MediaToday

Intervista | 28 ta’ Ġunju 2009 Nr 140

Bookmark and Share

L-għannej poeta

Franica Pulis tintervista lill-għannej Karmnu Debono il-Pikipak

Karmnu Debono l-Pikipak hu għannej Karkariż li ilu jgħix il-Mosta għal dawn l-aħħar 40 sena. Laqmu laqtu meta darba Ingliża rat il-kelb tiegħu marbut mal-karrettun u qaltlu: ‘Pick it up’ u hu li ma kienx jifhem Ingliż dar fuq sieħbu u qallu: “X’qaltli din, pikipak?” U baqa’ miegħu sal-lum.
Id-djalett qawwi tiegħu suppost hu wieħed Karkariż imma wara tant snin tħallat ma’ dak Mosti wkoll. Minbarra li qatta’ xi ftit tas-snin il-Kanada.
“Bil-pulit ma nafx nitkellem. Jien nitħassar lil dawk in-nies li jafu jitkellmu bid-djalett tar-raħal u jitkellmu bil-pulit għax joqtlu l-identità tar-raħal,” qal Debono.
Raħal twelidu affettwah ħafna biex jibda jgħanni. Debono trabba bidwi naqra ’l fuq minn Santu Rokku.
“Hemmhekk kien jgħix għannej kbir li kieku llum għandu 119-il sena. Kien jismu Ġużeppi Xuereb ix-Xhudi u kien għannej tal-ispirtu pront ħafna. Kien minn tal-ewwel li rrekordja l-għana fl-1929. Carabott kien tellagħhom Tuneż.
“Jien kont naqra ta’ tifel niġri dejjem ma’ saqajh. Kien jgħidli l-għana f’widnejja biex immur ngħanniha lil dak u lill-ieħor. Meta kelli xi disa’ snin jew 10 qalli: ‘Issa trid tibda tgħanni’ u bdejt ngħanni miegħu.”
Mid-dehra x-Xhudi kien iħobb jittanta lix-xemx għaddejja mhux ħażin meta kien ikun għaddej bil-karrettun. Darba għanna lil sieħbu l-furnar:
‘Aw furnar għamilli ħobża,
Għamilhieli bil-ġunġlien,
Ħallihieli naqra ratba
Għaliex bħalek mingħajr snien.’
“Kien għannej tajjeb għax kif jarak ipinġik. Kif jarak kien jgħannilek mill-ewwel. Jeħodlok ritratt ngħidulha aħna. Kien hemm min jidħol ġewwa biex ma jgħannilux.”
Nistaqsih x’jagħmlek għannej tajjeb u jekk hijiex importanti l-kisra fil-vuċi.
“Il-vuċi hi ornament fl-għana. Jien għandi vuċi baxxa. Fl-antik kien hawn ħafna jgħannu fil-għoli. Illum ma baqax wisq. L-importanti hu kif torqom l-għanja u trid tuża l-metafora. Imma ħafna għannejja ma jużawhiex għax ma jafux.”
Jispjega kif l-għanja suppost tkun magħmula minn erba’ versi u kif l-għannejja jgħannuha bi tmien sillabi. Nistaqsih kemm l-għannejja jżommu ma’ dawn ir-regoli li jintużaw f’uħud mill-poeżiji Maltin u jgħidli: “Suppost timxi magħhom imma b’dispjaċir ngħid li l-għannejja ma jafuhomx kollha. Jien ġieli anki nikteb poeżiji u ballati.”
Fost il-ballati Debono kiteb dwar l-Istorja ta’ Malta, stejjer b’fantasija, traġedji u leġġendi fosthom dik tal-Kastell ta’ Żamitellu.
Jitkellem dwar l-Ispirtu Pront u li hemm bżonn ħeffa tal-ħsieb fiha għax ma jagħtukx ċans taħseb peress li waħda wara l-oħra. Din it-tip ta’ għana maqsuma fi tnejn. Hemm in-Nofs Għanja li hi l-proprja Spirtu Pront u titgħanna bejn tnejn mingħajr il-qalba tal-kitarra għax ma jkunx hemm ċans għad-daqq tal-prejjem.
