fl-aħħar mill-aħħar dejjem tkun waħda. Dejjem iddiskutejna għall-ġid tal-isport f’Malta.”
Waħda mill-iskemi li ħareġ biha Puli kienet dik tat-20/20. It-20/20 hija Liġi ġdida għal dawk l-atleti nazzjonali kollha li jaħdmu mal-Gvern u li biex isibu ħin għal aktar taħriġ, il-Gvern ħareġ Liġi li jaħdmu 20 siegħa u l-20 l-oħra jagħmluhom taħriġ. M’hemmx dubju li hija xi ħaġa ta’ gwadann qawwi għall-isportivi Maltin.
“L-iskema 20/20 tlaqna biha wara ftit ġimghat li nħtart fil-kariga. Kienet idea li ħareġ biha Puli. Tkellimna fuqha għax wara kollox kienet wegħda elettorali. Bdejna naħdmu fuqha anki mal-KOM. Tlabniehom jgħaddu l-ħsibijiet tagħhom u meta baqgħu ma ġewx il-KMS ħadha fuqu nnifsu. Ħaditilna ħafna ħin u nidejna f’Jannar. S’issa ħadmet bħala Proġett Pilota għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.”
Inkun pront nistaqsih: Imma allura jekk jien naħdem mal-privat u niġi bżonn il-leave biex nitħarreġ u nikkompeti għal pajjiżi? Immur fuq il-prinċipal tiegħi u nitolbu l-leave u jgħidli ‘le’. Ma taħsibx li jien għandi żvantaġġ fejn atleti oħra li jaħdmu mal-Gvern? Possibbli ma jista’ jsir xejn għalija?
“Il-ħsieb tagħna għall-quddiem huwa li niftħuha b’mod ġenerali. Bħalissa għandna kontroll biss fuq l-impjegati tal-Gvern. Nixtiequ noħorġuha fuq dawk l-atleti wkoll li jaħdmu mal-privat.
“Iva, għandek punt. Bħalissa m’għandhiex risposta għaliha. Però nemmen li mhux impossibbli li din l-iskema nestenduha wkoll għall-privat. Forsi jekk indaħħlu din l-iskema fil-privat l-ażjenda privata tingħata t-tax rebates. Naħseb li nistgħu naslu wkoll. Mhux daqshekk faċli imma mhux impossibbli.”
Indawwarlu d-diskors fuq il-ħajja personali tiegħu. Bernard jgħidli li fil-mument kollox madwaru qed idur mal-kelma sport. Jgħidli li minn ta’ età żgħira l-isport kien l-iktar ħaġa li jieħu pjaċir biha u dejjem baqa’ fih b’xi mod jew ieħor b’mod kontinwu.
“Bħalissa ħajti mdawra totalment bl-isport u mhux għax qabel ma kontx. Minn mindu kont żgħir trabbejt fl-isport anki għax forsi missieri hu min hu. Minn mindu kont żgħir dejjem kont niġri miegħu għal-logħbiet tal-basketball. Lgħabt u kkowċjajt il-basketball iżda l-quċċata lħaqtha bħala referee.
‘Illum sirt minn filgħodu sa filgħaxija naħseb fuq l-isport biss. U mhux basketball biss għax il-Kunsill Malti għall-Isport jiġbor fih dak l-isport kollu li jsir f’Malta.
“Iżda jekk nitkellmu fuq l-isport inġenerali ngħidlek li iva, il-basketball u l-waterpolo forsi vera huma l-favoriti tiegħi. Iżda meta kont żgħir kont nilgħab il-futbol għax minn dejjem kien sport li jogħġobni. Ta’ 9 snin bdejt insegwi l-basketball b’mod regolari u forsi għalhekk spiċċajt midħla sew ta’ dan l-isport.
