MediaToday

Ittri | 28 ta’ Ġunju 2009 Nr 140

Bookmark and Share

Theddida minn Marsaskala

Mario Calleja,
Marsaskala

Bl-artikli ‘Mistoqsijiet dwar festin minn Sindku Laburista’ irrappurtat minn Julia Farrugia fil-ħarġa ta’ nhar il-Ħadd 24 ta’ Mejju u l-artikolu ‘Il-Pulizija tinvestiga lis-Sindku ta’ Marsaskala’ rapport miktub minn Julia Farrugia fil-ħarġa tal-ġurnal Illum ta’ nhar il-Ħadd 7 ta’ Ġunju, l-artikolista fetħet l-artikoli tagħha b’assunzjoni gratwita fejn allegat li numru ta’ Laburisti huma rrabjati għal dan il-festin.
Jekk hija persuna rrabjata din hija dik il-persuna li naqset li tapprezza dak kollu li sar minn dawk il-ftit għal dawk il-ħafna f’Wied il-Għajn. Dawk li attendew għal dan il-festin tal-ħbieb kienu kelma waħda: li dan il-festin kien jixraqlu lis-Sindku tax-xogħol li għamel għall-ġid ta’ Wied il-Għajn.
Kompliet biex indikat b’mod ċar li skont hi min jagħmel riċeviment għand iċ-Ċaqnu jkun qed jagħmel ħażin u fl-istess nifs allegat li l-Liġi qed tinkiser f’kull livell ta’ kamp politiku.
Waqt li niċħdu dawn l-allegazzjonijiet nitolbu li dawn iż-żewġ allegazzjonijiet issir verifika fuqhom u tittieħed azzjoni minn dawk kollha konċernati.
L-istess artikolista, wara li ppruvat timpressjona billi tispjega l-parametri legali, kompliet allegat li hemm xi prassi instituzzjonalizzata biex il-Liġi tiġi evitata minn dawk kollha nvoluti fil-politika.
Huma artikolisti ta’ dan il-ġeneru li finalment jitfgħu lill-politikanti f’keffa waħda u jagħtu stampa ħażina tat-tħaddim tal-politika. Dan it-tip ta’ ġurnaliżmu hu ta’ ħsara kemm lill-politika f’Malta kif ukoll lill-istess ġurnaliżmu, aktar u aktar meta dawk li allegatament gergru mhumiex identifikabbli.
Għal dawn il-motivi l-istess Mario Calleja, waqt li jiċħad bħala nfondati u malfamanti l-allegazzjonijiet tal-artikolista Julia Farrugia, jirriserva li jieħu passi ulterjuri skond il-Liġi.

Nota editorjali: Qed nippubblikaw din l-ittra biex inkunu għamilna d-dmir tagħna fil-konfront ta’ Mario Callejja li nagħtuh opportunità jwieġeb għal dak li ġie ppubblikat. Kien ikun ħafna iżjed effettiv kieku wriena l-kontijiet għall-festin inkwistjoni u qalilna min ħallashom u għaliex jidhirlu li mhumiex parti mill-ispejjeż elettorali tiegħu li għandu jagħti kont tagħhom lill-Kummissjoni Elettorali.
Għall-kuntrarju li kiteb Mario Calleja hu fatt notorju li l-ħafna kandidati fl-elezzjonijiet ta’ kull xorta f’Malta jonfqu iżjed milli tippermettilhom il-Liġi tant li hi din il-kultura ta’ illegalità li ġġib il-politika għaż-żufjett u mhux il-kritika li saret mhux biss minn din il-gazzetta iżda mill-gazzetti l-oħra wkoll u saħansitra minn kandidati fir-rigward ta’ kandidati sħabhom tal-istess partit.
Kien id-dmir tagħna wkoll li nirrappurtaw il-fatt li d-Direttur tal-Kunsilli Lokali għadda t-tagħrif dwar allegat infiq mhux permess għall-festin in kwistjoni lill-Kummissjoni Elettorali u li d-Dipartiment tal-VAT qed jinvestiga n-nuqqas ta’ ħlas ta’ VAT dwar dħul minn reklami magħmula f’pubblikazzjonijiet maħruġa mill-Kunsill ta’ Marsaskala. Nawguraw lil Mario Calleja li dawn l-investigazzjonijiet jgħaddu b’wiċċ il-ġid għal kulħadd. Sadanittant nibqgħu lkoll ingawdu l-ftit li fadal mil-libertà tal-Istampa.

 

 

Intervista
L-għannej poeta

Franica Pulis tintervista lill-għannej Karmnu Debono il-Pikipak




Wenzu Mintoff
Faqqiegħ



Carmelo M. Bonnici
Il-ħajja u t-teknoloġija



Joe Ellis
Yes, Minister



Emmanuel Micallef
Nibżgħu għat-turisti



Toni Abela
McPolitika


Il-Punt - Dun Pawl Camilleri
Tkissir jew tisħiħ?

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan