Ittri | 28 ta’ Ġunju 2009 Nr 140
Marc Sant,
Ħal Lija
Dan il-ħsieb ilu ħafna jberren f’moħħi. Imma li wassalni biex nikteb kien dak li ġara fil-lejl tal-Ġimgħa
19 ta’ Lulju barra diskoteka prominenti f’pajjiżna. Ħaġa tal-mistħija li fis-sena 2009 att bħal dan jiġri f’pajjiż fejn ħafna jriduha ta’ ċivilizzati u b’moħħom miftuħ jixhed kemm aħna pajjiż li ta’ min ixebbħu ma’ Dr Jekyll u Mr Hyde.
Kull tip ta’ forza fiżika għandha tiġi kkundannata bla riżerva minn kulħadd u l-Liġi għandha tinżel bħal mannara fuq kull minn jinstab ħati ta’ atti bħal dawn.
Il-vjolenza, kemm ta’ natura fiżika kif ukoll ta’ natura psikoloġika, hija l-arma ta’ min hu dgħajjef. Dgħajjef mhux fl-istatura jew fis-saħħa, iżda dgħajjef fil-ħsibijiet tiegħu.
Kull min jasal biex juża l-forza biex mingħalih juri kemm hu b’saħħtu mhux biss hu beżżiegħ iżda qiegħed ukoll indirettament jammetti li mhux kapaċi juża moħħu biex jesprimi l-ħsibijiet u l-prinċipji tiegħu; li m’għandux ħila jagħmel il-punt tiegħu u, fejn ikun il-każ, li jġib ’il quddiem ir-raġunament tiegħu; li l-konvinżjoni fil-prinċipji li hu jħaddan mhux biss ma teżistix iżda li jħaddanhom b’mod ta’ konvenjenza. Kważi kważi l-aggressur qiegħed jammetti li l-ideali tiegħu huma inferjuri għal dawk ta’ min ikun qiegħed jiġi aggredit.
Dawn il-premessi apparti, il-fatt li kull darba li inċidenti ta’ dan it-tip żgħar kemm huma żgħar jibdew jerġgħu jissemmew u jitqajmu episodji ta’ 20, 30, 40 sena ilu għalija mhux biss konferma tal-mentalità medjevali li għadha taħkem lil pajjiżna iżda sinjal ċar u manifest kemm għadek issib min hu politikament immatur.
Biex inkun ċar, bl-ebda mod ma jien ngħid li dak li ġara fis-Sittinijiet, Sebgħinijiet u Tmeninijiet għandu jintesa kompletament għaliex dawn l-episodji sawru lill-pajjiżna f’dak li hu llum.
Għalija l-preżent hu ż-żmien li jgħaqqad l-avvenimenti li ġraw tul is-snin u li wassluna fejn qegħdin illum u għalhekk hu importanti li ma ninsewx minn fejn tlaqna biex l-iżbalji tal-passat nitgħallmu minnhom u naċċertaw ruħna li ma jerġgħux isiru. Iżda kemm huma iktar importanti li ma nibqgħux intambru fuq episodji tal-imgħoddi li jibqgħu jissemmew ad nauseam biex niġġustifikaw kull episodju li jiġri fil-preżent f’pajjiżna? Kif jista’ wieħed verament iġib rikonċiljazzjoni u konsensus nazzjonali jekk għal kull ħaġa ta’ xejn nirrikorru għal dak li jifridna bħala poplu?
Għal kull minn għandu għajnejn biex jara u widnejn biex jisma’ hu ċar daqs il-kristall li l-maġġoranza assoluta taż-żgħażagħ tampari jħossuhom aljenati, mhux interessati u mbuttati mill-politika. Fattur ewlieni għal dan hu l-fatt li jibqa’ dejjem jissemma l-passat u l-futur bħal donnu naħsbu għalih meta jasal.
Ċert li ż-żgħażagħ huma diżillużi u mxebbgħa b’politika li kontinwament tibqa’ tirreferi għall-imgħoddi speċjalment meta li jissemma jkun biss fin-negattiv u maħsub biex jitfa’ t-tajn u jwabbad il-melħ fuq il-feriti fejn dawn ikunu għadhom miftuħa.
Aħna ż-żgħażagħ irridu politika li tkun fattwali u fattibli, politika msawra fuq il-konvinzjoni u mhux fuq il-konvenjenza, politika li tħares ’il quddiem, politika li tiffoka fuq l-ideat u mhux fuq il-persuna: politika fejn l-importanza tingħata lid-diska u mhux lill-kantant!
Il-politikant jiġi u jmur iżda l-ideat huma s-sisien li fuqhom trid tinbena s-soċjetà tagħna mhux biss fil-preżent iżda wkoll fil-futur. Din hija t-tip ta’ politika li tinteressana. Il-politika fejn wieħed għandu ċ-ċans li joħloq xi ħaġa li minnha mhux biss tgawdi s-soċjetà kontemporanja imma wkoll uliedna u wlied uliedna.
www.marcsant.com
|
|

Franica Pulis tintervista lill-għannej Karmnu Debono il-Pikipak
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef

Toni Abela
- Dun Pawl Camilleri
|
|
|