“L-ewwel għannej jibdieli żewġ versi, jien nirrispondih fuqhom u nagħtih tnejn oħra biex hu jkompli fuqhom. Tiġi kollha ritornell. Hi l-iktar diffiċli għax l-għannej irid joqgħod attent x’se jagħti lill-ieħor. Il-kelma ‘qorq’ ma tintużax għax m’hemmx xi tqabbel magħha.”
Iżid jgħid li hemm l-ispirtu pront ta’ bejn erbgħa u hu eħfef peress li hemm ċans għad-daqq tal-prejjem u jkunu koppji. Isemmi wkoll l-Għanja tad-Denb li fiha għannej jibda bl-aħħar vers li spiċċa ta’ qablu.
“Hemm ukoll il-makkjetti li fihom laqta umoristika. Dawn niktibhom ukoll. Ġieli ktibt biex jgħanni ħaddieħor. Anki teatrin bl-għana ktibt: ‘L-Għajta nofs il-Bejgħ’. Ftit hawn li jiktbu. Nixtieq ikun hawn aktar min jikteb. Imma jew ma jagħtux kas jew hi nuqqas ta’ skola. Jien qatt ma mort skola. Marti għallmitni nikteb.”
L-għannej se jagħlaq 42 sena miżżewweġ u ltaqa’ mal-mara meta emigra l-Kanada fejn kien jgħanni wkoll. Hu għandu erbat itfal u ħames neputijiet.
“Ġejt lura Malta għax ma ridtx lil mara tibqa’ taħdem. Kont nemmen li l-mara aħjar toqgħod id-dar. Illum m’għadux hekk bil-progress li sar. Il-ħajja titlob mod ieħor.”
Iżda minkejja li Debono jqis lilu nnifsu illitterat għax ma marx skola hu bniedem li jirriċerka ħafna biex jikteb u spiss ikun il-Belt iqalleb fl-arkivji tal-Bibblijoteka jħuf għal xi storja interessanti li ġrat fl-imgħoddi. Minbarra li jehda jaqra x-xogħlijiet ta’ awturi u poeti Maltin. Għamel żmien kien fl-Għaqda tal-Poeti wkoll.
Nitħaddtu dwar it-traġedji Maltin li ssir għana dwarhom ukoll. Isostni li ma jħossx li hu sew li tgħanni traġedja friska l-aktar minħabba l-qraba. Dan minbarra li biex tikteb Għanja tal-Fatt irid ikollok il-fatti kollha tajbin. Għalhekk ċerti stejjer li hemm misteru marbut magħhom ma jistgħux jitgħannew bħala tal-Fatt.
“Meta hi storja vera trid tiġbor kemm tista’ dettalji, iżżomm saqajk mal-art, tirrakkonta kemm tista’ fil-qasir u ddaħħal kemm tista’ metafori. Ktibt fatt dwar wieħed li kont se mmut miegħu. Kelli 11-il sena u qatlu murtal.”
Debono jieħu gost l-aktar jikteb dwar l-Istorja ta’ Malta jew stejjer li ġraw u ntesew.
“Għandi riċerka li ħadd ma jaf biha. Iktar ma tfittex l-antik tqajjem ir-rieqed jew tirxoxta lill-mejjet. Huma stejjer li mhux kulħadd ikun jaf bihom.”
Nistaqsih jekk meta jikteb jaħsibx mill-ewwel fil-mużika biex takkumpanjah.
“Fl-għana m’hemmx mużika. Il-kitarri dejjem bl-udit idoqqu. Hemm ħafna tonijiet x’tivvinta. Meta jkolli bżonnhom immur fuqhom u ngħidlu jdoqqli biċċa.”
Jgħid li ġeneru ta’ għana mhuwiex marbut ma’ raħal.
“La Bormliża, li hi l-Għana fil-Għoli, ngħidulha hekk għax in-nies kienu miġbura Bormla u l-Imdina. Sa 30 sena ilu kien hawn ħafna min jgħanniha dik. Illum tgħoddhom fuq is-subgħajn. L-aktar raħal li jarmi għannejja hu ż-Żejtun imbagħad Ħal Qormi.”