“Ta’ 15-il sena lgħabt għall-ewwel darba fl-Ewwel Diviżjoni u ta’ 23 sena kelli nieqaf kontra qalbi għax weġġajt. Bħala plejer ma kontx l-aqwa wieħed f’Malta iżda ma kontx ħażin. F’Marzu 1992 kont irbaħt il-Plejer tax-Xahar ta’ Malta. Lgħabt ukoll mat-tim nazzjonali. Il-problema tiegħi kienet li ma nistax naqbeż aktar u t-tabib ordnali biex nieqaf.
“Kont fortunat li fi spazju ta’ ftit xhur spiċċajt fil-quċċata tar-refereeing. Għall-ewwel ma ridtx naf b’din il-karriera iżda mbagħad aċċettajt. Kont fortunat li nzerta ż-żmien opportun għax kien hemm xi referees imweġġgħin u dawk li rawni ndunaw li nifhem fil-logħba. F’inqas minn sena spiċċajt irreffjajt partiti tal-Ewwel Diviżjoni. Kull deni ħudu b’ġid għax kieku ma weġġajtx ma kontx immur f’areni internazzjonali b’8/10 t’elef spettatur jarawk tirrefja. Fl-2006 irreffjajt il-finali tal-Commenwealth Games li hija l-ikbar suċċess tal-karriera tiegħi. Għamilt sentejn ukoll ngħin fil-Basketball Association bejn l-1993 u l-1995 u għamilt sentejn ngħin lil Robert Arrigo u lil John Bugeja fit-tim ta’ Sliema Wanderers.
“Għamilt ukoll l-atletika. Kont niġri t-tlielaq tad-distanzi t-twal. Lgħabt sena handball mal-Black Panthers u meta kont żgħir lgħabt ukoll il-waterpolo.”
Nistaqsih hux se jibqa’ referee tal-basketball, issa li għandu kariga tant importanti bħala Chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport u persuna mgħobbija bir-responsabbiltà mill-Gvern.
“Iva, għadni u se nibqa’ referee. Nieħu gost u xejn xejn naqta’ ftit mill-ħajja ta’ kuljum. Nassigurak li qabel kont nitħarreġ ta’ kuljum iżda llum il-ħin liberu naqasli ħafna. Meta jkollok logħba tkun trid tipprepara għaliha anki mentalment u peress li għadni ġdid f’din il-kariga xtaqt li l-ewwel insib sieqi.
‘Din is-sena wara li kelli disa’ appuntamenti internazzjonali, kelli nitlob lill-federazzjoni nternazzjonali biex twaqqafni ghal ftit xhur ghax kien qed ikolli wkoll ħafna impenji ohra barra minn Malta peress li jien ukoll id-Direttur Sportiv ta’ Malta ghall-UE. Nimmisjah ir-refereeing għax inħobb il-logħba tal-basketball. Referee llum jara logħba b’mod differenti minn kif taraha int. Però iva, se nkompli u mix-xhur li ġejjin għandi aktar appuntamenti barra minn Malta.”
Bħal missieru, Bernard huwa wkoll persuna tal-media. Ħadem fil-qasam tal-ġurnaliżmu sportiv għalkemm jgħidli li jqis ruħu aktar bħala reporter milli ġurnalist.
“Qatt ma ħassejtni ġurnalist. Iktar ħassejtni reporter. Bejniethom nara differenza. Inti aktar ġurnalist għax tinvestiga xi ħaġa fil-fond. Jien kont nirrapporta dak li nara. Kieku kelli nagħżel u jkolli ċans nitfa’ l-enerġija kollha f’dak il-qasam nippreferi, il-ġurnaliżmu. Iżda jrid ikollok il-ħin, trid iżżomm dejjem mal-fatti, trid tkun kapaċi u jrid ikollok il-gazz. Mhux kull reporter huwa ġurnalist iżda kull ġurnalist jista’ jkun reporter.
“Mil-lat ta’ ġurnaliżmu sportiv kont bdejt fl-1992 mal-RTK. Kont nagħmel ċerti kollegamenti tal-basketball u anki xi programmi sportivi fuq ir-radju.
