MediaToday

Il-Punt - Dun Pawl Camilleri | 28 ta’ Ġunju 2009 Nr 140

Bookmark and Share

Tkissir jew tisħiħ?

Bħala regola kulħadd jaqbel li l-prevenzjoni hija aħjar minn kura imma fejn jidħol it-tkissir taż-żwieġ u tal-familja, anke nies intelliġenti, l-ewwel u kultant l-unika, idea li tiġihom hi dikjarazzjoni legali tat-tkissir. Qisu dan kien xi ideal, li issa fortunat biżżejjed li nistgħu nilħquh – fl-aħħar!
Il-filosofija ta’ PROĠETTIMPENN mhix hekk. Waqt li ma ndaħħlux rasna fir-ramel jew nippretendu li m’hawnx problemi, niffukaw prinċipalment fuq il-pożittiv: it-tisħiħ taż-żwieġ. Bħala mission statement għandna: “Ilkoll favur żwieġ b’saħħtu” u bħala motto għażilna: “Żwieġ b’saħħtu l-ideal possibbli”.
Meta ngħidu “ilkoll” qed nirreferu għall-Parlamentari, politiċi, Knisja, unions, NGOs, min iħaddem, għalliema, professjonist, ġurnalisti u fuq kollox il-miżżewġin infushom. B’ “favur” irridu nfissru li aħna ma nagħmlux kampanji jew kruċjati kontra xi ħaġa imma ħidma b’risq valur imprezzabbli.
“Żwieġ” hi l-għaqda formali ta’ mħabba bejn raġel u mara sal-firda bil-mewt kemm reliġjuz u kemm ċivili u “b’saħħtu” fis-sens ta’ mhux li hu perfett u bla problemi imma stabbli u sostanzjalment sodisfaċenti. “Ideal” għax hu l-mira li meta tintlaħaq tagħmel ġid kbir lil miżżewġin, lill-ulied u lis-soċjetà u “possibbli” għax bil-ħolqien ta’ kultura u strutturi li jipproponuh, jipproteġuh u jsaħħuh.
Uffiċjalment PROGETTIMPENN (Task Force tal-Kummissjoni Djoċesana Familja, bis-sehem ta’ Kana u Caritas) beda fil-15 ta’ Mejju tas-sena li għaddiet waqt Il-Jum Dinji tal-Familja. Imma qablu kien hemm il-Proġett Żwieġ b’Saħħtu, imtella’ mill-istess gruppi. Kien jinkludi studju minn Discern, Konferenza Nazzjonali, b’Samantha Callan bħala l-kelliema ewlenija, u twaqqif tat-Task Force. Qabel l-elezzjoni ntbagħat memorandum lill-partiti politiċi li kien diskuss magħhom.
PROĠETTIMEPNN tnieda b’kampanja ta’ posters bil-Motto Task Force u diskussjoni nazzjonali dwar is-suġġett. Fit-22 ta’ Ottubru tal-istess sena, fil-ħames anniversarju taċ-Charter tad-drittijiet tal-familja, kellna konferenza bis-sehem tan-Nunzju Appostoliku u ta’ Mons Anton Gouder. Imbagħad fis-7 ta’ Frar li għadda kellna konferenza bis-sehem ta’ Dun Paul Galea u Harry Benson, fundatur u Direttur tal-Bristol Community Family Trust.
Fil-15 ta’ Mejju li għadda, fl-ewwel anniversarju ta’ PROĠETTIMPENN, kellna konferenza oħra bis-sehem tal-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech, Carm Mifsud Bonnici, Marie-Louise Coleiro Preca u l-President George Abela.
Din hi l-ħidma li tidher. Hemm ħafna ħidma li ma tidhirx bħalma huma, permezz ta’ Kana, il-laqgħat individwali ma’ kull deputat u ma’ diversi persuni f’postijiet ta’ responsabbiltà, dwar il-ħtieġa, tat-tisħiħ taż-żwieġ. Ovvjament hemm ħafna iktar x’jista’ u x’għandu jsir. Iktar ma jkollna nies impenjati f’din il-ħidma, naturalment nirrendu iżjed. Nagħmlu appell lill-mezzi tax-xandir kollha biex it-tisħiħ taż-żwieġ jingħata ferm iżjed importanza milli qed jingħata, almenu mhux daqskemm jingħata lit-tkissir.

Dun Pawl Camilleri hu membru attiv fi ħdan PROĠETTIMPENN

 

 

Intervista
L-għannej poeta

Franica Pulis tintervista lill-għannej Karmnu Debono il-Pikipak




Wenzu Mintoff
Faqqiegħ



Carmelo M. Bonnici
Il-ħajja u t-teknoloġija



Joe Ellis
Yes, Minister



Emmanuel Micallef
Nibżgħu għat-turisti



Toni Abela
McPolitika


Il-Punt - Dun Pawl Camilleri
Tkissir jew tisħiħ?

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan