MediaToday

Joe Ellis | 28 ta’ Ġunju 2009 Nr 140

Bookmark and Share

Yes, Minister

Ħafna żgur jiftakru din is-serje komika Ingliża fejn il-Ministru Jim Hacker ikollu jħabbat wiċċu mal-intriċċi u l-manuvrar tas-Segretarju Permanenti tiegħu, Sir Humphrey Appleby li bil-ħażen tiegħu kien jiffrustra l-pjani li ried iwettaq il-Ministru. Kienet serje fortunata li Thatcher kienet tħobb tara u li ma kinetx daqshekk ’il bogħod mir-realtà.
Ir-rapport bejn is-Servizz Pubbliku, jew kif inħobbu nsejħulu aħna ċ-Ċivil u l-Eżekuttiv, jiġifieri l-mexxejja politiċi li jinħatru mill-poplu, hu wieħed mill-aktar delikati f’demokrazija Parlamentari bħal dik tagħna. Il-funzjoni taċ-Ċivil hi li tħaddem il-magna tal-Gvern u dan b’effiċenza u b’imparzjalità u b’osservanza tal-liġijiet li jgħaddi l-Parlament.
L-Eżekuttiv jew il-Gvern għandu mill-banda l-oħra d-dmir li jixpruna l-operat taċ-Ċivil, jidderiġih u jiżgura li għandu r-riżorsi u l-qafas regolamentorju adekwat biex jopera. Biex nagħtu eżempju, iċ-Ċivil qisu l-impjegati f’kumpanija, il-kapijiet tiegħu nqabbluhom mal-maniġment mentri l-Ministri huma d-diretturi eżekuttivi tal-kumpanija. L-elettorat hu ovvjament l-azzjonisti ta’ tali kumpanija immaġinarja li kull ħames snin jeleġu d-diretturi.
Ir-rapport bejn il-Ministri u l-kapijiet taċ-Ċivil hu tassew delikat. Fi żmien l-amministrazzjoni kolonjali, meta l-Gvern rappreżentattiv kien l-eċċezzjoni, mhux ir-regola, il-kapijiet tad-dipartiment kienu qishom Ministri. Dawn il-kapijiet kellhom poter kbir u kien hemm min, bħal Sir Adrian Dingli, li kien meqjus bħala l-amministratur effettiv ta’ dawn il-gżejjer. Twieldet ukoll il-leġġenda ta’ Ċivil li jopera mingħajr biża’ jew favur, irrispettivament mill-kulur politiku tal-individwu. Ma nafx kemm dan kien minnu, għalkemm ċertu element ta’ verità żgur li kien hemm.
Mintoff kellu aġenda radikali għall-pajjiż u ma kienx jonqos li dan jeffettwa l-operat taċ-Ċivil. Spiss kienu jsiru akkużi li l-promozzjonijiet fiċ-Ċivil ma baqgħux isiru fuq bażi meritokratika u anke li xi deċiżjonijiet kienu jittieħdu b’lenti politika. Miċ-Ċivil telqu ħafna elementi tajbin peress li ma ssaportewx l-indħil politiku u l-kastigi li kienu jingħataw.
Madankollu bosta kienu n-Nazzjonalisti li avvanzaw fiċ-Ċivil u okkupaw pożizzjonijiet importanti. U wieħed mill-aktar kunsillieri fdati ta’ Mintoff ma kien ħadd għajr Edgar Mizzi li wkoll kien kunsillier importanti ta’ Borg Olivier. Fl-era Laburista s-settur pubbliku kiber sew u sploda s-settur parastatali li ħa f’idejh setturi mportanti tal-ekonomija.
In-Nazzjonalisti telgħu fil-poter fl-1987 u wegħdu riformi fiċ-ċivil billi jċekknuh u jneħħu kull xamma ta’ politika li setà kellu. Ċertament il-kundizzjonijiet tax-xogħol tjiebu sew għalkemm forsi mhux dejjem laħħqu mas-settur privat. Madankollu jeżistu anke sitwazzjonijiet fejn il-kundizzjonijiet huma aħjar mis-settur privat.
Ftehim kollettivi suċċessivi kienu pjuttost ġenerużi fil-konfront taċ-Ċivil. Għalkemm matul is-snin saret il-privatizzazzjoni ta’ bosta kumpaniji parastatali kif ukoll kien hemm tnaqqis gradwali fin-numru ta’ impjegati fis-settur pubbliku, dan is-settur f’Novembru li għadda kien jimpjega 41,178 mill-145,417 persuna mpjegata fil-pajjiż. Minn dawn 10,942 kienu fl-amministrazzjoni pubblika, iħaddmu l-magna tal-Gvern. Dan barra l-eluf l-oħra f’setturi bħas-Saħħa u l-edukazzjoni.
Il-Kostituzzjoni tipprovdi li l-President, fuq il-parir tal-Prim Ministru, jassenja lill- Ministri x-xogħol li jridu jwettqu kif ukoll id-dipartimenti tal-Gvern li jaqgħu taħthom. Il-Kostituzzjoni tkompli tgħid ukoll li Ministru għandu jeżerċita kemm id-direzzjoni ġenerali kif ukoll il-kontroll fuq dipartiment li jaqa’ taħt is-sorveljanza ta’ Segretarju Permanenti li wkoll jinħatar mill-President, fuq il-parir tal-Prim Ministru. Is-segretarji permanenti nħatru għall-ewwel darba fl-ewwel snin tal-Gvern ta’ Fenech Adami. Il-ħatra tagħhom kienet intiża biex iċ-Ċivil jitmexxa b’mod aktar effiċenti kif ukoll awtonomu mid-diktat ministerjali u llum huma ġeneralment aċċettati.
Miżura oħra importanti fl-ewwel snin tal-amministrazzjoni ta’ Fenech Adami kienet emenda fl-att dwar l-Interpretazzjoni li permezz tagħha, id-direzzjoni li Ministru jista’ jagħti lil xi dipartiment li jaqa’ taħtu kellha ssir bil-miktub. Wieħed ma jafx kemm fil-fatt din il-Liġi tiġi osservata imma ċertament l-intenzjoni kienet tajba għax permezz tagħha wieħed kien jistenna li d-direzzjonijiet li jagħtu l-Ministri lid-dipartimenti jsiru bil-miktub, u mhux verbalment u b’hekk kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu.
Din is-sena l-Parlament għadda Liġi importanti li tirregola l-amministrazzjoni pubblika. Fl-opinjoni tiegħi, fir-rigward tar-rapport bejn il-Ministri u ċ-Ċivil, dan l-att ta’ messaġġ ma tantx pożittiv reġġa’ lura l-iżviluppi, tal-anqas formali, li kienu saru fi żmien l-amministrazzjoni ta’ Fenech Adami.
L-artiklu 6 ta’ dan l-Att jgħid li Ministru għandu d-dritt li jagħti kwalunkwe direzzjoni direttament lill-kap ta’ dipartiment jew kwalunkwe uffiċjal ieħor u hu obbligat biss li jinforma lis-Segretarju Permanenti. Għalkemm il-provvediment fl-Att dwar l-Interpretazzjoni ma’ tneħħiex, wieħed kien jistenna li din il-liġi kienet tgħid ċar u tond li tali direzzjoni għandha tingħata bil-miktub.
Hu evidenti li din il-liġi tirrifletti l-ispirtu ta’ dawn iż-żminijiet. Il-Ministri jixtiequ joperaw bil-mod li jxekkilhom mill-anqas. Fil-passat kellna eżempji fejn ir-rapport bejn il-Ministri u s-Segretarji Permanenti ma kien tajjeb xejn. Mhux kulħadd hu bħal Sir Humphrey imma kwalunkwe uffiċjal pubbliku hu fid-dmir li l-liġijiet, ir-regolamenti u l-policies jiġu osservati mingħajr biża’ jew favur.
Għaldaqstant, f’demokrazija Parlamentari, hu essenzjali li jkun hemm bilanċ meqjus bejn ir-responsabbiltajiet ministerjali u l-awtonomija taċ-Ċivil. Li mhux aċċettabli hu li fuq il-Ministri taqa’ mhux biss id-direzzjoni u l-kontroll ġenerali tad-dipartiment, imma anke jispiċċaw il-maniġers taċ-Ċivil li jieħdu d-deċiżjonijiet ta’ kuljum.
Sfortunatament dan ġieli hu l-każ u mhux ta’ b’xejn li l-affarijiet jistaġnaw. Kwalunkwe maniġer tajjeb jaf li ċ-ċavetta tas-suċċess hi kemm wieħed jirnexxilu jiddelega effettivament lil min jiġi taħtu: il-micromanagement ma jagħmel ġid lil ħadd u dan japplika anke fiċ-Ċivil.
Dan ma jfissirx li kollox hu ward u żahar fiċ-Ċivil. Wieħed spiss jiltaqa’ ma’ atteġġamenti arroganti, ineffiċenti, riġidi jew bla sens. Dawn huma kollha sintomi ta’ organizzazzjonijiet kbar, speċjalment dawk li mhumiex motivati bil-qligħ. Lanqas m’għadha tagħmel sens li ċ-Ċivil jagħlaq kompletament bin-nofs ta’ nhar tliet xhur u nofs fis-sena.
Tajjeb kieku fil-ftehim kollettiv jidħol element ta’ qsim ta’ qligħ biż-żidiet fil-pagi jkunu marbutin maż-żidiet fil-ġid nazzjonali. Hu nkwetanti ukoll li uffiċjali taċ-Ċivil jipparteċipaw b’mod regolari fi programmi ta’ natura politika fuq il-mezzi tax-xandir. Wieħed jistenna li l-Ministri kollettivament għandhom jindirizzaw dawn il-problemi u mhux jinħlew jifli d-deċizjonijiet, anke dawk mill-aktar trivjali, ta’ dawk li huma mħallsin biex jieħdu tali deċiżjonijiet.

 

Intervista
L-għannej poeta

Franica Pulis tintervista lill-għannej Karmnu Debono il-Pikipak




Wenzu Mintoff
Faqqiegħ



Carmelo M. Bonnici
Il-ħajja u t-teknoloġija



Joe Ellis
Yes, Minister



Emmanuel Micallef
Nibżgħu għat-turisti



Toni Abela
McPolitika


Il-Punt - Dun Pawl Camilleri
Tkissir jew tisħiħ?

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan