Ittri | 28 ta’ Ġunju 2009 Nr 140
Joe M Attard,
Xagħra
Nhar it-Tnejn 29 ta’ Ġunju, festa ta’ San Pietru u San Pawl, tasal fi tmiemha s-Sena Pawlina li matulha sar dak kollu possibbli biex l-insara Maltin isiru jafu dak li jistgħu dwar l-appostlu li ġabilna l-fidi fis-sena 60 WK.
Aħna f’Għawdex għandna l-parroċċa tal-Munxar dedikata lil dan l-appostlu. Hawnhekk saru festi speċjali din is-sena u bir-raġun. Kienet idea tajba wkoll dik li ħareġ biha l-Isqof Djoċesan li ssir il-Missjoni Djoċesana mifruxa fuq għadd ta’ xhur u li żgur kienet esperiment li rnexxa u l-ġid li ħareġ minnha Alla biss jaf x’inhu.
Grazzi lil dawk kollha li aċċettaw fi djarhom l-għadd kbir ta’ missjunarji li żaru d-djar tal-Għawdxin u qasmu magħhom ħafna esperjenzi sbieħ. Bla dubju nemmen li l-Knisja daħlet fi spiża mhux ħazin fil-pubblikazzjoni ta’ tant materjal li tqassam matul dawk il-ġranet. Anke l-eżerċizzi spiritwali tar-Randan stajt ninnota li kienu orjentati madwar din il-Missjoni. Issa, bħala għeluq xieraq, ġie mistieden jieħu sehem kardinal minn Ruma f’San Ġwann Malta.
Matul dawn il-jiem, fin-Nadur u wara fil-Victoria, sar il-Musical Taljan Pawlu mill-Għaqda Dilettanti tal-Ġimgħa l-Kbira. Prosit lil Gorg Cassar u l-bqija tal-kast li tellgħu din il-biċċa xogħol li kellha traduzzjoni ta’ Fr Geoffrey G. Attard. Dnub li l-Għawdxin ma apprezzawx biżżejjed biċċa xogħol li min jaf kemm swiet spejjeż u sagrifiċċju. Imma prosit tassew lil dawk it-tfal, żgħażagħ u kbar li meddew għonqhom u ma qatgħux qalbhom minn tant ħwejjeġ li saru jaljenaw lill-poplu tagħna!
Il-Lumen Christi Media Publications ta’ Għawdex ukoll matul din is-sena Pawlina tatna għadd ta’ xogħlijiet oriġinali u traduzzjonijiet dwar it-tagħlim ta’ San Pawl immirati li jilħqu lill-membri kollha tal-familja. Prosit lil Dun Anton Sultana li stinka u ħadem biex ġew pubblikati diversi kotba dwar San Pawl, il-vjaġġi u l-ħajja tiegħu.
Jalla din is-Sena Pawlina tħallina iktar għorrief dwar San Pawl u l-ħajja tiegħu u minnu nitgħallmu kif nikkultivaw u ngħożżu l-fidi li ġabilna u nibżgħu għaliha u niddefenduha. Nitolbuh lil San Pawl biex jidħol għal gżejjer tagħna li tant laqgħuh b’idejhom miftuħa meta ra ma’ wiċċu l-għarqa u nwiegħduh li se nibqgħu fidili lejn dak it-tagħlim li ġabilna.
|
|

Franica Pulis tintervista lill-għannej Karmnu Debono il-Pikipak
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef

Toni Abela
- Dun Pawl Camilleri
|
|
|