L-għana hi talent naturali? Hawn fejn titgħallimha llum?
“Kulħadd jista’ jitgħallem. Tifel trid tfittex fih kif jorqomha l-għanja. Ikun minn ċkunitu jivvinta xi żewġ versi u mhux ifittex it-taqbila biss imma anki kif ipoġġi l-kliem. Iżda jrid ikollu umiltà kbira biex jitgħallem għax għalkemm għalaqt 65 sena fi Frar xorta għadni ma tgħallimtx biżżejjed.
“Il-poeta hu għannej sieket. Għannej jitwieled b’talent imma mbagħad irid jiżviluppa moħħu. Hawn ħafna għannejja li jgerfxu bħat-tiġieġ għax ma jkunux jafu x’inhuma jgħidu.
“Poeta jitwieled poeta. Hu bniedem studjuż. L-għannej hu illitterat għalkemm mhux kulħadd. Il-Budaj u l-Bamboċċu kienu jafu. Meta għannej ikun kapaċi jaqra l-poeżiji jitgħallem kif juża l-lingwa aħjar.”
Dwar tagħlim qal li kull min hu mħajjar l-aħjar hu li jmur jara l-għannejja jiltaqgħu kull nhar ta’ Ħadd għand Charlie ż-Żubina fil-Klabb tal-Boċċi jew kull fejn jistidnuhom.
“Min irid jitgħallem jista’ jiġi jismagħna u jipprova jgħanni magħna.”
Nisa jistgħu jgħannu?
“Mela. Għandna fost l-isbaħ għana tan-nisa ngħidulha l-Għana tal-Banju li kienu jgħannuha waqt li jaħslu l-ħwejjeġ jew iballtu l-bejt.”
Jirrakkonta dwar l-Għana tal-Ħrejjef.
“Il-Budaj u jien ħloqna l-Għana tal-Ħrejjef. Konna morna fuq programm tar-radju u qalli: ‘Tridx naraw min minna jħarref l-aktar?’ u dan l-istil intogħġob u baqa’.
Id-diskors jaqa’ fuq il-folklorista Ġorġ Mifsud-Chircop li ilu nieqes mill-2007.
“Ġorġ ħadem ħafna. Jien u hu għamilnieh il-Festival tal-Għana. Jien għandi t-teorija u hu kellu l-iskola. Kien folklorist kbir.”
Kif kienu jħarsu lejh l-għannejja?
“Ġorġ kien intlaqa’ tajjeb għax l-ewwel ma bdejna jien u hu fuq programm televiżiv: Mill-Prejjem sal-Kadenzi. Ftit ftit konna ħadna l-għannejja kollha. Minn hemm morna fuq ir-Radju tal-Università bil-programm Tisqifa tal-Għana Malti.
“Ġorġ ried jgħolliha ħafna l-għana Maltija imma l-Bambin ma tahx ix-xorti. Ħadem bis-sħiħ biex jara l-għana tiela’ ’l fuq. Ġieli kien iċempilli fil-11pm u jgħidli iktibli hekk biex jużaha fuq programm tat-televixin.”
L-għana f’Malta hi apprezzata minn ftit Maltin mentri ħafna jħobbu l-kant Naplitan li jista’ jitqies bħala folklor ukoll. Għaliex taħseb in-nies naqsu milli japprezzawha?
“Aħna l-aktar li noqorbu lejn Sqallija. Huma jgħannu l-aktar viċin tagħna. L-għana mhux imut. Noqtluh qegħdin. Hawn għannejja li ma joħorġux jgħannu. Qalbhom ma tkunx taħraqhom daqs tiegħi pereżempju li rrid ngħanni bilfors. Għalkemm in-nies għadha tismagħha l-għana. Tara n-nies li jiġu fl-Iljieli Maltin.
“L-għana fih il-messaġġ tiegħu. Meta tgħanni bis-suġġett sabiħ wisq.”