Imbagħad spiċcajt nirrapporta anki l-waterpolo. Il-basketball ma tantx nimmissjah bħala rappurtaġġ iżda l-waterpolo, iva.”
Qabel ma nqumu minn bil-qiegħda ridt niċċara xi ħaġa miegħu fuq il-Kunsill Malti għall-Isport. Kont deċiż mill-bidu li se nagħmel dan għax hawn min jidentifika lil dan il-Kunsill ma’ Partit jew saħansitra kull deċiżjoni li tittieħed tiġi interpretata bħala mossa jew manuvra politika. Mhux għax f’dan il-pajjiż ma jsirux, iżda jien wieħed minn dawk li nemmen li l-isport u l-politika m’għandhom jitħalltu qatt.
“Il-fatti huma li l-maġġoranza tad-Diretturi tal-KMS huma magħżula jew mill-Ministru jew mis-Segretarju Parlamentari. Jiġifieri jekk għada jinqaleb il-Gvern probabbli li se jiġri l-istess ħaġa. Jien ma nemminx li l-isport u l-politikka għandhom jitħalltu. Fl-isport m’hemmx politka.
“Issa jekk tgħidli fuq il-persuni li hemm fil-KMS, jien ngħidlek li sfortunatament f’Malta l-element politiku jidħol f’kollox. Konvint li jekk tkellem lill-ġardinar tal-palazz tal-President tar-Repubblika hu wkoll jemmen li l-politika tidħol f’xogħlu għax Malta sfortunatament hekk naħsbu kienu jafu tal-liema kulur politiku hu qabel ma mpjegawh. F’Malta kollox tidħol il-politka. Però nista’ nassigurak li jien wieħed minn dawk li nemmen bis-saħħa li l-isport u l-politika m’għandhom jitħalltu qatt. Nassigurak li miegħi m’hemmx aħmar, blu u aħdar. Kulħadd l-istess.”
Bernard Vassallo jibgħat ir-ringrazzjamenti tiegħi lil dawk li l-aktar għenuh f’ħajtu qabel ma nqumu minn quddiem xulxin.
“Bla dubju rrid nirringrazzja lill-mara, lit-tifel, lill-ġenituri u lill-kunjati għall-għajnuna li rċevejt u nirċievi mingħandhom, speċjalment għas-sagrifiċċji li jagħmlu meta nkun għal ħafna ħin barra mid-dar.
“Bħala chairman, żgur li rrid nirringrazzja lid-diretturi sħabi li naħdem tant tajjeb magħhom u li wrew ukoll fiduċja fija meta din il-ġimgħa fdajt il-futur kollu tiegħi fil-KMS f’idejhom. Ringrazzjament speċjali imur bilfors lejn ic-CEO tal-KMS, Joe Cassar, li fih sibt spalla soda u ġenwina u kien grazzi għalih u għall-esperjenza vasta tiegħu li jien bdejt insib saqajja ġewwa l-KMS.
“Għajnuna oħra ġenwina tasal minn Angelito Sciberras li permezz tiegħu teżisti linja miftuħa ta’ kommunikazzjoni bejn il-KMS u Segretarjat ta’ l-iSport.
“Nirringrazzja wkoll lill-ħaddiema kollha tal-KMS għad-dedikazzjoni tagħhom biex nwasslu l-messaġġ tagħna li ‘sport is a way of life’.
“Madankollu l-akbar ringrazzjament, bħala chairman, imur lil Clyde Puli, għax kien hu li emmen fija, offrili l-possibbiltà biex immexxi l-KMS u joffri kontinwament is-sostenn tiegħu. Nassigurah li l-KMS se jaħdem bi sħiħ biex iwettaq bl-aħjar mod possibbli l-istrateġija mfassla biex, jekk Alla jrid, naslu li verament tixxettel kultura sportiva wiesgħa u fonda qalb il-poplu Malti.”
|
|

Franica Pulis tintervista lill-għannej Karmnu Debono il-Pikipak
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef

Toni Abela
- Dun Pawl Camilleri
|
|
|