Emmanel Micallef | 28 ta’ Ġunju 2009 Nr 140
Is-sajf iġib miegħu t-turisti. Ma jinteressaniex biss kemm jiġu imma x’tip ta’ turisti jiġu u kemm iħallu flus f’pajjiżna. Fi żmien l-industrija tat-turiżmu kienet kolonna fl-ekonomija tagħna. Mhux għax m’għadhiex imma llum l-ekonomija tagħna nfetħet iktar u d-dipendenza fuq din l-industrija naqset xi ftit jew wisq.
L-isfortuna hi li minħabba l-kriżi ekonomika l-ewwel daqqa fil-każ tagħna ħassitha l-industrija tat-turiżmu. Iċ-ċifri li ġew ippubblikati dan l-aħħar, kemm minn naħa tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika kif ukoll mill-Assoċjazzjoni tal-Lukandiera u Ristorantiera (MHRA), rajna kif in-numru ta’ turisti li jżuruna u l-iljieli li jqattgħu fostna naqsu mhux ħażin. Il-previzjoni hi li għax-xhur li ġejjin se nibqgħu nbatu minn din ix-xejra negattiva.
Jidher li l-Gvern u dawk kollha nvoluti fis-settur qed jagħmlu dak kollu possibbli biex insalvaw is-sitwazzjoni iżda bla dubju mhux qegħdin nagħmlu biżżejjed. Jekk irridu nibżgħu għall-impjiegi li jlaħħqu l-eluf f’dan is-settur irridu nibqgħu nirsistu biex insaħħu din l-industrija. Iżda apparti l-investiment infrastrutturali li jinħtieġ jibqa’ jkun żvilupp kontinwu li jikkontribwixxi lejn it-tisħiħ tat-turiżmu f’pajjiżna.
Apparti l-inizjattivi kollha li jieħu s-settur privat biex ikabbar jew jiddiversifika fl-attività turistika jeħtieġ li nerġgħu nħarsu lejn fatturi bażiċi li maż-żmien ittraskurajna u li minħabba f’hekk komplejna nagħtu daqqa ’l isfel lit-turiżmu.
Nibda bil-mentalità li għandhom xi wħud li jaħsbu li t-turist qisu xi ħadd li ġie minn pjaneta oħra u ma jafx id-drittijiet tiegħu f’pajjiż barrani. Naħsbu li t-turist jiġi hawn biex jonfoq flusu bl-addoċċ mingħajr ma jħares lejn il-valur tal-btala tiegħu. Għamilna żmien meta l-prezzijiet fir-ristoranti u ħwienet kienu jkunu differenti għall-klijenti lokali u l-barranin.
Għad għandna min jaħseb li lit-turist tista’ tisolħu ħaj. L-aqwa li nħaxxnu butna malajr u niġu naqgħu u nqumu jekk dan jagħmlilniex reklam ħażin la jmur lura f’pajjiżu jew le. Għad għandna wkoll min jaħseb li t-turist ma jinnutax il-kwalità ta’ ikel li jiġi servut, is-servizz li jingħata u ż-żamma tal-indafa u l-igene. F’ċerti postijiet li jiffrekwentaw it-turisti tħossok tistħi minflokhom. Anke f’postijiet ta’ divertiment mhux biss il-prezzijiet huma esaġerati imma s-servizz hu litteralment brodu. Meta titkellem mas-sidien jgħidulek “għandna ħafna spejjeż u ma nistgħux noffru aħjar minn hekk.” Dan jinkludi wkoll sfruttament ta’ żgħażagħ li jitħallsu biċ-ċiċri? Allura kif tridhom ikunu motivati biex jagħtu l-aqwa servizz?
L-indafa mill-għatba tal-bieb ta’ barra ’l ġewwa għadha tinħass ma’ kullimkien. Qisu t-toroq u l-imsieraħ li jifirdu djarna mhumiex tagħna. Ma nistax ngħid li ma sarx titjib fil-manutenzjoni ta’ postijiet pubbliċi u li l-poplu sar iktar konxju tal-ħtieġa li jżomm l-indafa, inkluż fuq ix-xtut tal-bajjiet tagħna. Iżda sfortunatament għadna ma wasalniex sal-punt li t-turist meta jitlaq minn fostna jgħid kemm sab pajjiż nadif.
Minbarra l-kundizzjonijiet miżeri ta’ certi toroq – u t-turisti ma jgħaddux biss mit-toroq arterjali – għadna naraw bosta munzelli ta’ skart u żibel miġbur għal wiċċ in-nies. Jekk nitbiegħdu ftit mill-qalba tar-raħal jew belt is-sitwazzjoni tmur għall-agħar. Dawra mal-kampanja jew passiġġata fil-mogħdijiet u t-trejqiet li jifirdu l-ħitan tas-sejjiegħ malajr nintebħu kemm għadna ma nafux nibżgħu għall-ambjent. Ma rridx insemmi l-Belt kapitali tagħna għax din ukoll tinsab fi stat żdingat. Billi l-bieraħ il-pjanti ta’ Renzo Piano raw id-dawl tax-xemx ma jfissirx li għamilna l-Belt Valletta hi l-ġawhra ta’ dawn il-gżejjer.
Imbagħad xi ngħidu għad-diżorganizzazzjoni organizzata? Jista’ t-turist iserraħ rasu mill-effiċjenza tat-trasport pubbliku? Lanqas iċ-ċittadin Malti m’għandu moħħu mistrieħ minn dan aħseb u ara l-barrani li jiġi fostna. Issa għandna r-riforma f’dan is-settur iżda Alla biss jaf meta se nkunu nistgħu nitkessħu li għandna l-aqwa servizz tal-linja, tat-taxis, tal-coaches, tal-minibuses u tal-karozzi tal-kiri.
L-istess nistgħu ngħidu fil-każ tal-kordinament ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u proġetti oħra li jsiru biswit postijiet frekwentati mit-turisti bħal-lukandi u proprju fl-eqqel tal-istaġun tat-turiżmu. Min hu dak li jiġi għal vakanza għall-kwiet u jispiċċa fl-istorbju, it-trabijiet u l-iskomdu imbagħad imur jgħid kemm mill-btala tiegħu ħa valur ta’ flusu?
Jekk irridu nattiraw lit-turisti, iktar u iktar fiċ-ċirkostanzi ta’ kriżi ekonomika li għaddejjin minnha, allura ma nistgħux inħallu dawn il-fatturi bażiċi jitkaxru mal-kurrent. Wara kollox dak li jgħodd għat-turisti jgħodd għalina wkoll. Mhux biss għall-Maltin li jżuru Għawdex u l-Għawdxin li jżuru Malta imma għaċ-ċittadini kollha residenti f’pajjiżna.
|
|

Franica Pulis tintervista lill-għannej Karmnu Debono il-Pikipak
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef

Toni Abela
- Dun Pawl Camilleri
|
|
|