Darba Oliver Friggieri qallu għax ma tagħmlux bħall-Isqallin u tgħannu kuljum.
“Għidtlu hawn Malta ma jistax ikun. Qabel kien hawn ħafna ħwienet fejn tgħanni f’tal-inbid u tat-titotla. Iż-Żejtun kien mimli bihom. Kull pass kont issib ħanut kollha bil-kitarri.”
L-aħħar mistoqsija ma setgħetx ma tkunx dwar l-Imnarja. Il-festa hi għażiża għalik? Kif tiftakarha?
“L-Imnarja hi festa kbira, għerq prinċipali tal-festi l-oħra, imma ma ħallewhiex kif kienet. Kienet sabiħa tant bil-bhejjem u ħxejjex li jtellgħu għall-wiri. Lejlietha l-għannejja kienu jittellgħu bil-polza u jagħmlu xi kwarta jgħannu bejniethom. Dan ix-xahar fih żewġ festi sbieħ: San Ġwann tal-Ħġejjeġ u l-Imnarja,” jgħidli b’nostalġija kbira.”
Jirrakkonta dwar l-Imnarja fl-aħjar tagħha. Wara nofsinhar kienet issir it-tiġrija biż-żwiemel, bgħula, ħmir u dwieb. Biex jiktbuhom għat-tellieqa kienu jħallsu skud jew nofs biċċa (żewġ xelini u sold). Il-premji kienu palji tad-damask ta’ kull kulur imqassma mill-Gran Mastru. L-ewwel tlieta kienu jieħdu wieħed.
Qabel it-tellieqa kienet issir il-ħmira tal-Imnarja. Mill-Katidral tal-Imdina kien joħroġ wieħed bil-bandu f’idu, tnejn bit-tamborlin u ieħor bil-flejguta. Imbagħad jinżlu fejn issir it-tiġrija fejn il-gallarija. Jinqara l-bandu li jispjega x’għandu jsir. Imbagħad imorru lura. Din kienet issir kuljum minn ħmistax qabel sa jumejn qabel l-Imnarja.
Dakinhar tal-Imnarja kienu jsiru t-tiġrijiet. L-ewwel jibdew il-ħmir, imbagħad il-bgħula, wara d-dwieb u fl-aħħar iż-żwiemel. Il-ħames ġirja kienet tal-ponijiet. Biex jieħdu sehem f’din it-tellieqa kienu jħallsu aktar għax ma kinitx imħollija mill-Kavallieri bħall-erbgħa l-oħra. Fil-fatt anki l-premju tagħha kien tazza mentri għall-oħrajn kienu jniżżlu tliet palji għal kull bhima.
“Kienu jitilgħu ħafna nies. Ir-Rabat kien ikun maħnuq. Jien kont insuq il-ħmir u anki ponijiet ġieli soqt. Il-Buskett kienu joqtlu l-fniek u jaqlu hemm. Issa ma jsir xejn. L-Imnarja ilha 30 sena sejra lura.”
Minn kif jirrakkonta Debono l-għana kienet tagħmel parti mill-ħajja ta’ kuljum tal-Maltin. Ix-Xhudi kien jgħanni waqt li kien ikun għaddej bil-karrettun u kien ukoll il-mod tiegħu kif jaqbad man-nies. In-nisa kienu jgħannu waqt il-ħasla. Is-sajjieda wkoll kellhom l-għana tagħhom.
Sfortunatament illum ma fadalx spazju għall-għana għax persuna tehda bir-radju jew bl-Ipod jekk trid tisma’ rakkont jew mużika biex tehda.

 

Intervista
L-għannej poeta

Franica Pulis tintervista lill-għannej Karmnu Debono il-Pikipak




Wenzu Mintoff
Faqqiegħ



Carmelo M. Bonnici
Il-ħajja u t-teknoloġija



Joe Ellis
Yes, Minister



Emmanuel Micallef
Nibżgħu għat-turisti



Toni Abela
McPolitika


Il-Punt - Dun Pawl Camilleri
Tkissir jew tisħiħ?

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan