Editorjal | 28 ta’ Ġunju 2009 Nr 140
Waqt li qed jinkiteb dan l-editorjal għadu ma tħabbarx fil-pubbliku l-pjan ta’ Enzo Piano u għalhekk għandna vantaġġ wieħed: nistgħu nfasslu l-pjan tagħna ta’ kif imissna nirreaġixxu għalih. Hi ħaġa minn ewl id-dinja li l-għajn tiekol u għalhekk meta jkollna quddiemna l-proposta bl-istampa b’kollox ħafna minna se ninħakmu mill-gosti tagħna. Fl-aħħar mill-aħħar din mhix ħaġa ħażina anzi mill-iżjed naturali. Iżda issa li għadna fil-kenn mill-emozzjoni estetika tajjeb li nagħtu ftit piż lil ħwejjeġ oħra u forsi nlestuhom biex jagħmlu tagħhom meta nkunu se niffurmaw opinjoni fuq il-ħidma ta’ Piano.
Il-fatt li hu perit famuż li wettaq xogħlijiet mill-aktar prestiġġużi fl-akbar ibliet tad-dinja m’għandniex inħalluh jgħammixna u lanqas m’għandna nħallu jagħmina l-fatt li mix-xogħlijiet li nafu tiegħu forsi ma jogħġobna xejn. Il-pjan ta’ Piano għall-Belt Valletta se jkun prodott tekniku u artistiku għalih: jirnexxi jew le għalih u s-suċċessi l-mgħoddija ta’ Piano band’oħra m’għandhomx effett fuq dan ir-riżultat.
Bħal dak tal-artisti kollha, xogħol Piano jinbidel, aktarx li jiżviluppa b’kull opra ġdida iżda wkoll jgħaddi mill-periklu li jkun falliment u jnaqqas u mhux iżid ma’ dawk li jkunu nħadmu qablu. Kull xogħol ta’ arkitettura jsir uniku għaliex ukoll jekk ikun identiku għal xogħol ieħor ikun jinstab f’post partikolari. Il-post u l-opra jitwaħħdu u l-opra ma nistgħux niżnuha mingħajr ma ngħoddu l-kuntest li tkun qegħda ssir fih.
Meta ngħoddu kollox il-fatturi kollha li għandhom influenza fit-tfassil u l-interpretazzjoni ta’ dan
il-pjan ikollna nagħrfu li Piano daħal għal sfida sew.
Jagħmel x’jagħmel se tinqala’ polemika, se jkun hemm min mhux se jogħġbu x-xogħol u se jkun hemm min ikun favurih jagħmel x’jagħmel. Forsi dan l-inqas inkwiet ta’ professjonist li dejjem kien kontroversjali. Tkun ħaġa iżjed serja jekk il-pjan ma jkunx fattibbli jew jekk fil-fatt ma jaqdix il-ħtiġiet tal-belt kapitali tagħna.
Fl-ewwel pjan tiegħu l-akbar difett ma kinitx il-modernità tad-daħla tal-Belt li tant qanqlet polemika iżda l-proposta li t-traffiku dieħel il-Belt jaqbad Triq Zekka li fiha żurżieqa tbezzgħek u li żgur mhix adattata biex tieħu volum ta’ traffiku qawwi. Dik il-proposta kienet iddgħajjef il-proposta kollha kemm hi.
Lanqas mhi xi ħaġa żgħira li Piano ilu mill-aħħar tas-snin 80 maħtur bħala l-perit li jrid ifassal dan il-pjan biex iqajjem lill-Belt mit-telqa li ilha fiha. Naturalment minn dakinhar sal-lum nibtu, twettqu u għebu ħafna pjani oħra li ftit jew wisq għandhom impatt fuq kull pjan li jista’ jitfassal għall-Belt kollha kemm hi.
Kien hemm il-pjan biex titħaffer mina minn port għall-ieħor biex jgħaddu l-laneċ minnha. Ma sar xejn. Saret il-pavimentazzjoni ta’ Triq ir-Repubblika mbagħad ta’ Triq il-Merkanti bil-pjazza tas-suq. Qegħda ssir il-pavimentazzjoni ta’ Misraħ il-Palazz bil-polemika tagħha.
Il-parkeġġ li kien ippjanat li jsir taħtha mhux se jsir. Iċċaqalqu l-għassa u l-Posta. Il-pjan tat-traffiku nbidel għal kollox. Il-pjan għall-venda tal-karozzi tal-linja baqa’ fl-arja. Bħalissa hemm it-tilwima dwar it-Teatru Rjal u l-Parlament.
Piano jrid iżomm dan kollu f’moħħu waqt li jippreżenta l-pjan li jfisser il-viżjoni tiegħu.
Nittamaw biss li jgħaġġibna. Diġà ħalliena skantati kif ilu jissemma’ b’rabta ma’ dan il-pjan mill-aħħar snin 80 u għal darb’oħra reġa’ ngħata l-inkarigu mingħajr ma kellu jħabbatha mal-ebda kompetitur.
|
|

Franica Pulis tintervista lill-għannej Karmnu Debono il-Pikipak
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef

Toni Abela
- Dun Pawl Camilleri
|
|
|